8.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/39


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2014 – ABB vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-445/14)

2014/C 303/47

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ABB Ltd (Zürich, l-Isvizzera); u ABB AB (Västerås, l-Iżvezja) (rappreżentanti: I. Vandenborre u S. Dionnet, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni li tiddikjara li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu fis-settur tal-kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u/jew ta’ taħt l-ilma b’vultaġġ għoli (ħafna) sa fejn din id-dikjarazzjoni testendi għall-proġetti kollha għal kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġi ta’ 110 kV ’il fuq (u mhux biss għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġi ta’ 220 kV ’il fuq);

tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni li jiddikjara li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu fis-settur tal-kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u/jew ta’ taħt l-ilma b’vultaġġ għoli (ħafna) sa fejn din id-dikjarazzjoni testendi għall-aċċessorji kollha relatati mal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġi ta’ 110 kV ’il fuq (u mhux biss għall-aċċessorji relatati ma’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġi ta’ 220 kV ’il fuq);

tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn jiddikjara li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bdiet fl-1 ta’ April 2000;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B’din il-kawża, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament, parzjalment, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali, tat-2 ta’ April 2014 fil-Każ AT.39610 – Power Cables.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv, li jallega li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta assumiet li l-ksur kien ikopri l-proġetti kollha ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġi ta’ 110 kV ’il fuq, meta l-fajl tal-Kummissjoni kien fih indikazzjonijiet ċari li mhux il-proġetti kollha b’vultaġġi inqas minn 220 kV kienu suġġetti għall-ksur.

2.

It-tieni motiv, li jallega li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova tagħha meta stabbilixxiet il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’tali ksur li jkopri l-proġetti kollha ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġi ta’ 110 kV ’il fuq.

3.

It-tielet motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkludiet fil-kuntest tal-ksur l-aċċessorji kollha tal-kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art relatati mal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġ ta’ 110 kV ’il fuq, meta l-provi fil-fajl tal-Kummissjoni kienu juru li l-ksur kien jestendi biss għal aċċessorji ta’ kejbils tal-elettriku relatati ma’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art b’vultaġġ ta’ 220 kV ’il fuq.

4.

Ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet li r-rikorrenti pparteċipaw fil-ksur mill-1 ta’ April 2000.

5.

Il-ħames motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-preżunzjoni tal-innoċenza meta assumiet li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bdiet fl-iktar data kmieni possibbli.

6.

Is-sitt motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod xieraq bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.