11.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/34


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2014 – NICO vs Il-Kunsill

(Kawża T-371/14)

2014/C 261/59

Lingwa tal-kawża: l-ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Naftiran Intertrade Co. (NICO) Sàrl (Pully, l-Isvizzera) (rappreżentant): J. Grayston, Solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey u D. Rovetta, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-ittra tal-14 ta’ Marzu 2014, mibgħuta lill-avukati tar-rikorrenti, dwar l-eżami mill-ġdid tal-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK kif ukoll fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif implementati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi rifjut tat-tneħħija tar-rikorrenti mil-lista tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi;

tgħaqqad din il-proċedura mal-Kawża T-6/13 skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta’ Proċedura;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati fuq il-fatt li l-motivazzjoni kienet insuffiċjenti u li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li hija ma hijiex sussidjarja ta’ Naftiran Intertrade Company (NICO) Limited, peress li din il-kumpannija ma għadhiex teżisti f’Jersey u, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma pprovax li anki kieku r-rikorrenti kienet sussidjarja ta’ Naftiran Intertrade Company (NICO) Limited, dan kien joħloq benefiċċju ekonomiku għall-Istat Iranjan li jmur kontra l-għan intiż mill-miżuri kkontestati.