10.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/60


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 – L-Italja vs Il-Kummisjoni

(Kawża T-686/14)

(2014/C 395/73)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: G. Galluzzo, avvocato dello Stato, u G. Palmieri, aġent)

Konvenuta: Il-Kummisjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, fil-parti li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-9 ta’ Lulju 2014, innotifikata bin-Nru C (2014) 4479 fl-10 ta’ Lulju 2014, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fil-parti fejn aġixxiet fil-konfront tal-Italja;

tannulla l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li tirrigwarda l-għajnuna għall-ipproċessar tat-tadam għas-sena finanzjarja 2009 u li tammonta għal total ta’ EUR 1 399 293,78;

tannulla l-korrezzjoni finanzjarja ta’ darba għall-irregolaritajiet “Nuqqas ta’ tagħrif dwar l-azzjonijiet ta’ rkupru implimentati” li tammonta għal total ta’ EUR 2 362 005,73;

tannulla l-korrezzjoni finanzjarja ta’ darba għall-irregolaritajiet “Nuqqas ta’ rappurtar fl-Anness III” li tammonta għal total ta’ EUR 1 460 976,88.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 253 KE) mill-aspett tan-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li tirrigwarda l-għajnuna għall-ipproċessar tat-tadam għas-sena finanzjarja 2008, ġew invokati ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, p. 1) u ksur tal-Artikoli 28 u 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2003, tad-29 ta’ Awwissu 2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-iskema tal-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 555). Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mid-deċiżjoni kkontestata, ikkalkolati li jammontaw għal 5 % tal-infiq imġarrab, billi ssostni li dawn saru minkejja l-prova tal-assenza ta’ dannu finanzjarju sinjifikattiv.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-kwantifikazzjoni tal-korrezzjoni nfisha, sa fejn jirriżulta li d-determinazzjoni konkreta tagħha hija sproporzjonata u manifestament illoġika, billi hija nettament ogħla mid-dannu potenzjali li jista’ jirriżulta mill-aġir imputat lill-awtoritajiet Taljani.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti u fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 253 KE) mill-aspett tan-nuqqas ta’ motivazzjoni.

Dan il-motiv jirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja imposta minħabba li l-Istat Taljan allegatament naqas li jindika allegata irregolarità fit-tabella prevista fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR, li tammonta għal EUR 1 460 976,88. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan isostni li kienet ġiet irreġistrata l-assenza ta’ irregolaritajiet fl-għajnuna mogħtija u għalhekk ma kien meħtieġ li ssir ebda annotazzjoni fit-tabella prevista fl-Anness III.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-korrezzjoni finanzjarja għall-irregolaritajiet “Nuqqas ta’ rappurtar fl-Anness III”, li tirrigwarda l-għajnuna kollha kemm hi u li hija mmotivata min-nuqqas li jintbagħtu dokumenti, tidher li hija nettament ogħla mid-dannu potenzjali li jista’ jirriżulta mill-aġir imputat lill-awtoritajiet Taljani.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ res judicata, tal-Artikolu 32(8)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Dan il-motiv jirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja imposta minħabba li l-Istat allegatament ma pprovdiex informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ rkupru mressqa, li tammonta għal EUR 2 362 005,73. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, mingħajr ma mmotivat id-deċiżjoni tagħha, qieset li setgħet tinjora sentenza finali mogħtija fuq il-każ li kienet ikkonfermat li l-għoti tal-għajnuna kien leġittimu. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan irreġistra t-trażmissjoni ta’ sentenza tal-qorti kriminali li kienet illiberat lill-benefiċjarju tal-għajnuna. Dawn il-fatti kienu jipprovaw li ma kien hemm ebda raġuni għalfejn jitwettaq l-irkupru u, għalhekk, li l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta. Barra minn hekk, din il-korrezzjoni, li tirrigwarda l-għajnuna kollha kemm hi, tidher li hija nettament ogħla mid-dannu potenzjali li jista’ jirriżulta mill-aġir imputat lill-awtoritajiet Taljani.