15.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/68


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ġunju 2014 – Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-475/14)

2014/C 315/113

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Prysmian SpA (Milano, l-Italja); u Prysmian Cavi e Sistemi Srl (Milano) (rappreżentanti: C. Tesauro, F. Russo u L. Armati, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament:

tannulla l-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni sa fejn huwa kkonstatat li Prysmian Cavi e Sistemi pparteċipat fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE bejn it-18 ta’ Frar 1999 u s-27 ta’ Novembru 2011;

tannulla l-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni sa fejn jistabbilixxi l-ammont tal-multi imposti fuq Prysmian Cavi e Sistemi S.r.l., Prysmian S.p.a. u The Goldman Sachs Group Inc. għal EUR 3 7 3 03  000; u Prysmian Cavi e Sistemi S.r.1. u Pirelli & C. S.p.a. għal EUR 6 7 3 10  000; u

tnaqqas l-ammont tal-multi imposti għar-raġunijiet esposti fir-rikors;

tannulla l-Annessi I u II sa fejn jikkonċernaw lil F.R.; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali, tat-2 ta’ April 2014, fil-Każ AT.39610 – Power Cables.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li, matul l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni kkoppjat u neħħiet immaġni forensiċi mill-hard disks fil-bini tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti jsostnu li billi għamlet hekk, il-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha stabbiliti fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni, peress li dawn damu iktar minn 62 xahar. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u naqset milli tapplika tnaqqis ekwu tal-ammont tal-multa imposta skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn hija naqset milli twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali minħabba nuqqas ta’ kredibbiltà tar-rikorrenti għal miżura ta’ klemenza. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma interpretatx b’riżervi suffiċjenti l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti ta’ miżura ta’ klemenza u ma wettqitx riċerka tal-provi neċessarji.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni attribwixxiet b’mod żbaljat responsabbiltà lil Prysmian Cavi e Sistemi S.r.l. għall-perijodu qabel is-27 ta’ Novembru 2001 u, billi għamlet hekk, kisret il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn naqset milli tikkondividi r-responsabbiltà bejn l-entitajiet in solidum.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu u milli tinterpreta b’mod korrett in-natura u l-istruttura tas-swieq rilevanti, u għalhekk kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt it-tul tal-ksur allegat u, b’mod partikolari, il-punt ta’ dekorrenza tiegħu.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, u b’mod partikolari, fir-rigward tal-gravità tal-ksur. Ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont bażiku tal-multa, kif ukoll il-miżata tad-dħul, huma sproporzjonati u kellhom jiġu aġġustati fid-dawl tal-portata limitata tal-ksur, tal-assenza tal-impatt fuq il-prezzijiet, tal-mitigazzjoni tal-allegata prattika ta’ koordinament wara l-2004 u tal-impatt sinjifikattiv tal-ispejjeż tal-materja prima fuq il-valur tal-bejgħ. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn applikat koeffiċjenti ta’ gravità u miżati ta’ dħul differenti għal destinatarji li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

9.

Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball billi inkludiet wieħed mid-diretturi tar-rikorrenti fis-sezzjoni “ismijiet u esperjenza professjonali ta’ individwi rilevanti għal din id-deċiżjoni”.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).