1.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 292/48


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2014 – Larko vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-423/14)

2014/C 292/59

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: Ι. Drullerakes, Ε. Τriandafyllou, G. Psaroudakis, Ε. Randos, Ν. Korogiannakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa’ dan ir-rikors fl-intier tiegħu;

tiddikjara nulla u bla effett id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27/03/2014 [SG-Greffe (2014) D/4621/28/03/2014] dwar għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Ellenika favur ir-rikorrenti (Nru SA.34572 (2013/C) (ex 2013/NN);

tordna li kwalukwe ammont li seta’ ġie “rkuprat” direttament jew indirettament mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jiġi rrimborżat bl-interessi u,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka dawn il-motivi li ġejjin:

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenuta tal-Artikoli 107(1) u 296 TFUE billi: (a) il-miżuri ta’ għajnuna 2, 3, 4 u 6 ma jistgħux jiġu kkategorizzati bħala għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE u (b) anki jekk xi ftit mill-miżuri ta’ għajnuna 2, 3, 4 u 6 jista’ jiġi kkategorizzat bħala li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, dik l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3) TFUE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata, li għaliha ma ġew iddikjarati ebda motivazzjonijiet, tal-kriterji tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar garanziji [ĠU 2008 C 155, p. 10) u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-karatterizzazzjoni tal-miżuri 2, 4 u 6 bħala għajnuna mill-Istat u fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-element tal-għajnuna.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba n-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri 3, 4 u 6, tad-dannu li ġie kkawżat lir-rikorrenti permezz tal-okkorrenzi eċċezzjonali tal-2009, li josserva l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba n-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-kriżi ekonomika Griega u l-waqfien, bħala konsegwenza, tal-pagament mill-Istat Grieg ta’ benefiċċji favur ir-rikorrenti, bħala okkorrenza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

5.

Il-ħames motiv insostenn tal-annullament huwa bbażat fuq l-iżbalji fit-Taqsima 4.5 u fil-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-ammont li għandu jiġi rkuprat: ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ksur tad-dritt għall-proprjetà u n-natura punittiva tal-ordni għal irkupru.