22.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Darmstadt – il-Ġermanja) – Furkan Tekdemir, irrappreżentat legalment minn Derya Tekdemir u Nedim Tekdemir vs Kreis Bergstraße

(Kawża C-652/15) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija - Deċiżjoni Nru 1/80 - Artikolu 13 - Klawżola ta’ standstill - Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru - Eventwali eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjonijiet ġodda - Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji - Obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stat terz ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza - Proporzjonalità))

(2017/C 161/03)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Darmstadt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Furkan Tekdemir, irrappreżentat legalment minn Derya Tekdemir u Nedim Tekdemir

Konvenut: Kreis Bergstraße

Dispożittiv

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, mehmuża mal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata miżura nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena l-obbligu li jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat Membru.

Madankollu, tali miżura ma hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex, peress li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-ulied ċittadini ta’ Stati terzi li twieldu fl-Istat Membru kkonċernat u li wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.


(1)  ĠU C 118, 4.4.2016.