20.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/20


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2014 – Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-586/14)

2014/C 372/25

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd (Anhui, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina) (rappreżentanti: Y. Melin u V. Akritidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, tat-13 ta’ Mejju 2014 (1), li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn japplika għal Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd; u

tikkundanna lill-Kummissjoni, kif ukoll kull intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-liġi imwettaq mill-Kummissjoni meta tikkunsidra li l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti huma suġġetti għal distorsjoni sinjifikattiva li tirriżulta mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq, bi ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi suffiċjenti min-naħa tal-Kummissjoni, sa fejn hija naqqset, mill-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrent, kummissjoni ekwivalenti għaż-żieda fuq il-prezz iffatturat lir-rikorrent minn kumpannija relatata stabbilita f’Hong Kong, mingħajr ma pprovat b’mod suffiċjenti li din il-kumpannija relatata effettivament kienet qed topera bħala aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkalkolatx il-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrent abbażi tal-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta jinbiegħ lill-Unjoni Ewropea, u lanqas abbażi tal-prezz li bih il-prodott esportat jinbiegħ mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti fl-Unjoni Ewropea, bi ksur tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tiżvela fatti u provi essenzjali li jippermettu li jinftiehem il-mod kif hija kkalkolat il-marġnijiet ta’ dumping u ta’ ħsara, bi ksur tal-Artikolu 20 tar-regolament bażiku u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, tat-13 ta’ Mejju 2014, li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, p. 1).