14.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 223/55 |
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ April 2014 – Polymer-Chemie vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-306/14)
2014/C 223/57
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Polymer-Chemie GmbH (Sobernheim, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Greinacher, J. Martin u B. Scholtka, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
tannulla, skont l-Artikolu 263(1) TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2013 li tiftaħ, fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tas-sostenn għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u minn gass tal-minjieri skont il-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”) u fir-rigward tat-tnaqqis tas-soprataxxa EEG għal impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija – Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN), deċiżjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Frar 2014, Nru C 37, p. 73, sa fejn f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE l-iskema ta’ kumpens speċjali prevista fl-Artikoli 40 u 41 tal-EEG; |
— |
skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż neċessarji. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1. |
L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 107 TFUE Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kklassifikat is-sostenn tal-enerġija rinnovabbli fil-forma tas-sistema tas-soprataxxa kif ukoll l-iskema ta’ kumpens speċjali li tnaqqas is-soprataxxa EEG bħala għajnuna u għalhekk il-proċedura għal investigazzjoni formali ma kellhiex tinfetaħ.
|
2. |
It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kisret ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-iskema Ġermaniża dwar is-sostenn tal-enerġija rinnovabbli kienet diġà s-suġġett ta’ evalwazzjoni ddettaljata fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, fis-sena 2002 il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni li din l-iskema ma kienet tinvolvi ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Peress li f’dan ir-rigward l-EEG tal-2012 ma introduċiet l-ebda emendi sostantivi meta mqabbla mas-sitwazzjoni legali eżistenti, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati ma kellhomx għalfejn jistennew li ser ikun hemm investigazzjoni ġdida iżda setgħu jistennew li l-iskema tibqa’ fis-seħħ. |
3. |
It-tielet motiv: użu ħażin ta’ poter Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni użat ħażin il-poteri mogħtija lilha mill-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE. Bil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda ssegwi l-għan prinċipali li tarmonizza, bħala prinċipju, is-sostenn tal-elettriku minn enerġija rinnovabbli. Dan l-għan fundamentali huwa rifless ukoll fl-abbozz ġdid tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għall-ambjent u l-enerġija, abbozz li fih il-Kummissjoni tistabbilixxi għall-ewwel darba regoli dwar is-sostenn tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, sabiex tikseb armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċeduri previsti fir-rigward tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet skont l-Artikoli 116 TFUE u 117 TFUE. |