12.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 7/36


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2014 – Hamr Sport vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-693/14)

(2015/C 007/40)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Hamr Sport a.s. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: T. Capoušek, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014 (S.A.33575 – Faċilitajiet sportivi mingħajr finijiet ta’ lukru) invalida;

tannula d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea; u

tirrinvija l-każ quddiem il-Kummissjoni Ewropea għal investigazzjoni ulterjuri u għall-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni deskritta.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

1.

Id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata, peress li fil-proċeduri ta’ qabel id-deċiżjoni kkontestata l-konvenuta ma eżaminatx b’mod xieraq il-provi u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ għajuna mill-Istat kinitx provata.

2.

Il-konvenuta ma tistax tibbaża ruħha, għall-finijiet tal-konklużjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(3)(ċ) TFEU, peress li l-kundizzjonijiet u l-prerekwiżiti għall-applikazzjoni tagħha ma humiex sodisfatti.

3.

Minħabba l-personalità ġuridika tagħha (bħala kumpannija kummerċjali) ir-rikorrenti ma għandhiex id-dritt li tipparteċipa fi kwalunkwe proċedura għall-għoti ta’ sussidji pprovduti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Żagħżagħ u Sport, anki jekk hija effettivament topera fl-istess suq bħall-kompetituri tagħha u ssostni l-istess grupp ta’ persuni ta’ referenza – id-destinatarji (li huma identiċi għall-finijiet tal-interess ġenerali/pubbliku).