25.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/44


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2014 – Silec Cable and General Cable vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-438/14)

2014/C 282/58

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Silec Cable (Montereau Fault Yonne, Franza) u General Cable Corp. (Wilmington, l-Istati Uniti) (rappreżentant: I. Sinan, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, Każ COMP/AT.39610 – Power Cables (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”) sa fejn japplika għal Silec Cable u għal General Cable;

sussidjarjament, temenda l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Silec Cable u fuq General Cable fid-dawl tal-argumenti invokati insostenn tar-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ma ssodisfatx l-oneru tal-prova impost fuqha skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipji tal-oneru tal-prova u tal-preżunzjoni tal-innoċenza billi ppretendiet li Silec Cable kellha obbligu pożittiv li pubblikament tiddissoċja ruħha mill-allegat akkordju.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi kkonkludiet li Silec Cable pparteċipat b’mod dirett fl-akkordju mit-30 ta’ Novembru 2005.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ttrattat lil Silec Cable b’mod differenti u b’mod inkoerenti meta mqabbla mal-mod ta’ kif id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni ġew ittrattati.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, tal-inqas, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità billi ma kklassifikatx lil Silec Cable bħala attur marġinali.