14.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/41


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2014 – H-O-T Servicecenter Nürnberg et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-289/14)

2014/C 223/44

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: H-O-T Servicecenter Nürnberg GmbH (Nürnberg, il-Ġermanja), H-O-T Servicecenter Schmölln GmbH & Co. KG (Schmölln), H-O-T Servicecenter Allgäu GmbH & Co. KG (Memmingerberg), EB Härtetechnik GmbH & Co. KG (Nürnberg) (rappreżentanti: A. Reuter, C. Arhold, N. Wimmer, F. A. Wesche, K. Kindereit, R. Busch, A. Hohler u T. Woltering, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-18 ta’ Diċembru 2013 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Każ dwar Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa mnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija (ĠU C 37, p. 73, 7 ta’ Frar 2014);

tordna t-tgħaqqid ta’ din il-kawża mal-kawża mressqa mill-Ġermanja quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2014);

sussidjarjament: tikkonsulta l-atti tal-imsemmija kawża dwar ir-rikors ippreżentat mill-Ġermanja;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.

1.

L-ewwel motiv: assenza ta’ vantaġġ

Ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ kumpens speċjali prevista fil-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”) ma timplika ebda vantaġġ għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-elettriku fl-industrija tal-ittemprar u tal-kisi, b’mod ġenerali, u, b’mod partikolari, għar-rikorrenti.

2.

It-tieni motiv: assenza ta’ vantaġġ selettiv

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ kumpens speċjali ma tipprevedi ebda vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE għar-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv: assenza ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-iskema ta’ kumpens speċjali ma hijiex għajnuna “mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

4.

Ir-raba’ motiv: assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

Ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ kumpens speċjali ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

5.

Il-ħames motiv: assenza ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-iskema ta’ kumpens speċjali lanqas ma għandha impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.

It-sitt motiv: tneħħija jew limitazzjoni sostanzjali tal-iskema ta’ kumpens speċjali jiksru d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jsostnu li l-klassifikazzjoni tal-iskema ta’ kumpens speċjali bħala għajnuna jew limitazzjoni sostanzjali tal-iskema ta’ kumpens speċjali mhux biss imorru lil hinn mil-limiti tal-Artikolu 107 TFUE kif indikati b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iżda jiksru wkoll ir-rekwiżit fundamentali li oneru materjali għandu jkun legalment iġġustifikat. Għaldaqstant, tneħħija jew limitazzjoni sostanzjali tal-iskema ta’ kumpens speċjali jmorru wkoll kontra d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, b’mod partikolari kontra d-drittijiet tagħhom iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

7.

Is-seba’ motiv: l-iskema ta’ kumpens speċjali hija koperta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2002

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li l-EEG u l-“iskema ta’ kumpens” prevista fiha ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġu kklassifikati bħala għajnuna (1). Din id-deċiżjoni tkopri wkoll l-iskema ta’ kumpens speċjali.

8.

It-tmien motiv: żball manifest ta’ evalwazzjoni u eżami preliminari inadegwat

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod adegwat, u għaldaqstant lanqas ma rrikonoxxiet, li r-regoli dwar eżenzjonijiet għal impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija huma ġġustifikati mill-għan, min-natura u mill-istruttura interna tal-EEG u għalhekk ma jikkostitwixxux vantaġġ selettiv.

9.

Id-disa’ motiv: ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kien imissha tathom il-possibbiltà jesprimu l-pożizzjoni tagħhom qabel ma adottat deċiżjoni b’konsegwenzi legali daqstant serji.

10.

L-għaxar motiv: motivazzjoni insuffiċjenti

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tipprovdix motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-punti essenzjali.


(1)  Ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2002, innotifikata bin-numru C (2002) 1887 finali (Għajnuna mill-Istat NN 27/2000 – il-Ġermanja).