25.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/40


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2014 – Sina Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T-418/14)

2014/C 282/53

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Sina Bank (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: B. Mettetal u C. Wucher-North, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill wara r-reviżjoni li tinsab fl-Avviż tal-15 ta’ Marzu 2014 għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK (1) u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (2) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU C 77, p.), li tipprovdi li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 ikomplu jaffettwaw lir-rikorrent direttament;

tannulla l-punt I.B.8 tal-Anness IX għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 sa fejn dan ikompli jaffettwa lir-rikorrent direttament kif previst fl-avviż tal-15 ta’ Marzu 2014;

tikkundanna lill-Kunsill ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill wara r-reviżjoni li tinsab fl-avviż tal-15 ta’ Marzu 2014 kisret ir-rekwiżiti proċedurali li tagħti motivazzjoni xierqa u li tosserva d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li Sina Bank ma huwiex marbut mal-interessi tad-“Daftar” u ma jikkontribwixxix għall-finanzjament tal-hekk imsejħa interessi strateġiċi tal-istat u lanqas għall-programm nukleari tiegħu. Għaldaqstant, il-kriterji sostantivi li jippermettu nomina taħt l-atti kkontestati ma humiex issodisfatti fir-rigward tal-Bank u/jew il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddetermina jekk dawn il-kriterji ġewx issodisfatti jew le. Il-Kunsill lanqas ma applika l-kriterju korrett.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat- 23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).