27.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 380/22


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-657/14)

2014/C 380/29

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Gavela Llopis, Abogado del Estado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, li tinterrompi t-terminu għall-ħlas tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż u tat-talba għall-ħlas Nru 21, dwar il-programm operattiv ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni, Fond għat-teknoloġija FEŻR, mibgħuta minn Spanja fis-26 ta’ Diċembru 2013, u li tibda l-proċedura ta’ sospensjoni, u

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ interruzzjoni u ta’ bidu tal-proċedura ta’ sospensjoni tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 87, moqri flimkien mal-Artikoli 91 u 92 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25).

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li t-terminu previst fl-imsemmi tieni paragrafu tal-Artikolu 87, huwa terminu ta’ dekadenza li jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni ta’ interruzzjoni tat-terminu għall-ħlas ladarba jgħaddu x-xahrejn u, għalhekk, dan lanqas ma jippermetti li tinbeda proċedura ta’ sospensjoni tal-ħlasijiet.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ interruzzjoni u ta’ bidu tal-proċedura ttieħdet wara t-terminu stabbilit mid-dritt tal-Unjoni u tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba. Din id-deċiżjoni għandha tiġġenera impatt baġitarju u finanzjarju li huwa ta’ dannu għar-Renju ta’ Spanja, li kellu l-aspettattiva leġittima li kien ser jikseb dan il-ħlas fit-terminu statutorju.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 91(1)(a) tar-Regolament Nru 1083/2006, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fih sabiex tkun tista’ tiġi validament adottata din id-deċiżjoni.

F’dan ir-rigward huwa ddikjarat li d-deċiżjoni ta’ interruzzjoni ma huwiex ibbażat fuq rapport ta’ verifika, kif meħtieġ mid-dispożizzjoni ċċitata, iżda fuq sempliċi abbozz, li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dokument definittiv li jista’ jkun ta’ bażi għal deċiżjoni ta’ interruzzjoni. Min-naħa l-oħra, minn dan l-abozz ma jirriżultawx indizji, u inqas u inqas provi ta’ nuqqasijiet serji fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.