26.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ April 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato – l-Italja) – Onix Asigurări SA vs Istituto per la Vigilanza Sulle Assicurazioni (IVASS)

(Kawża C-559/15) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 73/239/KEE - Direttiva 92/49/KEE - Prinċipju ta’ approvazzjoni unika - Prinċipju ta’ kontroll mill-Istat Membru tal-oriġini - Artikolu 40(6) - Kunċett ta’ “irregolaritajiet” - Reputazzjoni tal-azzjonisti - Projbizzjoni fil-konfront ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fi Stat Membru milli tikkonkludi kuntratti ġodda fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor))

(2017/C 202/05)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Onix Asigurări SA

Konvenuta: Istituto per la Vigilanza Sulle Assicurazioni (IVASS)

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 40(6) tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ Stat Membru milli jadottaw b’urġenza, fil-konfront ta’ impriża tal-assigurazzjoni diretta li ma hijiex assigurazzjoni tal-ħajja li topera fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taħt is-sistema tal-libertà li jiġi pprovduti servizzi, bil-għan li jipproteġu l-interessi tal-persuni assigurati u ta’ persuni oħra li jistgħu jibbenefikaw minn koperturi tal-assigurazzjoni sottoskritti, miżuri, bħall-projbizzjoni li tikkonkludi kuntratti ġodda f’dan it-territorju, ibbażati fuq l-inosservanza, mill-bidu jew le, evalwata b’mod diskrezzjonali, ta’ kundizzjoni suġġettiva ta’ awtorizzazzjoni prevista għall-għoti tal-approvazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ assigurazzjoni, bħall-kundizzjoni marbuta mar-reputazzjoni. Għall-kuntrarju, din id-direttiva ma tipprekludix lil dan l-Istat Membru, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi li huwa għandu f’sitwazzjoni ta’ urġenza, milli jistabbilixxi, jekk ċerti insuffiċjenzi jew inċertezzi marbuta mal-onorabbiltà tal-mexxejja tal-impriża tal-assigurazzjoni kkonċernata jirrilevawx perikolu reali u imminenti li jipproduċu irregolaritajiet għad-detriment tal-interessi tal-persuni assigurati jew ta’ persuni oħra li jistgħu jibbenefikaw minn koperturi ta’ assigurazzjoni sottoskritti u, jekk dan ikun il-każ, li jadotta immedjatament miżuri adegwati, bħal, fejn applikabbli, il-projbizzjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda fit-territorju tiegħu.


(1)  ĠU C 38, 01.02.2016.