7.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/41


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2014 – UNIC vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-338/14)

2014/C 212/53

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Unione Nazionale Industria Conciaria (UNIC) (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: A. Fratini, avukat, M. Bottino, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tilqa’ r-rikors u għaldaqstant tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Marzu 2014, li jiċħad it-talba sabiex tinbeda l-proċedura ta’ rtirar tal-arranġamenti tariffarji preferenzjali mogħtija lill-Indja, lill-Pakistan u lill-Etjopja għall-ġlud mhux maħduma u nofshom maħduma skont it-Taqsimiet S-8a, S-8b u S-12a tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, p. 1).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax l-obbligu ta’ motivazzjoni ċara, preċiża u inekwivoka, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li sar żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda kemm l-adegwatezza tal-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali b’risposta għall-problema ta’ provvista tal-materja prima kif ukoll l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali ġenerali mogħtija lill-Indja, lill-Etjopja u lill-Pakistan, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(d) tal-imsemmi regolament.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm nuqqas ta’ verifika jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19(1)(d) tal-imsemmi regolament sabiex tinbeda l-proċedura ta’ rtirar tal-preferenzi tariffarji.