9.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/59


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2014 – L-Italja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-809/14)

(2015/C 046/77)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: P. Gentili, avvocato dello Stato, u G. Palmieri, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla n-nota tat-2 ta’ Ottubru 2014 HR.A2 mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni Ewropea lid-Direttur Ġenerali għall-Unjoni Ewropea tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Taljana.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra l-imsemmija nota, li ntbagħtet wara l-Avviż għal pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni ta’ Direttur taċ-Ċ entru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu) (COM/2014/10356), li preċedentement ġie kkontestat permezz tar-rikors T-636/14, u li tieħu pożizzjoni dwar l-allegata diverġenza eżistenti bejn l-avviż inkwistjoni u l-formola fis-sit internet li fih jistgħu jiġu ddepożitati l-kandidaturi rispettivi, li tillimita l-lingwi disponibbli f’dan ir-rigward għall-Franċiż, għall-Ingliż u għall-Ġermaniż.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 18 u 24(4) TFUE; 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; 1 u 2, tar-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea; 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-Avviż, permezz ta’ riferiment għas-sit internet tal-Kummissjoni, li kien jinkludi tali preċiżazzjoni vinkolanti, impona lill-kandidati sabiex jippreżentaw il-curriculum vitae u l-ittra ta’ motivazzjoni bilfors bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, minflok bi kwalunkwe waħda mil-lingwi tal-Unjoni. Sabiex tirrimedja għal dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni missha, skont ir-rikorrenti, immodifikat is-sit internet u estendiet it-termini għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), talli waqt il-proċedura ta’ adozzjoni tal-Avviż il-Kummissjoni żgurat formalment numru ta’ drabi lill-Gvern Taljan li l-imsemmija diskriminazzjoni lingwistika kellha titneħħa, u talli adottat, minflok, aġir oppost meta rrediġiet l-Avviż u meta fasslet ir-regoli ta’ funzjonament tas-sit internet li għalih jagħmel riferiment l-Avviż sabiex tiġi ppreżentata l-kandidatura.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu d-deċiżjoni jmissha ġiet adottata mill-Kummissjoni permezz tal-President jew il-Kummissarju kompetenti, u mhux mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani. li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea