17.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/48


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2014 – Bionorica vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-619/14)

2014/C 409/69

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Bionorica SE (Neumarkt, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Weidner, T. Guttau u N. Hußmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara li, bi ksur tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9), il-konvenuta naqset milli tinkariga lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel bl-evalwazzjoni xjentifika tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa tas-sustanzi veġetali għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ lista Komunitarja tal-indikazzjonijiet awtorizzati għas-sustanzi veġetali skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, kif ukoll tal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu tagħhom,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.

Motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (1)

Skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 li jistabbilixxi l-31 ta’ Jannar 2010 bħala terminu fiss għall-eżekuzzjonii. Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma osservatx dan it-terminu. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tissospendi għal żmien indeterminat l-evalwazzjoni xjentifika tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa tas-sustanzi veġetali. Skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-konvenuta jiffavorixxi l-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tmur kontra l-għan prinċipali tar-Regolament intiż sabiex jiġu stabbiliti regoli uniformi fuq livell Ewropew.


(1)  Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9).