4.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/37


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2014 – Yanukovych vs Il-Kunsill

(Kawża T-346/14)

2014/C 253/52

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Viktor Fedorovych Yanukovych (Kiev, l-Ukraina) (rappreżentant: T. Beazley, QC)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 26), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014 (ĠU L 111, p. 91) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (ĠU L 66, p. 1), dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014 (ĠU L 111, p. 33), sa fejn japplikaw għar-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tal-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv jallega li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kunsill”) ma kellux bażi legali adegwata sabiex jadotta d-Deċiżjoni u r-Regolament. L-argumenti insostenn tal-motiv jinkludu: (a) Li l-kundizzjonijiet għall-Kunsill ibbażati fuq l-Artikolu 29 TUE, ma ġewx sodisfatti mid-deċiżjoni. Fost affarijiet oħra: (i) Il-Kunsill espressament invoka għanijiet (li jikkonsolidaw l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina) li ma setgħux, fil-fatt, ikunu sostnuti mill-Kunsill, li sussegwentement iddikjara r-raġunijiet għall-inklużjoni (marbuta mal-allegata misapproprjazzjoni tal-fondi tal-Istat Ukrain u mat-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina, li qed jiġi miħud mir-rikorrent) li ma kienux konsistenti u li naqsu milli jikkonformaw mal-għanijiet tal-Artikolu 21 TUE. (ii) Id-Deċiżjoni u r-Regolament huma kuntrarji għal-għanijiet rilevanti l-oħra identifikati fl-Artikolu 21 billi naqsu li “[j]ikkonsolida[w] u [j]appoġġa[w] d-demokrazija … u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali”, b’mod partikolari billi jiddikjaraw b’mod żbaljat, u billi jaġixxu fuq il-bazi li, il-President leġittimu tal-Ukraina elett demokratikament, ir-rikorrent, kien “ex-President”, bi ksur tad-dritt Ukrain u tad-dritt internazzjonali, u billi jipprovdi appoġġ għall-hekk imsejjaħ “President u gvern interim”, li ma ġewx eletti demokratikament, u li ħadu l-poter li għandhom minn żmien għal żmien illegalment bil-forza, bin-nuqqas ta’ osservanza tal-istat tad-dritt, tal-prinċipji demokratiċi u tad-dritt internazzjonali. (b) Il-kundizzjonijiet sabiex jintgħażel bħala bażi l-Artikolu 215 TFUE ma ġewx sodisfatti peress li ma kien hemm ebda deċiżjoni taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE. (ċ) Ma kienx hemm biżżejjed rabta mal-Artikolu 215 TFUE sabiex jintgħażel bħala bażi legali kontra r-rikorrent.

2.

It-tieni motiv jallega li l-Kunsill għamel użu ħażin mis-setgħat tiegħu. L-għan attwali tal-Kunsill għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni (u, għaldaqstant, tar-Regolament) kien essenzjalment li jipprova joqrob lejn l-hekk imsejjaħ “reġim interim” tal-Ukraina, sabiex hekk l-Ukraina ħolqot rabtiet iktar stretti mal-UE (dawn ir-rabtiet iktar stretti kienu ġew miċħuda mill-President demokratikament elett tal-Ukraina u mill-gvern tiegħu), u mhux ir-raġunijiet iddikjarati prima facie fid-Deċiżjoni u fir-Regolament.

3.

It-tielet motiv jallega li l-Kunsill naqas milli jipprovdi motivazzjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ motivi fid-Deċiżjoni u fir-Regolament sabiex jiġi inkluż ir-rikorrent (minbarra li kienu żbaljati) huma sterjotipati, inadegwati u nieqsa mill-ispeċifiċità.

4.

Ir-raba’ motiv jallega li r-rikorrent ma ssodisfax il-kriterji għal persuna li isimha għandu jiġi elenkat fiż-żmien rilevanti. Fost affarijiet oħra, il-Kunsill naqas milli jipprovdi l-informazzjoni rilevanti, iżda sa fejn jaf hu, ir-rikorrent (a) f’dak iż-żmien ma kienx ġie identifikat minn xi korp ġudizzjarju jew korp ieħor rilevanti bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni jew għat-trasferiment illegali ta’ fondi tal-Istat Ukrain, u (b) f’dak iż-żmien ma kienx suġġett għal proċeduri kriminali fl-Ukraina sabiex jiġu investigati delitti relatati mal-misapproprjazzjoni u mat-trasferiment illegali ta’ fondi tal-Istat Ukrain barra mill-Ukraina.

5.

Il-ħames motiv jallega li l-Kunsill għamel żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti billi inkluda lir-rikorrent fil-miżuri kkontestati. Fost affarijiet oħra, il-Kunsill ma kellu ebda prova, u fi kwalunkwe każ, ebda prova “konkreta” li turi li l-allegazzjonijiet kontra r-rikorrent kienu “materjalment preċiżi”, u bbaża ruħu b’mod żbaljat, fuq dikjarazzjonijiet magħmula mill-hekk imsejjaħ “reġim interim” illegali li kienu qegħdin jippruvaw jaħtfu l-poter, li u kellhom inċentiv ċar li jagħmlu tali allegazzjonijiet għal għanijiet mhux xierqa.

6.

Is-sitt motiv jallega li d-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrent ġew miksura u/jew li ġie miċħud lilu protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fost affarijiet oħra, il-Kunsill naqas li jipprovdi lir-rikorrent b’dikjarazzjoni ta’ raġunijiet, inklużi l-provi kontrieh, u naqas milli jipprovdih bl-informazzjoni u bil-materjal preċiż li jiġġustifika l-iffriżar tal-beni, u huwa kien imġiegħel iressaq dan ir-rikors fi żmien inġustament qasir.

7.

Is-seba’ motiv jallega li d-drittijiet ta’ proprjetà tar-rikorrent taħt l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ġew miksura peress li, fost affarijiet oħra, il-miżuri restrittivi huma restrizzjoni mhux iġġustifikata u huma sproporzjonati fuq dawk id-drittijiet.