13.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/16


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2014 – Makhlouf vs Il-Kunsill

(Kawża T-592/14)

2014/C 361/22

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ehab Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentanti: E. Ruchat u C. Cornet d’Elzius, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrent ammissibbli u fondata;

konsegwentement, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea biex tagħmel tajjeb għad-dannu kollu subit mir-rikorrent, li jammonta għal EUR 10  000;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati huma illegali, sa fejn huma (i) jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u (ii) jippreġudikaw id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent previst mill-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt għar-rispett tal-unur u tar-reputazzjoni tiegħu previst mill-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li huwa allegat li r-rikorrent subixxa dannu kkawżat direttament mill-miżuri meħuda mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3.

It-tielet motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-Unjoni Ewropea.