14.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Marzu 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Bergamo – l-Italja) – proċeduri kriminali kontra Luca Menci

(Kawża C-524/15) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta - Sanzjonijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 50 - Prinċipju ta’ ne bis in idem - Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva - Eżistenza tal-istess ksur - Artikolu 52(1) - Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem - Kundizzjonijiet))

(2018/C 166/02)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Bergamo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Luca Menci

Fil-preżenza ta’: Procura della Repubblica

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna għal ommissjoni ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta fit-termini legali, minkejja li din il-persuna diġà ġiet imposta fuqha, għall-istess fatti, sanzjoni amministrattiva definittiva ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, sakemm din il-leġiżlazzjoni

għandha għan ta’ interess ġenerali li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, jiġifieri l-ġlieda kontra l-ksur fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, liema proċeduri u sanzjonijiet għandu jkollhom għanijiet komplementari,

tinkludi regoli li jiżguraw koordinazzjoni li tillimita għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li jirriżulta, għall-persuni kkonċernati, minn kumulu ta’ proċeduri, u

tipprevedi regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju meta mqabbel mal-gravità tal-ksur ikkonċernat.

2)

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, li l-piż li jirriżulta konkretament għall-persuna kkonċernata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mill-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet li din tawtorizza ma huwiex eċċessiv meta mqabbel mal-gravità tal-ksur imwettaq.


(1)  ĠU C 414, 14.12.2015