|
14.7.2014
|
MT
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
|
C 223/39
|
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2014 – Schaeffler Technologies vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-287/14)
2014/C 223/42
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Schaeffler Technologies GmbH & Co. KG (Herzogenaurach, il-Ġermanja) (rappreżentanti: T. Volz, M. Ringel, B. Wißmann, M. Püstow, C. Oehme u T. Wielsch, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
|
—
|
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-18 ta’ Diċembru 2013, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tas-sostenn għal elettriku rinnovabbli u tas-soprataxxa EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN), sa fejn tikkonċerna t-tnaqqis tas-soprataxxa EEG għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija;
|
|
—
|
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
|
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
|
1.
|
L-ewwel motiv: assenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
|
—
|
Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis tas-soprataxxa EEG għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija previst fil-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”), ma huwiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-impriżi li huma utenti intensivi tal-elettriku ma humiex fil-fatt iffavoriti minn din l-iskema. L-iskema ta’ kumpens speċjali tipprovdi pjuttost kumpens għal oneri straordinarji li r-rikorrenti u impriżi oħra simili qegħdin b’mod partikolari jbatu fil-kuntest tas-sostenn tal-produzzjoni tal-elettriku minn enerġija rinnovabbli u sservi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kompetittività tal-impriżi li huma utenti intensivi tal-elettriku li kienet inizjalment milquta b’mod kunsiderevoli mis-soprataxxa EEG.
|
|
|
2.
|
It-tieni motiv: assenza ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
|
—
|
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-iskema ta’ kumpens speċjali ma tikkostitwixxix għajnuna “mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”. F’dan il-kuntest hija ssostni li s-soprataxxa EEG stess ma hijiex riżorsi tal-Istat u li, għalhekk, rinunzja għal dawn ir-riżorsi permezz tal-iskema ta’ kumpens speċjali lanqas ma tista’ tikkostitwixxi għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.
|
|
—
|
Is-soprataxxa EEG la hija imposta, amministrata u lanqas ma hija ddistribwita mill-Istat jew minn istituzzjoni pubblika jew privata maħtura jew stabbilita mill-Istat. Għall-kuntrarju, is-soprataxxa tista’ tiġi imposta direttament mill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni fuq il-bażi ta’ pretensjoni korrispondenti taħt id-dritt ċivili. Is-soprataxxa EEG ma tiġix attribwita lill-baġit tal-Istat u għalhekk l-iskema ta’ kumpens speċjali b’ebda mod, la direttament u lanqas indirettament, ma tolqot id-dħul tal-Istat.
|
|
—
|
L-awtoritajiet tal-Istat lanqas ma għandhom xi tip ta’ setgħa fir-rigward tar-riżorsi miġbura permezz tas-soprataxxa EEG. Barra minn hekk, ma hemm ebda kontroll pubbliku fir-rigward ta’ dawn ir-riżorsi, bħal pereżempju permezz tal-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (Uffiċċju federali għall-ekonomija u għall-kontroll tal-esportazzjoni, BAFA) jew permezz tal-Bundesnetzagentur (Aġenżija federali responsabbli għan-netwerks).
|
|