6.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 70/3 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-19 ta’ Jannar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Braunschweig – il-Ġermanja) – Queisser Pharma GmbH & Co. KG vs Bundesrepublik Deutschland
(Kawża C-282/15) (1)
([Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Moviment liberu tal-merkanzija - Artikoli 34 sa 36 TFUE - Sitwazzjoni purament interna - Sigurtà tal-prodotti tal-ikel - Regolament (KE) Nru 178/2002 - Artikolu 6 - Prinċipju tal-analiżi tar-riskji - Artikolu 7 - Prinċipju ta’ prekawzjoni - Regolament (KE) Nru 1925/2006 - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi l-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta’ supplimenti tal-ikel li jkun fihom aċidi amminiċi - Sitwazzjoni li fiha deroga temporanja minn din il-projbizzjoni taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità nazzjonali])
(2017/C 070/03)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Braunschweig
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Queisser Pharma GmbH & Co. KG
Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland
Dispożittiv
L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-manifattura, l-ipproċessar jew it-tqegħid fis-suq ta’ kwalunkwe suppliment tal-ikel li jkun fih aċidi amminiċi, ħlief fil-każ ta’ deroga minn awtorità nazzjonali li għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, meta din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq analiżi tar-riskji li tirrigwarda biss ċerti aċidi amminiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Fi kwalunkwe każ, dawn l-artikoli għandhom jiġu interpretati li jipprekludu tali leġiżlazzjoni nazzjonali, meta din tipprevedi li d-derogi mill-projbizzjoni intiża mill-imsemmija leġiżlazzjoni jistgħu jinħarġu biss għal perijodu determinat anki fil-każ li jiġi stabbilit li s-sustanza ma hijiex perikoluża.