12.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 335/10 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Lulju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supremo Tribunal Administrativo – il-Portugall) – Brisal – Auto Estradas do Litoral SA, KBC Finance Ireland vs Fazenda Pública
(Kawża C-18/15) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 56 TFUE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Restrizzjonijiet - Leġiżlazzjoni fiskali - Tassazzjoni tal-interessi miġbura - Differenza fit-trattament bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji residenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux residenti)
(2016/C 335/12)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Supremo Tribunal Administrativo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Brisal – Auto Estradas do Litoral SA, KBC Finance Ireland
Konvenuta: Fazenda Pública
Dispożittiv
L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din proċedura ta’ tnaqqis f’ras il-għajn tat-taxxa tiġi applikata għar-remunerazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji mhux residenti tal-Istat Membru li fih jiġu pprovduti s-servizzi, filwaqt li r-remunerazzjoni mħallsa lill-istituzzjonijiet finanzjarji residenti ta’ dan l-Istat Membru ma hijiex suġġetta għal tali taxxa, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni lill-istituzzjonijiet finanzjarji mhux residenti tat-taxxa f’ras il-għajn tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.
L-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, bħala regola ġenerali, tintaxxa l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux residenti fuq id-dħul ta’ interessi miksub ġewwa l-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma tagħtihom il-possibbiltà li jnaqqsu l-ispejjeż professjonali direttament marbuta mal-attività inkwistjoni, filwaqt li tali possibbiltà hija rikonoxxuta lill-istituzzjonijiet finanzjarji residenti.
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, liema huma l-ispejjeż professjonali li jistgħu jitqiesu li huma direttament marbuta mal-attività inkwistjoni.