|
31.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 402/7 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Settembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden – il-Pajjiżi l-Baxxi) – GS Media BV vs Sanoma Media Netherlands BV, Playboy Enterprises International Inc., Britt Geertruida Dekker
(Kawża C-160/15) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Direttiva 2001/29/KE - Soċjetà tal-informazzjoni - Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Artikolu 3(1) - Avviż lill-pubbliku - Kunċett - Internet - Hyperlinks li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti, magħmula aċċessibbli fuq sit tal-internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur - Xogħlijiet li għadhom ma ġewx ippubblikati mid-detentur - Tqegħid ta’ tali hyperlinks għal skopijiet ta’ lukru)
(2016/C 402/08)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: GS Media BV
Konvenuti: Sanoma Media Netherlands BV, Playboy Enterprises International Inc., Britt Geertruida Dekker
Dispożittiv
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatt li jitqiegħdu fuq l internet, hyperlinks lejn xogħlijiet protetti, liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat il-punt dwar jekk dawn il-links humiex ipprovduti għal skop ta’ lukru minn persuna li ma kinitx taf jew ma setgħetx raġonevolment tkun taf bin-natura illegali tal-pubblikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet fuq dan is-sit tal-internet l-ieħor jew, jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija links humiex ipprovduti b’tali għan, ipoteżi fejn din il-konoxxenza għandha tiġi preżunta.