22.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 329/20


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2014 – Deutsche Umwelthilfe vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-498/14)

2014/C 329/28

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Umwelthilfe eV (Radolfzell, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Klinger und R. Geulen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

Talba għall-aċċess tal-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-impriżi Honeywell u DuPont jew il-manifatturi tal-karozzi dwar il-gass krijoġeniku ġdid R1234yf.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal aċċess stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1). Skont dan l-artikolu, għandu jingħata aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet fil-każ li dawn ikunu jikkonċernaw emissjonijiet fl-ambjent. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tinkludi preżunzjoni legali li tipprovdi li l-interess għall-iżvelar ta’ informazzjoni huwa predominanti meta mqabbel mal-interess tal-protezzjoni tal-impriżi.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tikkostitwixxi regola ta’ interpretazzjoni espliċita tal-ewwel u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. (2) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 temenda l-kliem tar-Regolament Nru 1049/2001, meta d-dokumenti jikkonċernaw emissjonijiet fl-ambjent. Ir-rikorrenti tindika li d-dokumenti miżmuma allegatament jinkludu informazzjoni dwar il-gass krijoġeniku R1234yf u R134a li huwa perikoluż għas-saħħa u għall-ambjent u li l-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ fluworidu ta’ idroġenu tossiku tista’ tiġi dedotta mid-dikjarazzjonijiet, mill-evalwazzjonijiet u mill-proposti tal-manifatturi tal-karozzi u tal-gass krijoġeniku fir-rigward tal-użu ta’ dawn il-prodotti kimiċi.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-aċċess għad-dokumenti mitluba għandu jingħata abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament ma hijiex applikabbli. Barra minn hekk, jeżisti interess superjuri għall-konsultazzjoni tad-dokumenti fid-dawl tar-riskji kunsiderevoli għas-saħħa marbuta mal-użu tal-gass krijoġeniku.


(1)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)

(2)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)