1.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 431/36


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Settembru mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-2 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża F-63/13, Psarras vs ENISA

(Kawża T-689/14 P)

(2014/C 431/59)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) (rappreżentant: P: Empadinhas u C. Meidanis, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Aristidis Psarras (Heraklion, il-Greċja)

Talbiet

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża F-63/13;

tiċħad fl-intier tagħhom it-talbiet magħmula mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-Kawża F-63/13 u

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż kollha legali tal-proċeduri, kemm quddiem il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

1.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-avvenimenti tal-4 ta’ Mejju 2012 u l-perijodu sussegwenti, kif ukoll fuq żball ta’ liġi rigward l-Artikolu 41 (2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (flimkien mal-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea).

2.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, sa fejn ġie deċiż, minn naħa, li l-konstatazzjoni tal-ksur ta’ din id-dispożizzjoni tinvolvi ipso jure u awtomatikament l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li ma mxietx mal-ġurisprudenza li tgħid li r-rikorrent kellu juri wkoll li, fl-assenza ta’ ksur, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata seta’ kien differenti, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-interpretazzjoni l-ġdida ta’ din il-konstatazzjoni, il-ġurisprudenza preċedenti hija “definittivament mingħajr ebda sens”.

3.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Ċivili li jiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta fl-ewwel istanza u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligu li li tiġi osservata l-fażi prekontenzjuża dwar talba għad-danni.

4.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-ġurisprudenza li tgħid li l-annullament tal-att ikkontestat fih innifsu jikkostitwixxi kumpens adegwat, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, u fuq il-fatt li l-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda ultra vires, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

5.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq suspetti ta’ nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.