15.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 448/26


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2014 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-662/14)

(2014/C 448/35)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér u G. Koós, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 45(8) tar-Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014, tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament, fil-parti li fiha l-espressjoni segwenti: “billi jagħżlu mil-lista stabbilita skont l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ispeċijiet li huma l-aktar xierqa minn perspettiva ekoloġika, b’hekk jeskludu speċijiet li mhumiex indiġeni b’mod ċar”;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 45(8) tar-regolament ikkontestat imur lil hinn mil-limiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (1), li jagħti l-awtorizzazzjoni, u li jneħħi l-poteri mogħtija lill-Istati Membri billi jintroduċi rekwiżit restrittiv li jsarraf f’interpretazzjoni mill-ġdid tal-poteri mogħtija lil dawn l-Istati Membri permezz tal-liġi bażika.

Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-preambolu tar-regolament ikkontestat ma fihx il-motivazzjoni suffiċjenti u ddettalljata meħtieġa. Fil-fehma tagħha, emenda ta’ dispożizzjoni li tagħti awtorizzazzjoni ta’tali skala u portata, ma tippermettix fil-prattika li tġi dedotta b’mod ċar id-dispożizzjoni li tagħti awtorizzazzjoni li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni u l-mod preċiż ta’ kif hija għamlet dan, fatt li jagħmel l-eżami essenzjali tagħha mill-perspettiva taċ-ċertezza legali kważi impossibbli.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-regoli adottati mill-Kummissjoni jistabbilixxu diskriminazzjoni fir-rigward tal-ispeċjijiet ta’ siġar imsejħa msaġar ta’ newba qasira jew, b’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-bdiewa li jixtiequ jħawwluhom. Il-pjantaġġuni jew min iħawwel iż-żewġ tipi huma fl-istess sitwazzjoni, peress li ma huwiex ġustifikat li tiġi stabbilita differenza bejniethom li tiddependi fuq l-ispeċijiet ta’ siġar li jixtiequ jagħżlu sabiex jiffurmaw il-pjantaġġuni tagħhom.

Barra minn hekk, ir-rikorrentitiddikjara li, matul il-perijodu kollu tan-negozjati dwar ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni saħansitra opponiet li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jikkwalifikaw bħala żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika żoni mħawwla bi msaġar ta’ newba qasira. Skont ir-rikorrenti, kolloz jindika li l-Kummissjoni riedet tevita fil-prattika din il-possibbiltà permezz tar-regolament ikkontestat, u b’hekk wettqet abbuż ta’ poter.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra, b’mod partikolari, li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali minħabba li, minn naħa, l-Artikolu 45(8) ta’ dan ir-regolament ma huwiex ċar f’diversi aspetti u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ma jiggarantixxix perijodu suffiċjenti ta’ adattament qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex ikun hemm il-preparazzjoni meħtieġa qabel bidla ta’ tali importanza. Ir-rikorrenti ssostni wkoll ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, billi, fil-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dħul fis-seħħ, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li s-settur agrikolu għandu bilfors jkollu, skont il-każ, perijodu ta’ preparazzjoni itwal. Barra minn dan, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-att ikkontestat jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, p. 608).