SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni broadband – Aċċess minn impriżi terzi għan-‘netwerk lokali’ tal-operatur stabbilit f’dan is-suq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Ksur uniku u kontinwu – Kunċett ta’ ‘abbuż’ – Rifjut ta’ aċċess – Kompressjoni tal-marġni – Kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni – Kriterju ta’ kompetitur daqstant effettiv – Drittijiet tad-difiża – Imputazzjoni lill-kumpannija omm tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha – Influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha – Eżerċizzju effettiv – Oneru tal-prova – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006”

Fil-Kawża T‑851/14,

Slovak Telekom a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn D. Geradin, avukat, u R. O’Donoghue, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Farley, L. Malferrari u G. Koleva, sussegwentement minn M. Farley, M. Kellerbauer, Malferrari u C. Vollrath, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Slovanet, a.s., stabbilita fi Bratislava, irrappreżentata minn P. Tisaj, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 7465 finali tal‑15 ta’ Ottubru 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom), kif irrettifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 10119 finali tas‑16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2484 finali tas-17 ta’ April 2015 u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

Il-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, li qed jaġixxi bħala President, S. Gervasoni, L. Madise, R. da Silva Passos (Relatur) u K. Kowalik- Bańczyk, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Slovak Telekom a.s., hija l-operatur stabbilit tat-telekomunikazzjonijiet fis-Slovakkja. Sa mill‑4 ta’ Awwissu 2000 u matul il-perijodu rilevanti kollu għal din il-kawża, Deutsche Telekom AG, l-operatur stabbilit ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja u l-kumpannija li tmexxi l-grupp Deutsche Telekom, kellha 51 % tal-ishma fil-kapital tar-rikorrenti. Il-parti l-oħra tal-kapital tar-rikorrenti kienet tal-Ministeru għall-Ekonomija tar-Repubblika Slovakka, inkwantu għal 34 %, u tal-Fond tal-Patrimonju Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka, inkwantu għal 15 %.

2

Fil‑15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT. 39523 – Slovak Telekom), irrettifikata bid-Deċiżjoni C(2014) 10119 finali tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll bid-Deċiżjoni C(2015) 2484 finali tagħha tas-17 ta’ April 2015 indirizzata lir-rikorrenti kif ukoll lil Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fl‑24 ta’ Diċembru 2014, Deutsche Telekom ippreżentat rikors li permezz tiegħu hija titlob ukoll l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑827/14).

A.   Kuntest teknoloġiku, fattwali u regolamentari tad-deċiżjoni kkontestata

3

Ir-rikorrenti, li hija s-suċċessur indirett tal-impriża pubblika tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet li spiċċat fl-1992, hija l-ikbar operatur ta’ telekomunikazzjonijiet u tipprovdi aċċess għall-broadband fis-Slovakkja. Il-monopolju legali li minnu kienet tgawdi fis-suq Slovakk ta’ telekomunikazzjonijiet spiċċa fl-2000. Ir-rikorrenti toffri varjetà sħiħa ta’ servizzi ta’ data u ta’ servizzi bil-vuċi, u għandha u topera netwerks fissi tar-ram u tal-fibra ottika, kif ukoll netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli. In-netwerks tar-ram u dak mobbli jkopru kważi t-territorju kollu tas-Slovakkja.

4

Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-prattiki antikompetittivi fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-broadband internet. Hija tirrigwarda, essenzjalment, il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-rikorrenti għall-aċċess separat ta’ operaturi oħra għan-netwerk lokali tar-ram, fis-Slovakkja, bejn l-2005 u l-2010.

5

In-netwerk lokali huwa ċ-ċirkwit fiżiku ta’ par metalliku milwi (imsejjaħ ukoll “il-linja”) li jgħaqqad il-punt ta’ terminazzjoni tan-netwerk fil-bini tal-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew ma’ kull installazzjoni oħra ekwivalenti fin-netwerk telefoniku pubbliku fiss.

6

L-aċċess separat għan-netwerk lokali jippermetti lill-operaturi li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq – normalment imsejħa “operaturi alternattivi”, b’differenza mill-operaturi stabbiliti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet – li jużaw l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet diġà eżistenti u li jappartjenu lil dawn l-operaturi stabbiliti, sabiex joffru diversi servizzi lill-utenti finali, f’kompetizzjoni mal-operaturi stabbiliti. Fost is-servizzi differenti ta’ telekomunikazzjonijiet li jistgħu jiġu pprovduti lill-utenti finali permezz tan-netwerk lokali hemm it-trażmissjoni tad-data broadband għal aċċess fiss għall-internet u għall-applikazzjonijiet tal-multimedji mit-teknoloġija tal-linja diġitali tal-abbonat (digital subscriber line jew DSL).

7

L-aċċess separat għan-netwerk lokali huwa rregolat fil-livell tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, mir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83), u mid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349). Ir-Regolament Nru 2887/2000 jeħtieġ li l-operaturi li “għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq” jagħtu aċċess għan-netwerks lokali fosthom aċċess separat (unbundled local loop jew ULL) u li jippubblikaw offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess separat. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew implimentati fis-Slovakkja permezz taz-Zákon z 3. decembra 2003 č. 610/2003 Z.z. o elektronických komunikáciách, v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 610/2003, tat‑3 ta’ Diċembru 2003, dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), kif emendata, li daħlet fis-seħħ, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, fl-1 ta’ Jannar 2004.

8

Essenzjalment, dan il-qafas regolamentari jobbliga lill-operatur identifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala l-operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq (b’mod ġenerali, l-operatur stabbilit) li jagħti lill-operaturi alternattivi l-aċċess separat għan-netwerk lokali tiegħu u għas-servizzi konnessi taħt kundizzjonijiet trasparenti, ġusti u nondiskriminatorji u li jżomm aġġornata offerta ta’ riferiment għal tali aċċess separat. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiżgura li t-tariffa għall-aċċess separat għan-netwerk lokali, ibbażata fuq l-ispejjeż, tiffavorixxi l-istabbiliment ta’ kompetizzjoni leali u fit-tul. Għal dan il-għan, l-awtorità regolatorja nazzjonali setgħet, b’mod partikolari, timponi bidliet fl-offerta ta’ riferiment.

9

Wara analiżi tas-suq, l-awtorità regolatorja nazzjonali Slovakka fil-qasam ta’ telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem it-“TUSR”) adottat, fit‑8 ta’ Marzu 2005, id-Deċiżjoni tal-Ewwel Istanza Nru 205/14/2005, li fiha hija identifikat lir-rikorrenti bħala operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess separat għan-netwerk lokali, fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000. Konsegwentement, it-TUSR imponiet fuq ir-rikorrenti diversi obbligi, fosthom li tissottometti offerta ta’ riferiment fi żmien 60 ġurnata. Din id-deċiżjoni, ikkontestata mir-rikorrenti, kienet ikkonfermata mill-President tat-TUSR fl‑14 ta’ Ġunju 2005. Skont din id-deċiżjoni konfermattiva, ir-rikorrenti kellha tilqa’ t-talbiet kollha għal aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha kkunsidrati bħala raġonevoli u ġġustifikati, sabiex tippermetti lil operaturi alternattivi jużaw dan in-netwerk bil-għan li joffru s-servizzi tagħhom stess fis-“suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali)” tas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja. Id-deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2005 obbligat ukoll lir-rikorrenti sabiex tippubblika l-bidliet kollha previsti għall-offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess separat tal-inqas 45 ġurnata qabel u tissottomettihom lit-TUSR.

10

Ir-rikorrenti ppubblikat l-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat fit‑12 ta’ Awwissu 2005 (iktar ’il quddiem l-“offerta ta’ riferiment”). Din l-offerta, li kienet modifikata disa’ darbiet bejn din id-data u l-aħħar tal-2010, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet kuntrattwali u tekniċi għal aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti. Fil-livell tas-suq bl-ingrossa, ir-rikorrenti toffri aċċess għan-netwerks lokali fejn l-aċċess huwa sseparat fi jew ħdejn distributur prinċipali, li fuqu l-operatur alternattiv li jrid aċċess uża n-netwerk ċentrali tiegħu stess.

11

Skont id-deċiżjoni kkontestata, in-netwerk tan-netwerk lokali tar-rikorrenti, li jista’ jintuża sabiex jiġu pprovduti servizzi broadband wara l-aċċess separat tal-linji kkonċernati minn dan l-operatur, ikopri 75.7 % tad-djar kollha Slovakki matul il-perijodu ta’ bejn il-2005 u l-2010. Din il-kopertura testendi għan-netwerks lokali kollha li jinsabu fin-netwerk ta’ aċċess metalliku tar-rikorrenti li jistgħu jintużaw sabiex jittrażmettu sinjali broadband. Madankollu, matul dan l-istess perijodu, kienu biss ftit netwerks lokali tar-rikorrenti li taw aċċess separat, sa mit‑18 ta’ Diċembru 2009, u ntużaw biss minn operatur alternattiv wieħed sabiex jiġi pprovdut servizz bl-imnut ta’ broadband qawwi lil impriżi.

B.   Proċedura quddiem il-Kummissjoni

12

Il-Kummissjoni fetħet ex officio investigazzjoni li, b’mod partikolari, kellha bħala suġġett il-kundizzjonijiet ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali tar-rikorrenti. Wara talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-operaturi alternattivi fit‑13 ta’ Ġunju 2008 u spezzjoni mingħajr avviż fl-uffiċċji tar-rikorrenti bejn it‑13 u l‑15 ta’ Jannar 2009, fit‑8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura kontra dan l-operatur, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament tagħha (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

13

L-investigazzjoni kompliet permezz ta’ talbiet għal informazzjoni supplimentari indirizzati lill-operaturi alternattivi u lit-TUSR, kif ukoll permezz ta’ spezzjoni b’avviż minn qabel fl-uffiċċji tar-rikorrenti fit‑13 u fl-14 ta’ Lulju 2009.

14

F’diversi dokumenti ta’ riflessjoni indirizzati lill-Kummissjoni bejn il‑11 ta’ Awwissu 2009 u l‑31 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti indikat li fil-fehma tagħha ma teżisti ebda bażi sabiex jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ hija kisret l-Artikolu 102 TFUE.

15

Fil-kuntest tal-investigazzjoni, ir-rikorrenti opponiet għall-provvista ta’ informazzjoni datata fil-perijodu preċedenti għall‑1 ta’ Mejju 2004, data tal-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni. Hija ppreżentat rikors għal annullament, minn naħa, kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 6840 tat‑3 ta’ Settembru 2009 dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll min-naħa l-oħra, kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 902 tat‑8 ta’ Frar 2010 dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑458/09 u T‑171/10, EU:T:2012:145), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet.

16

Fit‑13 ta’ Diċembru 2010, wara talbiet għal informazzjoni indirizzati lil Deutsche Telekom, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ kontra tagħha proċedura fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004.

17

Fis‑7 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-għada, din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intbagħtet lil Deutsche Telekom. F’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, preliminarjament, li r-rikorrenti kienet potenzjalment ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE minħabba prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni għal dak li jirrigwarda l-aċċess separat għan-netwerks lokali tan-netwerk tagħha kif ukoll l-aċċess bl-ingrossa għal broadband nazzjonali u reġjonali għall-kompetituri tagħha, kif ukoll għal rifjut ta’ aċċess lill-operaturi alternattivi għal ċerti prodotti bl-ingrossa. Hija kkonkludiet ukoll, preliminarjament, li Deutsche Telekom kienet potenzjalment responsabbli għal dan l-aġir li jikkostitwixxi ksur, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm tar-rikorrenti matul il-perijodu tal-ksur.

18

Wara li kisbu aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, ir-rikorrenti u Deutsche Telekom wieġbu kull waħda minnhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal‑5 ta’ Settembru 2012. Imbagħad inżammet seduta fis‑6 u s-7 ta’ Novembru ta’ dik l-istess sena.

19

Fil-21 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni proposta ta’ impenji intiżi sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, u talbitha tadotta deċiżjoni li taċċetta l-impenji fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 pjuttost milli deċiżjoni ta’ projbizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat dawn l-impenji bħala insuffiċjenti u għalhekk iddeċidiet li tkompli bil-proċedura.

20

Il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti u lil Deutsche Telekom, fis‑6 ta’ Diċembru 2013 u fl-10 ta’ Jannar 2014 rispettivament, ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti intiża sabiex tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-provi supplimentari miġbura wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni indikat li dawn il-provi, li għalihom ir-rikorrenti u Deutsche Telekom kellhom aċċess, setgħu jintużaw fl-eventwali deċiżjoni finali.

21

Ir-rikorrenti u Deutsche Telekom wieġbu għall-ittra tal-espożizzjoni tal-fatti, fil‑21 ta’ Frar u fis‑6 ta’ Marzu 2014 rispettivament.

22

Waqt laqgħat li żammet mar-rikorrenti fis‑16 ta’ Settembru 2014 u ma’ Deutsche Telekom fid‑29 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni pprovditilhom informazzjoni dwar id-deċiżjoni li hija kienet ser tieħu abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003.

C.   Id-deċiżjoni kkontestata

23

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impriża li jifformaw ir-rikorrenti u Deutsche Telekom wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-servizzi broadband fis-Slovakkja matul il-perijodu bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”).

1. Definizzjoni tas-swieq rilevanti u tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fihom

24

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat żewġ swieq ta’ prodotti kkonċernati, jiġifieri:

is-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) għas-servizzi ta’ broadband f’pożizzjoni fissa;

is-suq bl-ingrossa tal-aċċess għan-netwerks lokali fejn l-aċċess huwa separat.

25

Skont id-deċiżjoni kkontestata, is-suq ġeografiku inkwistjoni jkopri t-territorju kollu tas-Slovakkja.

26

Il-Kummissjoni tikkonstata li, matul il-perijodu inkwistjoni, ir-rikorrenti kellha pożizzjoni ta’ monopolju fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess separat għan-netwerks lokali u li ma kinux jeżistu pressjonijiet diretti fil-forma ta’ kompetizzjoni reali jew potenzjali jew saħħa ta’ xiri kumpensatorja li jillimitaw is-saħħa ta’ din il-kumpannija fis-suq. Għalhekk, ir-rikorrenti kienet tgawdi minn pożizzjoni dominanti f’dan is-suq matul il-perijodu inkwistjoni. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li r-rikorrenti kienet tgawdi minn pożizzjoni dominanti, matul dan il-perijodu, fis-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) għas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa.

2. Aġir tar-rikorrenti

a) Rifjut ta’ provvista ta’ aċċess separat għan-netwerks lokali tar-rikorrenti

27

Il-Kummissjoni tirrileva, fl-ewwel parti tal-analiżi tagħha intitolata “Rifjut ta’ provvista”, li minkejja li diversi operaturi alternattivi kellhom interess kbir li jingħataw aċċess għan-netwerks lokali tar-rikorrenti sabiex jikkompetu ma’ din tal-aħħar fis-suq bl-imnut tas-servizzi broadband, fl-offerta ta’ riferiment, dan l-operatur stabbilixxa modalitajiet u kundizzjonijiet abbużivi sabiex jirrendi tali aċċess inaċċettabbli. B’hekk ir-rikorrenti tawlet, ikkumplikat u pprekludiet id-dħul fis-suq bl-imnut tas-servizzi broadband.

28

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza l-ewwel nett, li l-aċċess separat għan-netwerk lokali minn operatur alternattiv jippreżumi li dan tal-aħħar jikseb minn qabel informazzjoni suffiċjenti u adegwata dwar in-netwerk tal-operatur stabbilit. Din l-informazzjoni għandha tippermetti lill-operatur alternattiv ikkonċernat jevalwa l-opportunitajiet kummerċjali tiegħu u jippjana mudelli ekonomiċi xierqa għas-servizzi bl-imnut futuri tiegħu bbażati fuq l-aċċess separat għan-netwerk lokali. Issa, f’dan il-każ, l-offerta ta’ riferiment tar-rikorrenti ma kinitx tissodisfa dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni lill-operaturi alternattivi.

29

Għalhekk, minkejja r-rekwiżiti stabbiliti mill-qafas regolamentari rilevanti (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq), din l-offerta ta’ riferiment ma pprovdietx informazzjoni bażika dwar il-pożizzjonijiet tal-punti ta’ aċċess fiżiċi u d-disponibbiltà tan-netwerks lokali f’partijiet ferm determinati tan-netwerk. L-operaturi alternattivi kellhom aċċess għal din l-informazzjoni biss jekk jitolbuha, bi ħlas ta’ tariffa, fil-ħamest ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ta’ kunfidenzjalità mar-rikorrenti, u wara l-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja. Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li dawn ir-rekwiżiti tawlu indebitament u kkumplikaw il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti lill-operaturi alternattivi u b’hekk iddisswadew lill-imsemmija operaturi milli jaċċedu għan-netwerks lokali tar-rikorrenti.

30

Anki f’każ ta’ aċċess wara talba, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti kienet insuffiċjenti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma kienet ikkomunikat ebda informazzjoni dwar id-disponibbiltà tan-netwerks lokali tagħha, filwaqt li din l-informazzjoni kienet primordjali sabiex tippermetti lill-operaturi alternattivi jippjanaw fil-ħin il-mudelli ekonomiċi tagħhom u jiddeterminaw il-potenzjal kummerċjali tal-aċċess separat. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti kellha tikkomunika mhux biss il-lista ta’ distributuri prinċipali u ta’ riżorsi simili, iżda wkoll id-deskrizzjoni tal-kopertura ġeografika tagħhom, informazzjoni dwar is-serje ta’ numri telefoniċi servuti minn dawn iċ-ċentri, l-użu effettiv ta’ cables (f’perċentwali) għat-teknoloġiji DSL, il-grad ta’ firxa tal-apparat ta’ modulazzjoni b’impulsi kkodifikat (pulse code modulation jew PCM) fir-rigward tal-cables li jikkonnettjaw id-distributuri prinċipali differenti, l-ismijiet jew funzjonijiet tad-distributuri u l-mod li bih jintużaw fir-regolamenti tekniċi u metodoloġiċi tar-rikorrenti, jew anki t-tul massimu tan-netwerks lokali omoġenji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet konxja sew tal-problema kkawżata lill-operaturi alternattivi minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni u permezz tal-portata limitata tagħhom. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li minkejja li kien biss f’Mejju 2009 li r-rikorrenti ppubblikat mudell dwar it-talbiet għal aċċess separat li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi alternattivi, l-offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess separat kienet tipprevedi mill-bidu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji fil-każ fejn it-talba għal aċċess titqies inkompleta.

31

It-tieni nett, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti naqset, b’mod inġustifikat, il-portata tal-obbligu tagħha fil-qasam tal-aċċess separat għan-netwerks lokali tagħha.

32

Għalhekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti eskludiet indebitament minn dan l-obbligu l-linji “passivi”, jiġifieri l-linji li filwaqt li jeżistu fiżikament, ma kinux użati. Billi għamlet dan, ir-rikorrenti rriżervat għaliha kwantità sinjifikattiva ta’ klijenti potenzjali li ma kinux għadhom qed jixtru s-servizzi broadband tagħha, minkejja li jużaw in-netwerk tagħha, u dan minkejja li l-qafas regolamentari rilevanti ma jipprevedi ebda limitazzjoni tal-obbligu ta’ aċċess separat għal-linji attivi biss u li dan is-suq kien qed jikber b’mod sħiħ. Skont il-Kummissjoni, il-limitazzjoni applikata mir-rikorrenti ma kinitx iġġustifikata minn xi raġuni teknika oġġettiva.

33

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti eskludiet b’mod inġustifikat mill-obbligu tagħha fil-qasam tal-aċċess separat is-servizzi li hija kklassifikat bħala “servizzi kunfliġġenti”, jiġifieri servizzi li hija setgħet tipproponi u li setgħu jkunu f’kunflitt mal-aċċess għan-netwerk lokali minn operatur alternattiv. Minbarra li l-kunċett innifsu ta’ servizzi kunfliġġenti huwa ambigwu, il-lista ta’ tali servizzi, stabbilita unilateralment mir-rikorrenti kienet miftuħa, u konsegwentement tqajjem inċertezzi għall-operaturi alternattivi. Din il-limitazzjoni ċaħdet lill-operaturi alternattivi minn numru kbir ta’ klijenti potenzjali rriżervati għar-rikorrenti, u għalhekk irtiraw mis-suq bl-imnut.

34

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirrileva n-natura inġustifikata tar-regola imposta mir-rikorrenti fl-offerta ta’ riferiment, li skontha 25 % biss tan-netwerks lokali kontenuti f’cable b’pari multipli seta’ jintuża għall-provvista ta’ servizzi broadband, sabiex jiġu evitati indħil u interferenzi. Din ir-regola ma tistax tiġi ġġustifikata għaliex għandha natura ġenerali u astratta u għalhekk ma tiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-cables u tal-kombinazzjoni konkreta ta’ tekniki ta’ trażmissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-prattika fi Stati Membri oħra turi l-eżistenza ta’ alternattivi għal tali limitazzjonijiet ta’ aċċess astratti u upstream, bħall-prinċipju ta’ użu tal-cable 100 % flimkien mal-ġestjoni a posteriori tal-problemi konkreti kollha li jirriżultaw mill-interferenzi tal-ispektrum. Finalment, ir-rikorrenti applikat għaliha nnifisha regola ta’ użu massimu tal-cable ta’ 63 %, inqas stretta minn dik li hija imponiet fuq l-operaturi alternattivi.

35

Finalment u t-tielet nett ir-rikorrenti stabbilixxiet fl-offerta ta’ riferiment diversi klawżoli u kundizzjonijiet inġusti fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali tagħha.

36

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, skont id-deċiżjoni kkontestata, fl-offerta ta’ riferiment r-rikorrenti inkludiet klawżoli u kundizzjonijiet inġusti dwar il-kollokazzjoni, iddefiniti f’din l-offerta bħala “il-provvista ta’ spazju u tal-apparat tekniku neċessarju għall-installazzjoni xierqa tal-apparat ta’ telekomunikazzjonijiet mill-fornitur awtorizzat bil-għan ta’ provvista ta’ servizzi lill-utenti finali mill-fornitur awtorizzat permezz ta’ aċċess għan-netwerk lokali”. Għalhekk, l-ostakolu maħluq għall-operaturi alternattivi jirriżulta b’mod iktar partikolari mill-elementi segwenti: (i) il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu eżami preliminari tal-possibbiltajiet ta’ kollokazzjoni li ma kienx oġġettivament neċessarju; (ii) l-operaturi alternattivi setgħu jikkontestaw biss id-determinazzjoni tal-forma tal-kollokazzjoni deċiża mir-rikorrenti permezz tal-ħlas ta’ spejjeż supplimentari; (iii) l-iskadenza tal-perijodu ta’ riżerva wara n-notifika lill-operatur alternattiv tal-avviż dwar ir-riżultat tal-eżami preliminari jew l-eżami ddettaljat, mingħajr ma jkun intlaħaq ftehim dwar il-kollokazzjoni, timplika li l-proċedura ta’ eżami preliminari jew ta’ eżami ddettaljat kellha tittieħed b’mod sħiħ; (iv) ir-rikorrenti ma kienet marbuta b’ebda terminu f’każ ta’ eżamijiet iddettaljati supplimentari li jirriżultaw min-negozjati, u kellha d-dritt li tirtira mingħajr spjegazzjoni u mingħajr konsegwenzi ġuridiċi proposta ta’ ftehim ta’ kollokazzjoni matul il-perijodu ta’ aċċettazzjoni tal-proposta mill-operaturi alternattivi fit-termini stabbiliti; (v) ir-rikorrenti ma ntrabtet b’ebda skeda preċiża għall-implimentazzjoni tal-kollokazzjoni; (vi) ir-rikorrenti imponiet unilateralment tariffi żleali u mhux trasparenti għall-kollokazzjoni.

37

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrileva li skont l-offerta ta’ riferiment, l-operaturi alternattivi kellhom jissottomettu previżjonijiet ta’ talbiet ta’ klassifikazzjoni tan-netwerk lokali tnax-il xahar minn qabel għal kull spazju ta’ kollokazzjoni, xahar wara xahar, qabel ma jkunu jistgħu jintroduċu talba ta’ klassifikazzjoni għall-aċċess għan-netwerk lokali korrispondenti. Issa, il-Kummissjoni tqis li tali rekwiżit jimponi li l-operaturi alternattivi jissottomettu previżjonijiet f’mument li fih ma humiex f’pożizzjoni li jqisu l-bżonnijiet tagħhom f’termini ta’ aċċess separat. Barra minn hekk, hija tikkritika l-fatt li l-ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ previżjoni jwassal għall-ħlas ta’ penalitajiet, kif ukoll in-natura vinkolanti tal-obbligu ta’ previżjoni u l-assenza ta’ terminu ta’ tweġiba min-naħa tar-rikorrenti għal talba ta’ klassifikazzjoni, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ tali talba mal-volum previżjonali.

38

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċedura obbligatorja ta’ klassifikazzjoni, li għandha tippermetti lill-operaturi alternattivi jiddeterminaw jekk netwerk lokali huwiex speċifiku għat-teknoloġija DSL jew kull teknoloġija oħra broadband li huma jista’ jkollhom l-intenzjoni li jużaw qabel ma jagħtu ordni fissa ta’ aċċess separat, kienet tali li dawn l-operaturi kienu skuraġġuti jitolbu aċċess separat għan-netwerks lokali tar-rikorrenti. Għalhekk, filwaqt li taċċetta l-bżonn li tiġi vverifikata n-natura adegwata tan-netwerks lokali għall-aċċess separat jew il-kundizzjonijiet essenzjali minn qabel għall-aċċess separat għal linja speċifika, il-Kummissjoni tindika li s-separazzjoni ta’ din il-proċedura ta’ klassifikazzjoni mit-talba nnifisha ta’ aċċess għan-netwerk lokali tawlet mingħajr bżonn l-aċċess separat u wasslet għal spejjeż supplimentari għall-operaturi alternattivi. Barra minn hekk, diversi aspetti eżaminati fil-kuntest tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni għandhom natura superfluwa. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll in-natura inġustifikata tat-terminu ta’ validità tal-klassifikazzjoni ta’ netwerk lokali, limitat għal għaxart ijiem, li wara l-iskadenza tiegħu ma tistax tiġi ppreżentata talba għal aċċess.

39

Fir-raba’ lok, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-offerta ta’ riferiment tar-rikorrenti kienet tinkludi kundizzjonijiet żvantaġġjużi għal dak li jirrigwarda t-tiswijiet, is-servizz u l-manutenzjoni minħabba (i) l-assenza ta’ definizzjoni xierqa ta’ “xogħlijiet skedati” u “mhux skedati”, (ii) in-nuqqas ta’ ċarezza fid-distinzjoni bejn “xogħlijiet mhux skedati” u sempliċi “difetti” li tista’ tagħti lok għal aġir inġustifikat min-naħa tar-rikorrenti, (iii) termini qosra ħafna stabbiliti sabiex operatur alternattiv jiġi informat b’dawn ix-xogħlijiet kif ukoll sabiex jgħaddi din l-informazzjoni lill-klijenti ta’ dan tal-aħħar, u finalment, (iv) it-trasferiment tar-responsabbiltà fuq l-operatur alternattiv għall-interruzzjonijiet ta’ servizzi minħabba tiswija meta l-imsemmi operatur tqies mhux kooperattiv.

40

Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tikkunsidra żleali diversi modalitajiet u kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-garanzija bankarja meħtieġa minn kull operatur alternattiv li jixtieq jikkonkludi mar-rikorrenti ftehim ta’ kollokazzjoni u finalment jikseb aċċess għan-netwerks lokali tagħha. B’hekk, qabel xejn, ir-rikorrenti tgawdi marġni diskrezzjonali wiesa’ ħafna sabiex taċċetta jew tirrifjuta garanzija bankarja u ma hijiex suġġetta għall-osservanza ta’ ebda terminu f’dan ir-rigward. Imbagħad, l-ammont tal-garanzija, stabbilit fi EUR 66 387.84, huwa sproporzjonat meta mqabbel mar-riskji u l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Dan iktar u iktar peress li l-offerta ta’ riferiment tippermetti lir-rikorrenti tirrikjedi multiplikazzjoni ta’ din il-garanzija meta hija titlob dan, bl-ammont inizjali tal-garanzija jista’ jkun immultiplikat sa tnax-il darba. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet titlob il-garanzija bankarja sabiex tkopri mhux biss in-nuqqas ta’ ħlas ta’ servizzi effettivi pprovduti minn din tal-aħħar, iżda wkoll kull talba għal kumpens tad-danni li hija tista’ tippreżenta. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti tista’ tattiva l-garanzija bankarja mingħajr ma turi li hija kienet innotifikat minn qabel lid-debitur, u barra minn hekk, l-imsemmi debitur ma jistax jopponi għal din it-talba tal-garanzija. Finalment, il-Kummissjoni tenfasizza li l-operaturi alternattivi ma jgawdu minn ebda garanzija komparabbli, minkejja li huma jistgħu jsofru telf minħabba l-aġir tar-rikorrenti fil-qasam tal-aċċess separat għan-netwerks lokali.

41

Il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn l-aspetti tal-aġir tar-rikorrenti, ikkunsidrati flimkien, ikkostitwixxew rifjut minn dan l-operatur li jagħti aċċess separat għan-netwerks lokali tiegħu.

b) Kompressjoni tal-marġni tal-operaturi alternattivi fil-kuntest tal-provvista ta’ aċċess separat għan-netwerks lokali tar-rikorrenti

42

Fit-tieni parti tal-analiżi tagħha tal-aġir tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni li tirriżulta mill-aġir ta’ dan l-operatur fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali tiegħu, li tikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għalhekk, id-differenza bejn il-prezzijiet mitluba mir-rikorrenti għall-għoti ta’ tali aċċess lil operaturi alternattivi u l-prezzijiet mitluba għal klijenti tagħha stess kellha tkun jew negattiva jew insuffiċjenti sabiex tippermetti li operatur effikaċi daqs ir-rikorrenti jkopri l-ispejjeż partikolari li din tal-aħħar għandha ssostni għall-provvista tal-prodotti jew is-servizzi tagħha stess fis-suq downstream, jiġifieri s-suq bl-imnut.

43

Fir-rigward ta’ xenarju fejn il-portafoll ta’ servizzi kkunsidrati jinkludi biss is-servizzi broadband, il-Kummissjoni tinnota li kompetitur daqstant effikaċi kellu, permezz ta’ aċċess separat għan-netwerks lokali tar-rikorrenti, ikun f’pożizzjoni li jirriproduċi l-provvista kollha DSL bl-imnut tar-rikorrenti kif evolviet maż-żmien. Issa, l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena), sabiex jiġi kkalkolat il-marġni (jiġifieri l-kalkolu tal-marġni disponibbli għal kull sena matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 2005 u 2010), juri li kompetitur effikaċi daqs ir-rikorrenti kellu marġni negattivi u għalhekk ma setax jirriproduċi b’mod profittabbli l-portafoll ta’ servizzi broadband offrut mir-rikorrenti fis-suq bl-imnut.

44

Fir-rigward ta’ xenarju fejn il-portafoll eżaminat jinkludi servizzi ta’ telefonija bil-vuċi flimkien ma’ servizzi broadband permezz ta’ aċċess totali għan-netwerk lokali, il-Kummissjoni tasal ukoll għall-konstatazzjoni li kompetitur effikaċi daqs ir-rikorrenti ma setax minħabba prezzijiet mitluba minnha fis-suq upstream tal-aċċess separat, jeżerċita b’mod vijabbli attivitajiet fis-suq bl-imnut rilevanti matul il-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2010. Għalhekk, kompetitur daqstant effikaċi ma setax jirriproduċi b’mod vijabbli, matul dan il-perijodu, il-portafoll offrut mir-rikorrenti. Iż-żieda ta’ servizzi multi-play ma’ dan il-portafoll ta’ riferiment, disponibbli mill-2007, ma tibdilx din il-konstatazzjoni.

45

Peress li matul il-proċedura amministrattiva, la r-rikorrenti u lanqas Deutsche Telekom ma ressqu ġustifikazzjoni oġġettiva għall-aġir tagħhom ta’ esklużjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aġir tar-rikorrenti, matul il-perijodu inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala kompressjoni abbużiva tal-marġni.

3. Analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-aġir tar-rikorrenti

46

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn iż-żewġ tipi ta’ aġir tar-rikorrenti, jiġifieri r-rifjut ta’ provvista ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali u l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi alternattivi, setgħu jipprekludu l-operaturi alternattivi milli jibbażaw ruħhom fuq aċċess separat sabiex jidħlu fis-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) fis-Slovakkja għas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan l-aġir irrenda l-kompetizzjoni f’dan is-suq inqas effettiva, peress li ma kinitx teżisti alternattiva reali vijabbli għall-operaturi kompetituri għal aċċess broadband bl-ingrossa għat-teknoloġija DSL bbażata fuq l-aċċess separat għan-netwerks lokali. Barra minn hekk, l-impatt tal-aġir tar-rikorrenti fuq il-kompetizzjoni kien ikbar peress li s-suq bl-imnut ta’ servizzi broadband kellu potenzjal qawwi ta’ tkabbir matul il-perijodu inkwistjoni.

47

Il-Kummissjoni żżid, essenzjalment, li konformement mal-kunċett tal-“iskala tal-investiment”, dan l-ostakolu tal-aċċess separat għan-netwerk lokali ċaħħad l-operaturi alternattivi minn sors ta’ dħul li kien jippermettilhom jagħmlu investimenti oħra fin-netwerk, b’mod partikolari billi jiżviluppaw in-netwerk ta’ aċċess tagħhom sabiex jikkonnettjaw direttament il-klijenti tagħhom.

48

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aġir antikompetittiv tar-rikorrenti fis-suq tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) ta’ servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja seta’ kellu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, u fid-dawl tal-kopertura ġeografika tagħha li tikkorrispondi għat-territorju kollu tas-Slovakkja, seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4. Destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u multi

49

Skont id-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu inkwistjoni kollu, Deutsche Telekom mhux biss kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tar-rikorrenti, iżda wkoll eżerċitat effettivament tali influwenza. Peress li r-rikorrenti u Deutshe Telekom jagħmlu parti mill-istess impriża, it-tnejn huma responsabbli mill-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

50

Fir-rigward tas-sanzjoni ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni tindika li stabbilixxiet l-ammont tal-multi b’riferiment għall-prinċipji stabbiliti fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”).

51

Il-Kummissjoni tikkalkula, qabel kollox, l-ammont bażiku tal-multa, billi tieħu 10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul mir-rikorrenti fis-suq tal-aċċess separat għan-netwerk lokali u tal-broadband bl-imnut għas-servizzi fissi matul l-aħħar sena fiskali sħiħa tal-parteċipazzjoni fil-ksur tagħha, f’dan il-każ l-2010, u timmultiplika d-dħul hekk miksub b’ 5.33 sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur (ħames snin u erba’ xhur). L-ammont bażiku miksub fl-aħħar ta’ dan il-kalkolu jammonta għal EUR 38838000. Din hija l-ewwel multa imposta għall-ksur inkwistjoni u li għaliha huma responsabbli in solidum ir-rikorrenti u Deutsche Telekom skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

52

Il-Kummissjoni tipproċedi imbagħad għal aġġustament doppju ta’ dan l-ammont bażiku. Fl-ewwel lok, hija tikkonstata li fil-mument ta’ twettiq tal-ksur inkwistjoni, Deutsche Telekom kienet diġà nżammet responsabbli ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE minħabba kompressjoni tal-marġni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, fid-Deċiżjoni tagħha 2003/707/KE tal‑21 ta’ Mejju 2003 dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każijiet AT. COMP/37.451, 37.578, 37.579 – Deutsche Telekom AG, ĠU 2003, L 263, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Deutsche Telekom”), u li fiż-żmien li fih ġiet adottata din id-deċiżjoni Deutsche Telekom diġà kellha 51 % tal-ishma tar-rikorrenti u setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li għal Deutsche Telekom l-ammont bażiku tal-multa għandu jiżdied b’ 50 % bħala reċidiva. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkonstata li d-dħul mill-bejgħ mondjali ta’ Deutsche Telekom jammonta, fl-2013, għal EUR 60.123 biljun, u li sabiex il-multa imposta fuq Deutsche Telekom tingħata effett dissważiv suffiċjenti, għandu jiġi applikat għall-ammont bażiku multiplikatur koeffiċjenti ta’ 1.2. Il-prodott ta’ dan l-aġġustament doppju tal-ammont bażiku, jiġifieri EUR 31070000, jagħti lok, skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, għal multa distinta imposta biss fuq Deutsche Telekom.

5. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

53

L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqraw kif ġej:

“Artikolu 1

1.   L-impriża komposta minn Deutsche Telekom AG u Slovak Telekom a.s. wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 tat-Trattat u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

2.   Il-ksur dam mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal‑31 ta’ Diċembru 2010 u kkonsista fil-prattiki segwenti:

(a)

ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk neċessarja għall-aċċess separat għan-netwerks lokali;

(b)

tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali;

(c)

stabbiliment ta’ modalitajiet u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tal-aċċess separat fir-rigward tal-kollokazzjoni, il-klassifikazzjoni, il-previżjonijiet, it-tiswija u l-garanziji bankarji;

(d)

applikazzjoni ta’ tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effikaċi abbażi tal-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom a.s. li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom a.s. mingħajr ma jsofri telf.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti s-segwenti multi:

(a)

multa ta’ EUR 38838000 lil Deutsche Telekom AG u Slovak Telekom a.s., in solidum;

(b)

multa ta’ EUR 31070000 lil Deutsche Telekom AG.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

[omissis]

71

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jaffettwaw lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

f’każ li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat, tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

72

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà

[omissis]

B.   Fuq il-mertu

91

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn kemm tat-talbiet prinċipali tagħha, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tat-talbiet sussidjarji, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal dak li jirrigwarda l-aġir abbużiv tar-rikorrenti, it-tieni, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-prattika li twassal għal-kompressjoni tal-marġni, it-tielet, fuq żbalji mwettqa fil-konstatazzjoni ta’ din il-prattika, ir-raba’, fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li r-rikorrenti u Deutsche Telekom kienu jagħmlu parti minn impriża waħda u li kienu t-tnejn responsabbli mill-ksur inkwistjoni, u l-ħames, fuq żbalji fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa.

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal dak li jirrigwarda l-aġir illegali tar-rikorrenti

92

Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-kriterju ġuridiku applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonstata li l-prattika tar-rikorrenti kienet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

93

L-ewwel motiv jinkludi essenzjalment ħames ilmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq l-assenza ta’ applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjoni tan-natura indispensabbli tal-aċċess għan-netwerk DSL tar-ram tar-rikorrenti sabiex tiġi eżerċitata attività fis-suq bl-imnut tas-servizzi broadband fis-Slovakkja, fis-sens tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). It-tieni ilment huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317). It-tielet ilment huwa bbażat fuq l-inkoerenza tad-deċiżjoni kkontestata, f’termini ta’ politika ta’ kompetizzjoni, għal dak li jirrigwarda l-prova dwar ir-rifjut totali ta’ aċċess u r-rifjut impliċitu ta’ aċċess. Ir-raba’ ilment huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatti u ta’ liġi, kif ukoll nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fil-ġustifikazzjoni intiża sabiex tidderoga mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Il-ħames ilment huwa bbażat fuq l-assenza ta’ prova li l-aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti huwa indispensabbli għall-kompetituri li jinsabu fis-suq downstream.

94

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-imsemmija ilmenti u jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

a) Fuq l-ewwel u l-ħames ilment

95

Fil-kuntest tal-ewwel u l-ħames ilment tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, essenzjalment, ikklassifikat serje ta’ aġir tar-rikorrenti matul il-perijodu inkwistjoni, imsemmija fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 355 sa 821), bħala “rifjut ta’ provvista” ta’ aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti mingħajr ma vverifikat in-natura indispensabbli ta’ tali aċċess, fis-sens tal-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

96

Permezz tal-ewwel ilment tagħha r-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 361 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Ir-rikorrenti tenfasizza li minn din is-sentenza jirriżulta li rifjut ta’ provvista ta’ aċċess jikser l-Artikolu 102 TFUE meta, b’mod partikolari, dan ir-rifjut jirrigwarda prodott jew servizz li l-kunsinna jew il-provvista tiegħu hija indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ natura indispensabbli”). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset milli teżamina, b’mod żbaljat, in-natura indispensabbli tal-aċċess għan-netwerk tar-rikorrenti sabiex tiġi eżerċitata attività fis-suq bl-imnut tas-servizzi broadband fis-Slovakkja. Għalhekk, ir-rikorrenti tirrifjuta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha mis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83) jirriżulta li, f’każ ta’ rifjut impliċitu ta’ aċċess, il-Kummissjoni ma għandhiex turi li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), u b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ natura indispensabbli, japplikaw (premessi 359 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata).

97

F’dan ir-rigward, mill-punti 55 sa 58 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), moqrija flimkien, jirriżulta li l-prattika li twassal għal kompressjoni tal-marġni tikkostitwixxi abbuż awtonomu fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, li ma jeħtieġx il-prova minn qabel tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ bejgħ li jissodisfa l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Issa, peress li l-Kummissjoni qieset li l-punt 55 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), ma jkoprix biss il-prattika tal-kompressjoni tal-marġni, iżda wkoll ir-rifjut impliċitu ta’ aċċess, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, hija pprovat b’mod żbaljat, twessa’ kunsiderevolment ir-raġunament strett ta’ din l-aħħar sentenza.

98

B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, minkejja li mis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83) jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ natura indispensabbli ma hijiex rekwiżit għall-abbużi kollha marbuta mal-“kundizzjonijiet kummerċjali” fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, dan ma jfissirx, madankollu, li din il-kundizzjoni ma hijiex applikabbli f’każ ta’ rifjut ta’ aċċess. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja imkien ma indikat, fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83) u lanqas f’xi sentenza oħra li l-kundizzjoni tan-natura indispensabbli stabbilita mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), hija limitata għall-każijiet ta’ rifjut totali ta’ aċċess. Għall-kuntrarju, tali soluzzjoni tnaqqas l-effett utli tal-Artikolu 102 TFUE. Minkejja li s-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), tirrigwarda fatti dwar rifjut totali ta’ provvista, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipji ġenerali ta’ obbligu li tingħata għajnuna lill-kompetituri.

99

Fir-rigward tas-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni fir-risposta, ir-rikorrenti tqis li dawn is-sentenzi jikkostitwixxu approċċ ġdid meta mqabbla mad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel nett, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), kienet tinkorpora s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18), li minnha jirriżulta li n-natura indispensabbli hija kundizzjoni ġuridika preliminari. Għalhekk, dawn iż-żewġ sentenzi huma kompatibbli.

100

It-tieni nett, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni, jiġifieri s-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continental vs Il-Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22), u tas‑16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et (C‑468/06 sa C‑478/06, EU:C:2008:504), ma tapplikax għal dan il-każ, peress li qabel xejn, l-ilmenti invokati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi ma jirrigwardawx rifjut ta’ bejgħ, iżda l-fatt li tali rifjut intuża bħala mezz sabiex jipprovoka restrizzjoni oħra tal-kompetizzjoni. Imbagħad, dawn il-kawżi ma kinux jirrigwardaw il-bejgħ ta’ riżorsa lill-kompetituri f’suq downstream, iżda l-kunsinna ta’ prodott finali għad-distribuzzjoni jew il-bejgħ mill-ġdid tiegħu. Finalment, f’dawn il-kawżi, l-impriża dominanti kienet iddeċidiet li ttemm il-kunsinna ta’ prodotti li huma kienu jipprovdu minn qabel lill-klijenti inkwistjoni, filwaqt li f’din il-kawża, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), dawk li qed jitolbu l-aċċess qatt qabel ma kienu pprovduti dan l-aċċess mill-impriża dominanti.

101

It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis, għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni dwar ir-rifjut li tingħata liċenzja fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri s-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Volvo (238/87, EU:C:1988:477, punt 8), tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 50), u tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 35), li din tal-aħħar hija konformi mas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), peress li din is-sentenza tagħmel riferiment għas-sentenza tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98), iċċitata hija stess fis-sentenzi sussegwenti. Il-fatt li kundizzjonijiet iktar stretti, b’mod partikolari r-rekwiżit li r-riżorsa tkun indispensabbli sabiex jiġi mmanifatturat “prodott ġdid”, jistgħu jkunu meħtieġa fil-kawżi ta’ proprjetà intellettwali ma jimplikax li l-Kummissjoni tista’ tneħħi l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), fil-kawżi li ma għandhom ebda rabta ma’ dan il-qasam.

102

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), ma teżisti ebda raġuni sabiex jinftiehem li l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tillimita l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), għaċ-ċirkustanzi stretti ta’ dik il-kawża. Fil-fatt, teżisti differenza bejn il-fatt li tiddikjara, kif għamlet fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) ma japplikawx għall-kawżi kollha marbuta mal-“kundizzjonijiet kummerċjali”, u dak li tiddikjara, kif ssostni l-Kummissjoni, li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) ma għandhom japplikaw fl-ebda waħda minn dawn il-kawżi.

103

Il-ħames nett, id-deċiżjonijiet iċċitati mill-Kummissjoni ma jsostnux it-teżi tagħha, ladarba l-analiżi tagħha, fid-Deċiżjoni tagħha 2001/892/KE tal‑25 ta’ Lulju 2001 dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (COMP/C-1/36.915 – Deutsche Post AG – Interċezzjoni ta’ posta transkonfinali) (ĠU 2001, L 331, p. 40), hija bbażata fuq il-fatt li n-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ Deutsche Post kienet indispensabbli għall-mittenti stabbiliti fir-Renju Unit. Il-kawża Polarois vs SSI Europe, iċċitata bħala eżempju ta’ rifjut impliċitu ta’ aċċess abbużiv, ma hijiex rilevanti għal din il-kawża.

104

Permezz tal-ħames ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-aċċess għan-netwerk lokali tagħha huwa indispensabbli għall-kompetituri downstream. F’dan ir-rigward, mis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 28) jirriżulta li ma huwiex suffiċjenti li jintwera li s-soluzzjonijiet alternattivi jkunu inqas vantaġġjużi għall-operaturi l-oħra, iżda li għandha tintwera n-natura indispensabbli tan-netwerk ikkonċernat, fis-sens tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Fil-fatt, l-obbligu li jingħata aċċess għal installazzjoni jitnissel jekk ir-rifjut ta’ aċċess jkollu oġġettivament effett suffiċjentement gravi fuq il-kompetizzjoni.

105

Barra minn hekk, huma irrilevanti l-kwistjonijiet eżaminati mill-Kummissjoni, fit-Taqsima 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari, fil-premessi 382 u 384 ta’ din tal-aħħar, jiġifieri minn naħa, jekk in-netwerk tar-ram tar-rikorrenti huwiex importanti, u min-naħa l-oħra, jekk aċċess bl-ingrossa effikaċi għat-teknoloġija DSL ibbażat fuq il-bażi tan-netwerk lokali huwiex importanti għall-operaturi alternattivi fis-Slovakkja. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni wettqet żball għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tan-natura indispensabbli. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina jekk l-aċċess għan-netwerk lokali huwiex indispensabbli sabiex il-kompetituri tar-rikorrenti jkunu jistgħu jikkompetu fis-suq bl-imnut downstream, b’tali mod li fl-assenza ta’ tali aċċess, din il-kompetizzjoni tkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Għal dan il-għan, il-maġġor parti tal-aċċess għal broadband huwa bbażat fuq teknoloġiji oħra differenti min-netwerk tar-ram tar-rikorrenti, u b’hekk tali aċċess ma huwiex indispensabbli fis-sens li huwa impossibbli jew diffiċli b’mod irraġonevoli.

106

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

107

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-impriża f’pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata), u f’dan ir-rigward għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li tali pożizzjoni dominanti toriġina minn ex-monopolju legali (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23).

108

Din hija ir-raġuni għaliex l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timplimenta prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha meqjusa li huma daqstant effikaċi bħalha, sabiex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tapplika miżuri li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Minn din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax għalhekk titqies li hija leġittima (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

F’dan ir-rigward, ġie deċiż, li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

L-Artikolu 102 TFUE ma jkoprix biss il-prattiki li jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 171).

111

L-effett fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li għalih sar riferiment fil-punt 109 iktar ’il fuq ma jirrigwardax neċessarjament l-effett konkret tal-aġir illegali stabbilit. Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, hemm lok li jintwera li l-aġir illegali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir għandu jew kapaċi jkollu tali effett (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 68; ara wkoll, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda n-natura abbużiva ta’ prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, għandu jiġi rrilevat li l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi espliċitament il-fatt li impriża dominanti timponi prezzijiet inġusti b’mod dirett jew indirett (sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 25, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 173). Il-lista tal-prattiki abbużivi li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE ma hijiex eżawrjenti, fis-sens li l-lista ta’ prattiki abbużivi mogħtija f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-metodi ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 26; tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 26, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 173).

113

F’dan il-każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-argument magħmul mir-rikorrenti fl-ewwel motiv jirrigwarda biss il-kriterju ġuridiku applikat mill-Kummissjoni, fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 355 sa 821), sabiex tikklassifika serje ta’ aġir tar-rikorrenti matul il-perijodu inkwistjoni bħala “rifjut ta’ provvista”. Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza nnifisha tal-aġir ikkonstatat mill-Kummissjoni f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata. Kif jirriżulta mill-premessi 2 u 1507 tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-aġir, li kkontribwixxa għall-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE (premessa 1511 tad-deċiżjoni kkontestata), jikkonsisti l-ewwel nett, f’ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk tar-rikorrenti, neċessarja għall-aċċess separat tan-netwerk lokali ta’ dan l-operatur, it-tieni nett, fi tnaqqis mir-rikorrenti tal-obbligi tagħha dwar l-aċċess separat li jirriżultaw mill-qafas regolamentari applikabbli, u t-tielet nett, fl-istabbiliment mill-imsemmi operatur ta’ diversi klawżoli u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tiegħu fil-qasam tal-aċċess separat.

114

Barra minn hekk, kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, l-ewwel motiv ma huwiex intiż sabiex jikkontesta l-analiżi tal-aġir li jikkonsisti f’kompressjoni tal-marġni mwettqa mill-Kummissjoni fit-tmien parti tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 822 sa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li dan it-tip ta’ aġir jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż differenti mir-rifjut ta’ provvista ta’ aċċess u li għalhekk l-eżistenza tiegħu ma hijiex suġġetta għall-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, essenzjalment, permezz tal-ewwel u l-ħames ilment tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kklassifikat l-aġir imfakkar fil-punt 113 iktar ’il fuq bħala “rifjut ta’ provvista” ta’ aċċess għan-netwerk lokali tagħha mingħajr ma vverifikat in-natura “indispensabbli” ta’ tali aċċess, fis-sens tat-tielet kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569).

115

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ikkunsidrat li, sabiex ir-rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti aċċess għal servizz ikun jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, dan ir-rifjut għandu jkun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa ta’ dak li qed jitlob is-servizz, li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u li s-servizz stess ikun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dak li jitolbu (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41; ara wkoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Barra minn hekk, mill-punti 43 u 44 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), jirriżulta li sabiex jiġi ddeterminat jekk prodott jew servizz huwiex indispensabbli sabiex jippermetti impriża teżerċita l-attività tagħha f’suq partikolari, għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu soluzzjonijiet alternattivi, anki jekk dawn ikunu inqas vantaġġjużi, u jekk jeżistux ostakoli tekniċi, regolamentari jew ekonomiċi ta’ natura li jirrendu impossibbli, jew tal-inqas diffiċli b’mod irraġonevoli, għal kull impriża li trid topera fl-imsemmi suq, sabiex toħloq, eventwalment b’kollaborazzjoni ma’ operaturi oħra, prodotti jew servizzi alternattivi. Skont il-punt 46 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), sabiex tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ ostakoli ta’ natura ekonomika, għandu tal-inqas jiġi stabbilit li l-ħolqien ta’ dawn il-prodotti jew servizzi ma huwiex ekonomikament vijabbli għal produzzjoni fi skala komparabbli ma’ dik tal-impriża li tikkontrolla l-prodott jew is-servizz eżistenti (sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health, C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 28).

117

Madankollu, f’dan il-każ, peress li l-leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tiddefinixxi l-qafas legali applikabbli għal dan is-settur, u b’hekk tikkontribwixxi biex jiġu determinati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li fihom impriża ta’ telekomunikazzjonijiet teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-swieq ikkonċernati, din l-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-aġir adottat minn din l-impriża, b’mod partikolari sabiex tevalwa n‑natura abbużiva ta’ tali aġir (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 224).

118

Kif ġustament targumenta l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet mfakkra fil-punt 115 iktar ’il fuq kienu stabbiliti u applikati fil-kuntest ta’ kawżi li kienu jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE jistax ikun ta’ natura li jeħtieġ mill-impriża f’pożizzjoni dominanti li tipprovdi lil impriżi oħra l-aċċess għal prodott jew servizz, fl-assenza ta’ kull obbligu regolamentari ’dan is-sens.

119

Tali kuntest huwa differenti minn dak ta’ din il-kawża, li fiha t-TUSR, b’deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2005 ikkonfermata mid-Direttur ta’ din l-awtorità fl‑14 ta’ Ġunju 2005, imponiet lir-rikorrenti li tilqa’ t-talbiet kollha għal aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha meqjusa raġonevoli u ġġustifikati, sabiex tippermetti lil operaturi alternattivi, fuq din il-bażi, joffru s-servizzi tagħhom stess fuq is-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) tas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja (punt 9 iktar ’il fuq). Dan l-obbligu rriżulta mill-volontà tal-awtoritajiet pubbliċi li jinkoraġġixxu lir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha jinvestu u jinnovaw, filwaqt li jiżguraw li l-kompetizzjoni fis-suq tkun ippreżervata (premessi 218, 373, 388, 1053 u 1129 tad-deċiżjoni kkontestata).

120

Kif inhu espost fil-premessi 37 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni tat-TUSR, meħuda skont il-Liġi Slovakka Nru 610/2003, timplimenta fis-Slovakkja r-rekwiżit ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ operaturi b’saħħithom fis-suq tal-provvista ta’ netwerks telefoniċi pubbliċi fissi, previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2887/2000. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ġġustifika dan ir-rekwiżit, fil-premessa 6 tal-imsemmi regolament, permezz tal-fatt li “[m]a jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw l-infrastruttura ta’ l-aċċess metalliku kollha kemm hi ta’ l-operatur li diġà jeżisti fi żmien raġonevoli[, l-i]nfrastrutturi alternattivi […] ma joffrux ġeneralment l-istess funzjonalità jew ubikwità […]”.

121

Għalhekk, peress li l-qafas regolamentari rilevanti jirrikonoxxi b’mod ċar in-neċessità ta’ aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti, sabiex jippermetti t-tnissil u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-internet broadband, il-prova mill-Kummissjoni, li tali aċċess kellu natura indispensabbli fis-sens tal-aħħar kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma hijiex meħtieġa.

122

Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi n-natura indispensabbli tal-aċċess għan-netwerk inkwistjoni.

123

Hemm lok li jiżdied li tali allegazzjoni lanqas ma tista’ ssir fil-konfront tal-Kummissjoni jekk kellu jitqies li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess inkwistjoni kien previst mill-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-punti 48 u 49 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut abbużiv ta’ provvista, li kienet is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari eżaminata f’din l-aħħar kawża, għandhom neċessarjament japplikaw ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ aġir li jikkonsisti fl-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi jew tal-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet żvantaġġjużi jew li x-xerrej ma jkunx interessat fihom (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 55). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li tali aġir jista’, fih innifsu, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż li hija differenti mir-rifjut ta’ provvista (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 56).

124

Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li interpretazzjoni differenti tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), twassal għall-ħtieġa, sabiex kull aġir ta’ impriża dominanti rigward il-kundizzjonijiet kummerċjali tagħha jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala abbużiv, li jkunu dejjem issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut ta’ provvista, li jnaqqas indebitament l-effett utli tal-Artikolu 102 TFUE (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 58).

125

Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti ġustament issostni li l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), ikkonsistiet biss, kif jirriżulta mill-punt 8 ta’ dik is-sentenza, f’kompressjoni possibbli tal-marġni pprattikata mill-operatur stabbilit Svediż tan-netwerk ta’ telefonija fissa sabiex jiskoraġġixxi t-talbiet tal-operaturi alternattivi li jaċċedu għan-netwerk lokali tiegħu. Barra minn hekk, ma jistax jiġi dedott li l-interpretazzjoni li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-portata tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), hija limitata għal din il-forma ta’ aġir abbużiv biss u ma tkoprix prattiki mhux strettament tariffarji bħal dawk eżaminati f’dan il-każ mill-Kummissjoni fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 27 sa 41 iktar ’il fuq).

126

Fil-fatt, qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx għall-forma partikolari ta’ abbuż li tikkostitwixxi l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi kompetittivi f’suq downstream, iżda pjuttost għall-“provvista ta’ servizzi jew tal-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet żvantaġġjużi jew li x-xerrej ma jkunx interessat fihom” kif ukoll għall-“kundizzjonijiet kummerċjali” stabbiliti mill-impriża dominanti. Tali formulazzjoni tissuġġerixxi li l-prattiki ta’ esklużjoni li għalihom tagħmel riferiment jirrigwardaw mhux biss kompressjoni tal-marġni, iżda wkoll prattiki kummerċjali oħra ta’ natura li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni illegali għall-kompetituri attwali jew potenzjali, tat-tip ta’ dawk ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala rifjut impliċitu ta’ provvista ta’ aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti (ara f’dan is-sens, il-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

127

Dan il-qari tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), huwa kkonfermat mir-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik il-parti tal-analiżi tagħha, għall-punti 48 u 49 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Peress li dawn il-punti kienu fil-fatt ddedikati għat-tieni domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża u jirrigwardaw mhux ir-rifjut mill-impriża dominanti inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali li tagħti aċċess għas-sistema ta’ konsenja d-dar lill-editur tal-gazzetta kompetitur, eżaminat fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, iżda l-eventwali klassifikazzjoni bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ prattika li kienet tikkonsisti li din l-impriża tissuġġetta tali aċċess għall-kundizzjoni li l-editur inkwistjoni jafdalha fl-istess ħin l-eżekuzzjoni ta’ servizzi oħra, bħall-bejgħ mill-gabbani jew l-istampar.

128

Fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-klassifikazzjoni tal-aġir tar-rikorrenti eżaminat fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata bħala prattiki abbużivi fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE ma tippreżumix li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti kien indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tal-operaturi kompetittivi fis-suq bl-imnut għas-servizzi broadband fissi fis-Slovakkja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq.

129

Għalhekk, l-ewwel u l-ħames ilment tal-motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

b) Fuq it-tielet ilment

130

Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li fil-każ ta’ rifjut impliċitu ta’ provvista ta’ aċċess, ma ġewx applikati l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), jirriżulta f’inkoerenza fir-rigward tal-politika ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, ikun iktar faċli li jiġi stabbilit rifjut impliċitu ta’ provvista ta’ aċċess milli rifjut pur u sempliċi ta’ provvista ta’ aċċess, li jkollu l-effett li l-abbuż iktar gravi jiġi trattat b’mod inqas severi mill-abbuż inqas gravi. F’dan il-każ, tal-inqas wieħed mill-kompetituri tar-rikorrenti kellu aċċess għan-netwerk ta’ din tal-aħħar, u għalhekk ir-rifjut ma kienx totali (premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, ir-rifjut ta’ aċċess totali jkun iktar gravi minn rifjut ta’ aċċess impliċitu, filwaqt li skont l-approċċ tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), japplikaw għar-rifjut ta’ aċċess totali u mhux għar-rifjut ta’ aċċess impliċitu.

131

Madankollu, il-Kummissjoni ma tipproponi ebda ġustifikazzjoni sabiex tispjega, b’mod ġenerali, ir-raġunijiet li għalihom ir-rifjut ta’ aċċess impliċitu għandu jkun trattat b’mod iktar severi mir-rifjut ta’ aċċess totali, u b’mod partikolari, lanqas ir-raġunijiet li għalihom il-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma hemmx bżonn li jiġu ssodisfatti fl-ewwel każ.

132

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

133

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-gravità ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE li jikkonsisti f’rifjut ta’ impriża dominanti milli tipprovdi prodott jew servizz lill-impriżi l-oħra tiddependi biss fuq il-forma tiegħu. Issa, il-gravità ta’ tali ksur tista’ tiddependi fuq numru ta’ fatturi indipendenti min-natura espliċita jew impliċita tal-imsemmi rifjut, bħall-estensjoni ġeografika tal-ksur, in-natura intenzjonali tiegħu, jew anki l-effetti tiegħu fis-suq. Il-Linji gwida tal-2006 jikkonfermaw din l-analiżi meta fil-punt 20 tagħhom jindikaw li l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ.

134

Finalment, għandu jitfakkar li fil-punt 69 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li n-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa tista’ tkun rilevanti sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ kompressjoni tal-marġni. Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti invokat l-obbligu tal-Kummissjoni li turi n-natura indispensabbli tal-aċċess separat għan-netwerk lokali tar-rikorrenti biss insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kinitx applikat il-kriterju ġuridiku adegwat waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-prattiki eżaminati fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 182), u mhux sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-effetti antikompettittivi tal-imsemmija prattiki, magħmula fid-disa’ parti tal-imsemmija deċiżjoni (premessi 1046 sa 1109 tad-deċiżjoni kkontestata).

135

Għalhekk, hemm lok li t-tielet ilment jiġi miċħud bħala infondat.

c) Fuq it-tieni ilment

136

Permezz tat-tieni ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), fid-deċiżjoni kkontestata jmur kontra s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317) (b’mod partikolari l-punt 146 tagħha), li minkejja li tirrigwarda rifjut impliċitu ta’ bejgħ, imfakkar fil-premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, tapplika dawn il-kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni wettqet żball, peress li fil-kawża Clearstream, minkejja li l-pożizzjoni ta’ monopolju fattwali tal-kumpannija inkwistjoni kienet protetta mil-liġi, u b’hekk il-kundizzjonijiet tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) kienu ssodisfatti. Għall-kuntrarju tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317), f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx turi n-natura indispensabbli tan-netwerk DSL tar-rikorrenti. Din hija r-raġuni li għaliha hija tagħmel tant sforz sabiex tiddistingwiha mill-kawżi Bronner u Clearstream.

137

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

138

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, kif ġustament targumenta l-Kummissjoni, li ma hemmx kontradizzjoni bejn l-approċċ meħud mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317), u dak f’din il-kawża, peress li f’dik l-ewwel kawża, ma kienx jeżisti obbligu li l-impriża dominanti tipprovdi s-servizz inkwistjoni u l-impriża dominanti ma kinitx żviluppat il-pożizzjoni kummerċjali tagħha fil-kuntest ta’ monopolju legali.

139

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 117 iktar ’il fuq, peress li l-leġiżlazzjoni relatata mas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tiddefinixxi l-kuntest ġuridiku applikabbli għalih, u b’hekk tikkontribwixxi sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li fihom impriża ta’ telekomunikazzjonijiet teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-swieq ikkonċernati, l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-aġir adottat minn din l-impriża, b’mod partikolari sabiex tevalwa n—natura abbużiva ta’ tali aġir.

140

Għalhekk, it-tieni ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

d) Fuq ir-raba’ ilment

141

Permezz tar-raba’ ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li fil-premessa 370 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll minn nuqqasijiet ta’ motivazzjoni. F’din il-premessa, il-Kummissjoni kellha tagħti ġustifikazzjonijiet sabiex tidderoga mill-kundizzjonijiet tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), filwaqt li tiddikjara li dawn il-kundizzjonijiet ma japplikawx għal rifjut ta’ provvista ta’ aċċess minħabba, minn naħa, obbligu regolamentari li għandha r-rikorrenti, li tagħti aċċess għan-netwerk lokali skont regoli preċedenti, u min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tan-netwerk tar-rikorrenti bħala ex monopolju tal-Istat.

142

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iżbalji ta’ fatt u ta’ liġi relattivi għal dawn iż-żewġ ġustifikazzjonijiet, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji, l-ewwel nett, billi ddikjarat li hemm lok li tidderoga mill-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), minħabba l-eżistenza tal-obbligu li tagħti aċċess għan-netwerk lokali, li rriżulta minn regoli preċedenti.

143

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li tali obbligu ma għandux neċessarjament implikazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, peress li dawn iridu jilħqu għanijiet differenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, billi ma għamlitx id-distinzjoni li tirriżulta mill-punt 113 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101), bejn ir-rwol ta’ obbligu regolamentari ex ante, intiż għat-tnaqqis tas-saħħa fis-suq tal-impriżi dominanti fis-suq, u dak tad-dritt tal-kompetizzjoni ex post, li permezz tiegħu l-awtoritajiet jikkonċentraw fuq l-aġir speċifiku tal-impriżi u jeżaminaw jekk dawn użawx is-saħħa eventwali tagħhom fis-suq b’mod abbużiv.

144

B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda obbligu ta’ bejgħ, dan jista’ jiġi impost mil-leġiżlazzjoni ex ante f’każijiet li fihom il-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li timponi tali obbligu, skont l-Artikolu 102 TFUE, ħlief f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Issa, minkejja li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni relattiva għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-aġir ta’ impriża dominanti (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punti 224227), fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma ħaditx sempliċement inkunsiderazzjoni l-obbligi imposti b’tali leġiżlazzjoni, iżda bbażat ruħha kompletament fuqhom, mingħajr ma wettqet l-inqas eżami, tal-evalwazzjoni mwettqa mit-TUSR.

145

Skont ir-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101), li minnhom jirriżulta li l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni “tista’” tkun rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, huma applikabbli biss fil-kuntest ta’ dik il-kawża, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball billi rrilevat l-eżistenza tal-obbligu regolamentari impost minn din il-leġiżlazzjoni. La minn dik is-sentenza u lanqas mill-eżistenza ta’ obbligu regolamentari ma jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tinjora l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

146

Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tikkunsidra, u waqt is-seduta enfasizzat li l-Artikolu 102 TFUE u l-imsemmija leġiżlazzjoni jridu jilħqu għanijiet differenti, li minkejja li awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tkabbar il-kompetizzjoni fis-suq, l-obbligu ta’ kuntratt ma jistax jiġi impost abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, ħlief sabiex jirrimedja għal rifjut ta’ aċċess abbużiv.

147

Barra minn hekk, l-Artikolu 21(3) tal-Liġi Nru 610/2003 li għalih tagħmel riferiment il-Kummissjoni, sabiex issostni li t-TUSR ibbilanċjat l-interessi, ma kienx iċċitat fid-deċiżjonijiet preċedenti ta’ din l-awtorità. Fi kwalunkwe każ, l-obbligu ġenerali ta’ bbilanċjar, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jfissirx li l-Kummissjoni tista’ tmur kontra l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). F’kull każ, hija l-Kummissjoni li għandha turi li meta jeżisti obbligu regolamentari preċedenti, il-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma japplikawx. Ir-rikorrenti tammetti li, minkejja li ċertament fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ma kienx hemm obbligu regolamentari rilevanti, madankollu dan ma jwassalx għall-konklużjoni li ħadet il-Kummissjoni.

148

It-tieni nett, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni li n-netwerk tar-rikorrenti kien żviluppat fil-kuntest ta’ sistema monopolitika, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma teskludix din it-tieni ġustifikazzjoni. Fil-fatt, qabel xejn, il-punt 109 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), iċċitat mill-Kummissjoni, ma huwiex rilevanti. Imbagħad mill-punt 23 tas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C-209/10, EU:C:2012:172), li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni, jirriżulta li l-eżistenza ta’ ex monopolju tal-Istat tista’ tkun rilevanti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir ta’ impriża. Għalhekk, dik is-sentenza ma tippermettix li jiġi ddikjarat li l-kundizzjonijiet tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma japplikawx.

149

It-teżi li ssostni li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma japplikawx meta n-netwerk ikkonċernat ikun joriġina storikament minn monopolju tal-Istat hija żbaljata, peress li l-Artikolu 102 TFUE ma jipprovdix trattament speċjali għal ex monopolju tal-Istat. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ddikjarat fil-passat, li n-natura stabbilita ta’ monopolju ma kinitx rilevanti għall-evalwazzjoni attwali ta’ abbuż abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

150

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

151

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti, sabiex jiġu miċħuda dawn l-argumenti, li jiġi enfasizzat li l-argumenti li jinsabu il-punti 117 sa 121 iktar ’il fuq ma humiex ibbażati fuq il-premessa li skontha l-obbligu tar-rikorrenti li tagħti l-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha jirriżulta mill-Artikolu 102 TFUE, iżda jenfasizzaw biss, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, li l-eżistenza ta’ tali obbligu regolamentari tikkostitwixxi element rilevanti tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih għandu jiġi evalwat jekk il-prattiki tar-rikorrenti eżaminati fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata setgħux jiġu kklassifikati bħala prattiki abbużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

152

Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-punt 113 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101), sabiex issostni l-argument riprodott fil-punt 143 iktar ’il fuq, ma huwiex rilevanti. Huwa minnu li, fl-imsemmi punt 113 il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-awtoritajiet regolatorji għandhom jaġixxu konformement mad-dritt nazzjonali, li jista’ jkollu għanijiet differenti minn dawk tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan il-punt ta’ raġunament huwa intiż insostenn taċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tal-argument tar-rikorrenti invokat f’dik il-kawża li skontu, essenzjalment, il-kontroll ex ante tat-tariffi tagħha mill-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta Ġermaniża eskluda li l-Artikolu 102 TFUE jista’ jiġi applikat għal eventwali kompressjoni tal-marġni li tirriżulta mit-tariffi tagħha għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha. Għalhekk, dan il-punt ma għandux x’jaqsam mal-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ obbligu regolamentari ta’ aċċess għan-netwerk lokali tal-operatur dominanti huwiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-politika tiegħu ta’ aċċess mal-Artikolu 102 TFUE.

153

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti li toriġina minn monopolju legali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154

Għalhekk, ir-raba’ ilment, sa fejn jirrigwarda allegati żbalji ta’ liġi u ta’ fatt relattivi għall-ġustifikazzjonijiet mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tad-deroga mill-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) u rigward l-obbligu tar-rikorrenti li tagħti aċċess għan-netwerk lokali li jirriżulta minn regoli preċedenti u l-eżistenza ta’ sistema monopolistika tal-Istat eżistenti minn qabel, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

155

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma mmotivatx il-ġustifikazzjoni li din l-istituzzjoni ressqet sabiex tidderoga mill-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) u li tikkonsisti fin-neċessità li tirrendi l-aċċess inizjali obbligatorju. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-eżistenza ta’ obbligu regolamentari, ma analizzatx il-kontenut tiegħu, u lanqas ippreżentat raġunament dwar l-imsemmija ġustifikazzjoni fir-rigward tan-neċessità li tagħmel l-aċċess inizjali obbligatorju u l-kwistjoni dwar għal liema raġunijiet l-assenza ta’ tali aċċess telimina kull kompetizzjoni effettiva. Il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova insostenn tal-evalwazzjoni tagħha, li skontha l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet ibbilanċjat l-inkoraġġiment tar-rikorrenti li tipproteġi l-infrastrutturi tagħha għall-użu tagħha stess u l-inkoraġġiment tal-impriżi li potenzjalment jixtiequ jaċċedu għan-netwerk lokali. Id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli turi għaliex l-obbligi regolamentari kkonċernati jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġu injorati l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Il-Kummissjoni kellha tipprovdi motivazzjoni partikolarment ċara, inkontestabbli u ddettaljata li tiġġustifika l-fatt li tagħmel inizjalment l-aċċess obbligatorju, u konsegwentement, ir-raġunijiet li għalihom il-fatt li ma jingħatax aċċess jelimina kull kompetizzjoni effettiva.

156

Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li l-ewwel nett l-premessi 36 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu biss deskrizzjoni ġenerali tal-qafas regolamentari u deskrizzjoni sommarja tal-obbligu ta’ aċċess preċedenti. Issa, din il-motivazzjoni ma tittrattax il-kwistjoni dwar jekk dan l-obbligu jippermettix li jinkisru l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

157

It-tieni nett, it-TUSR ma għamlitx riferiment għad-dispożizzjonijiet regolamentari Slovakki dwar l-ibbilanċjar meta hija imponiet l-obbligi preċedenti. Fi kwalunkwe każ, l-ibbilanċjar ibbażat fuq ir-regoli preċedenti huwa differenti minn dak ibbażat fuq l-Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, argument ibbażat fuq l-ibbilanċjar allegatament imwettaq mit-TUSR ma jistax, skont ir-rikorrenti, jiġġustifika l-assenza ta’ kull motivazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569).

158

It-tielet nett, meta l-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), bl-ebda mod ma japplikaw f’din il-kawża, hija tħawwad il-kwistjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni mal-obbligu ta’ motivazzjoni.

159

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti targumenta li fir-rigward tar-riferiment għat-Taqsima 9.3 tad-deċiżjoni kkontestata relattiva għall-effetti antikompetittivi, din ma tippermettix li timmotiva din id-deċiżjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li, qabel xejn, l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva hija biss waħda mill-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), filwaqt li n-nuqqas ta’ motivazzjoni teżisti fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dik is-sentenza. Imbagħad, l-eżami tal-effetti antikompetittivi, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, ma jissostitwixxix in-neċessità li jiġu pprovduti motivi speċifiċi fir-rigward tal-kundizzjoni tan-natura indispensabbli. Finalment, din it-taqsima tirrifjuta l-argument tal-Kummissjoni, sa fejn tinkludi provi li juru l-assenza ta’ effetti antikompetittivi.

160

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-fatt li n-netwerk tar-rikorrenti kien żviluppat fil-kuntest ta’ sistema monopolistika, ir-rikorrenti targumenta li l-motivazzjoni kontenuta fil-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti sabiex tispjega r-raġunijiet li għalihom l-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta’ ex monopolju tal-Istat hija rilevanti għall-eżami ta’ abbuż fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE.

161

Skont ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni hija suġġetta għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, hija għandha teżamina l-elementi speċifiċi tal-ex monopolju tal-Istat li hija tixtieq tinvoka sabiex tinjora l-kundizzjonijiet tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), meta dawn l-elementi jirriżultaw rilevanti ħafna. Ir-rikorrenti tqis ukoll li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dettalji fattwali mingħajr rilevanza partikolari, l-elementi msemmija fil-premessa 891 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-investimenti tar-rikorrenti fl-attivi ta’ broadband matul il-perijodu ta’ bejn l-2003 u l-2010. Ir-rikorrenti hija tal-opinjoni li, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kellha teżamina n-natura u l-impatt ta’ dawn l-investimenti meta mqabbla mal-pożizzjoni stabbilita tagħha. Ir-rikorrenti tikkonkludi li, jekk il-motivazzjoni kontenuta fid-deċiżjoni kkontestata tirriżulta suffiċjenti, dan jimplika, fil-prattika, li ebda limitazzjoni ma hija imposta fuq il-Kummissjoni meta fil-passat ikun eżista monopolju tal-Istat.

162

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

163

F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att in kwistjoni u għandha turi r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 102 TFUE, dan il-prinċipju jirrikjedi li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-fatti li tiddependi fuqhom il-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l‑kunsiderazzjonijiet li wasslu sabiex tittieħed din id-deċiżjoni (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, T‑155/06, EU:T:2010:370, punt 227).

164

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata la tinkludi eżami dwar l-eżistenza ta’ obbligu regolamentari preċedenti, la analiżi tal-kontenut tagħha, la prova insostenn tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet ibbilanċjat l-inkoraġġimenti tar-rikorrenti li tipproteġi l-infrastrutturi tagħha għall-użu tagħha stess u dak tal-impriżi li potenzjalment jixtiequ jaċċedu għan-netwerk lokali, u lanqas tagħti r-raġunijiet li għalihom l-obbligi regolamentari jippermettu li jkunu injorati l-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ provvista li jirriżultaw mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, il-Kummissjoni esponiet, fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, il-qafas regolamentari relattiv għall-aċċess separat għan-netwerk lokali fis-Slovakkja fil-premessi 36 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija esponiet il-kuntest ġuridiku li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ rifjut abbużiv ta’ aċċess fil-premessi 355 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, billi spjegat, b’mod iktar partikolari, li hija tqis li din il-kawża hija differenti miċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), u li dik is-sentenza ma tapplikax f’dan il-każ. Għalhekk, l-argument imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

165

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tipprovdi motivazzjoni partikolarment ċara, konvinċenti u ddettaljata fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom il-fatt li ma jingħatax aċċess jelimina kull kompetizzjoni effettiva, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti invokat in-natura indispensabbli tal-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha insostenn biss tal-allegazzjoni tagħha li skontha l-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju ġuridiku legali xieraq waqt l-evalwazzjoni tal-prattiki eżaminati fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 182), u mhux sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-effetti antikompetittivi tal-imsemmija prattiki, magħmula fid-disa’ parti tal-imsemmija deċiżjoni (premessi 1046 sa 1109 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kwalunkwe każ, ir-raġunament magħmul f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata huwa ċar u mhux ekwivoku fir-rigward tal-effetti negattivi tal-aġir ta’ esklużjoni tar-rikorrenti fuq il-kompetizzjoni.

166

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-motivazzjoni kontenuta fil-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti sabiex tispjega r-raġunijiet li għalihom l-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta’ ex-monopolju tal-Istat hija rilevanti sabiex jiġi eżaminat abbuż fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, qabel xejn, esponiet f’din il-premessa, billi għamlet riferiment għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/21 u tal-Artikolu 21(3) tal-Liġi Slovakka Nru 610/2003 li l-obbligu ta’ provvista tar-rikorrenti impost mid-deċiżjoni tat-TUSR jieħu inkunsiderazzjoni inċentivi tar-rikorrenti kif ukoll dawk tal-kompetituri tagħha li jinvestu u jinnovaw, filwaqt li jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq tiġi ppreżervata. Fl-imsemmija premessa 373, il-Kummissjoni żżid li kien possibbli li l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ provvista jew aċċess ma kellu ebda effett fuq l-inċentivi sabiex tinvesti jew tinnova, meta l-pożizzjoni fis-suq tal-impriża dominanti kienet żviluppat taħt il-protezzjoni tad-drittijiet speċjali jew esklużivi, jew kienet iffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat kif kien il-każ f’din il-kawża. Imbagħad, il-Kummissjoni, tagħmel riferiment għall-punt 23 tas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172), li minnu jirriżulta li meta l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti toriġina minn ex-monopolju legali, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, filwaqt li spjegat li dan kien il-każ tar-rikorrenti f’din il-kawża. Finalment, il-Kummissjoni spjegat ukoll, fil-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata, li mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 2887/2000 kien jirriżulta li waħda mir-raġunijiet li għalihom in-netwerk ta’ aċċess lokali jibqa’ wieħed mill-“partijiet l-anqas kompettitivi tas-suq liberalizzat tat-telekomunikazzjonijiet” hija li l-operaturi ġodda ma għandhomx l-infrastruttura mifruxa ta’ netwerks alternattivi, peress li operaturi, bħar-rikorrenti, qiegħdu l-infrastruttura ta’ aċċess lokali tagħhom, għal żmien twil, billi gawdew mill-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi u għal deċenni kienu jistgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-investimenti permezz ta’ dħul ta’ monopolju minn servizzi ta’ telefonija bil-vuċi u ta’ fondi pubbliċi.

167

Barra minn hekk, fil-premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li mill-punt 109 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), jirriżulta li l-istruttura tas-suq hija wkoll influwenzata ħafna fuq l-istruttura monopolistika l-antika.

168

Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha, meta qieset li l-fatt li n-netwerk inkwistjoni kien żviluppa taħt sistema monopolistika jikkostitwixxi fattur rilevanti li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami li hija wettqet skont l-Artikolu 102 TFUE.

169

Għalhekk, ir-raba’ ilment għandu jiġi miċħud ukoll sa fejn jirrigwarda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

170

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni

171

It-tieni motiv jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żbalji proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż medji inkrementali fit-tul (iktar ’il quddiem is-“SMIT”) tar-rikorrenti, jiġifieri l-ispejjeż li dan l-operatur ma kienx isostni li kieku ma offriex is-servizzi korrispondenti. It-tieni parti hija bbażata fuq l-impossibbiltà, li matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti tieħu pożizzjoni fuq l-approċċ tal-kalkolu li jirrigwarda varji perijodi ta’ spejjeż sostnuti mir-rikorrenti sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni.

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż medji inkrementali fit-tul (SMIT)

172

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, minn naħa, bidlet il-metodi, il-prinċipji u d-data sabiex twettaq l-analiżi tas-SMIT, u min-naħa l-oħra li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija ma kkomunikatx l-oġġezzjonijiet tagħha relattivi għall-elementi li r-rikorrenti kienet issottomettitilha sabiex twettaq din l-analiżi. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni kienet użat biss id-data li toriġina mis-sistema interna ta’ dikjarazzjoni tal-ispejjeż tar-rikorrenti, jiġifieri d-data msejħa “UCN” (účelové členenie nákladov, klassifikazzjoni ta’ spejjeż speċifiċi, iktar ’il quddiem l-“UCN”) u s-sinteżi ta’ profittabbiltà pprovduti mir-rikorrenti, ladarba r-rikorrenti ma kellhiex data speċifika relattiva għas-SMIT. Skont ir-rikorrenti, din id-data “UCN” hija bbażata fuq l-ispejjeż storiċi mqassma kollha b’ordni dixxendenti. Din id-data hija bbażata fuq deprezzament lineari li ma jippermettix irkupru ta’ spejjeż ratione temporis. Issa, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 1038), il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet il-limiti ta’ din id-data għall-finijiet tal-analiżi tal-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni u kkunsidrat li din ma hijiex sodisfaċenti. Minħabba f’hekk, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienet ippreżentat data ġdida, abbażi tar-rapport ta’ konsulenza ppreparat matul Frar 2013 u kkomunikata lill-Kummissjoni fl-anness tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din id-data ġdida aġġustat b’mod partikolari l-ispejjeż storiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet aċċettat l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż tal-attivi u d-deprezzament propost mir-rikorrenti (premessa 894 tad-deċiżjoni kkontestata).

173

Ir-rikorrenti tenfasizza li billi aċċettat parti importanti minn din id-data, il-Kummissjoni qieset li l-imsemmi rapport kien kredibbli. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet, fir-rigward tal-prinċipji, tal-metodoloġija u tad-data pprovduti mir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ċaħdet parti minn dawn il-prinċipji, minn din il-metodoloġija u minn din id-data (premessa 899 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tikkomunika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-oġġezzjonijiet iddettaljati relattivi għall-prinċipji, għall-metodoloġija u għad-data li hija esponiet f’din id-deċiżjoni. L-assenza ta’ tali komunikazzjoni tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża, Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tesponi fl-intier tagħhom il-metodu, l-prinċipji kif ukoll id-data kollha relattiva għall-ispejjeż li fuqhom hija kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tipproduċi l-prova tal-ksur u turi l-perspettiva tagħha lir-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti invokat, għalxejn, dawn il-problemi proċedurali quddiem l- Uffiċjal tas-Smigħ.

174

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi hija stess li waqt id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija ma kellhiex data dwar l-ispejjeż marġinali medji fit-tul, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq dawn l-ispejjeż, li jfisser li l-Kummissjoni bidlet l-approċċ bejn dawn iż-żewġ dokumenti. Issa, skont ir-rikorrenti, ladarba l-Kummissjoni bidlet l-approċċ wara li bagħtet id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, hija kellha tindirizza dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġdida jew espożizzjoni ġdida tal-fatti lir-rikorrenti.

175

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, it-tabelli relattivi għall-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni, mibgħuta mill-Kummissjoni fil-laqgħa dwar l-istat tal-kwistjoni fis‑16 ta’ Settembru 2014, ma servewx ta’ bażi għas-siltiet inkwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża tagħha. F’dan is-sens, ir-rikorrenti tenfasizza n-natura superfiċjali ta’ dawn it-tabelli, li kienu twal erba’ paġni biss u li ma jinkludu ebda spjegazzjoni insostenn tad-data li huma jittraskrivu mill-ġdid. Bl-istess mod, ir-rikorrenti tenfasizza li l-imsemmija tabelli ġew ikkomunikati lilha mill-Kummissjoni biss fl-istadju tal-laqgħa dwar l-istat tal-kwistjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014, jiġifieri xahar qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, f’dik id-data, kienet diġà stabbilita. Fil-fatt, fis-seduta, ir-rikorrenti enfasizzat li waqt din il-laqgħa, il-Kummissjoni kienet indikat li hija kienet fil-proċess li tirrediġi deċiżjoni negattiva fir-rigward tagħha. Fi kwalunkwe każ, mill-komunikazzjoni ta’ dawn it-tabelli jirriżulta li l-Kummissjoni ħassitha obbligata li tikkomunika, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dokument li jesponi l-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni.

176

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

177

Kif jirriżulta mill-premessa 862 tad-deċiżjoni kkontesta, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tikkomunika d-data neċessarja għall-kalkolu tal-ispejjeż relattivi għall-inputs addizzjonali neċessarji sabiex is-servizzi bl-ingrossa jinbidlu f’servizzi bl-imnut. Qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni kalkoli tal-ispejjeż għall-2003 sal-2010 f’tabelli “UCN” u diversi tabelli ta’ kalkolu supplimentari. Issa, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija, il-prinċipji u d-data ppreżentati mir-rikorrenti ġew enfasizzati għall-ewwel darba fil-premessi 860 sa 921 tad-deċiżjoni kkontestata.

178

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, ICF vs Il-Kummissjoni, T-406/08, EU:T:2013:322, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179

Dan il-prinċipju jirrikjedi li matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan is-sens, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din id-dikjarazzjoni għandha tistabbilixxi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punti 4142).

180

Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta d-deċiżjoni finali ma tallegax li l-persuni kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni matul il-proċedura (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 266, u tat‑18 ta’ Ġunju 2013, ICF vs Il-Kummissjoni, T‑406/08EU:T:2013:322, punt 117).

181

Madankollu, l-indikazzjoni tal-elementi essenzjali li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 70; tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 267). Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċeduri amministrattivi, tirrevedi jew iżżid argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija tagħmel (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, T‑25/06, EU:T:2011:442, punt 181). Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’ fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tirrinunzja għal ċerti oġġezzjonijiet jew anki għall-oġġezzjonijiet kollha li tkun oriġinarjament ifformulat kontra tagħhom u tibdel, għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħha favurihom, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, sakemm tagħti lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jsostnu l-perspettiva tagħhom rigward dan is-suġġett (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T-214/98, EU:T:2003:245, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182

Min-natura provviżorja tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti rrilevati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma’ tistax tiġi annullata għar-raġuni unika li l-konklużjonijiet definittivi bbażati fuq dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż mal-imsemmija klassifikazzjoni provviżorja (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 43). It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argument imressaq minn xi parti waqt il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi opinjoni f’dan ir-rigward, qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni finali, ma jikkostitwixxix, bħala tali, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, meta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-argument ma jbiddilx in-natura tal-oġġezzjonijiet indirizzati lilha (ara f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑497/99 P, EU:C:2001:393, punt 24; is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, EU:T:2002:50, punt 447, u tad‑9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, T‑25/06, EU:T:2011:442, punt 182).

183

Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom magħmulin bi tweġiba għall-ilmenti ikkunsidrati billi tibdel l-analiżi tagħha preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tingħata l-possibbiltà li tippreċiża din il-klassifikazzjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, sabiex jew tabbanduna oġġezzjonijiet li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija ssostni, madankollu bil-kundizzjoni li hija tirrileva biss fatti li dwarhom l-partijiet ikkonċernati kellhom il-possibbiltà li jispjegaw ruħhom u li tipprovdi, matul il-proċedura amministrattiva, l-elementi neċessarji għad-difiża tagħhom (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184

Finalment, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mwettqa minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet użat dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 269 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 93).

185

F’dan il-każ, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni rċeviet id-data relattiva għall-ispejjeż fit-tabelli “UCN”, li jikkostitwixxu strument kontabbli tar-rikorrenti, li jirrappreżentaw, b’servizz kummerċjali u b’familja ta’ servizzi, id-dħul totali, it-total tal-ispejjeż tal-operat, il-kapital sostnut, l-ispiża totali f’kapital, il-profitt tal-operat u l-profitt ekonomiku (premessi 863 u 864 tad-deċiżjoni kkontestata). Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ispejjeż li jinsabu fit-tabelli “UCN” huma bbażati fuq l-ispejjeż storiċi kollha mqassma u huma differenti mis-SMIT (premessa 875 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kisbet ukoll preżentazzjonijiet li jindikaw il-mod li bih l-ispejjeż kienu miġbura kif ukoll tabelli u deskrizzjonijiet dwar l-ispejjeż għal kull wieħed mis-servizzi (premessi 865 sa 867 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tipprovdi d-data ta’ profittabbiltà għas-servizzi broadband, ikkalkolati mill-ġdid bl-użu tal-metodoloġija tas-SMIT (premessi 868 u 869 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li r-rikorrenti ddikjarat li għal dak li jirrigwarda s-servizzi broadband, hija ma tikkalkolax iċ-ċifri tal-profittabbiltà skont il-metodoloġija tas-SMIT, il-Kummissjoni użat, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-data li hija kellha, jiġifieri d-data “UCN” u l-ispjegazzjonijiet relattivi għall-ispejjeż, billi addattat l-ispejjeż individwali (premessi 870 sa 875 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, f’dan l-istadju, fl-assenza ta’ data dwar is-SMIT, iċ-ċifri kontenuti fit-tabelli “UCN” kienu jikkostitwixxu l-aħjar sors disponibbli sabiex jitwettqu l-kalkoli tal-kompressjoni tal-marġni (premessa 875 tad-deċiżjoni kkontestata). Fuq din il-bażi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet li kompetitur daqstant effettiv li jingħata aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti kien ikollu marġni negattiv sostanzjali li kieku prova jirriproduċi l-portafoll bl-imnut tar-rikorrenti matul l‑2005 sal-2010 (punti 1203 u 1222 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

186

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li hija ma nstemgħetx għal dak li jirrigwarda l-prinċipji, il-metodoloġija u d-data fir-rigward tal-kalkolu tas-SMIT, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni twieġeb għall-argumenti magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li hija użat din l-opportunità bis-sħiħ. Għalhekk, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ konsulenza, ir-rikorrenti ppreżentat metodu bbażat fuq il-kontabbiltà tal-ispejjeż attwali, permezz tal-istima tal-ispejjeż downstream għall-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2010 abbażi ta’ data li tibda mill-2011 (premessa 881 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, f’din ir-tweġiba, ir-rikorrenti ssostni li waqt il-kalkolu tas-SMIT, għandu, minn naħa, jiġi evalwat mill-ġdid l-attivi, u min-naħa l-oħra, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ineffiċjenzi tan-netwerk tagħha għall-provvista tal-broadband. B’mod partikolari, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ineffiċjenzi, ir-rikorrenti pproponiet li tipproċedi għal aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti modern tiegħu, iktar effikaċi u ta’ inqas spejjeż (modern asset equivalent), it-tieni nett, iż-żamma sa fejn huwa possibbli tal-koerenza teknoloġika, u t-tielet nett, it-tnaqqis tal-attivi abbażi tal-kapaċità attwalment użata pparagunata mal-kapaċità installata (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni”).

187

Fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, il-Kummissjoni aċċettat li tinkludi b’mod partikolari l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi tar-rikorrenti fl-analiżi tagħha tal-kompressjoni tal-marġni u li tnaqqas, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż fissi speċifiċi, l-ispejjeż assoċjati u komuni. Mill-banda l-oħra, hija ċaħdet l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni (premessi 894, 903, 904 u 910 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat marġni differenti minn dawk ikkalkolati fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

188

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-tibdil li għamlet fid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla mad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, fir-rigward tal-kalkoli tal-kompressjoni tal-marġni, irriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data u ta’ kalkoli pprovduti mir-rikorrenti stess bi tweġiba għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni jidher għalhekk, b’mod partikolari, fil-premessi 910, 945, 963 u 984 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-premessi 946 (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1405) u 1000 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-adozzjoni tagħha, l-aġġornament tal-kalkoli ta’ kompressjoni tal-marġni pprovduti mir-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti (punt 21 iktar ’il fuq).

189

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni bidlet il-prinċipji, il-metodi u d-data għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tas-SMIT, mingħajr ma semgħet lir-rikorrenti dwar dan il-punt, mill-eżami tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet ebda oġġezzjoni ġdida fid-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tagħha tal-kompressjoni tal-marġni. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ dokumenti l-Kummissjoni kkunsidrat li kompetitur daqstant effikaċi li juża l-aċċess għan-netwerk lokali fis-suq bl-ingrossa tar-rikorrenti ser ikollu marġni negattivi sostanzjali jekk huwa joffri l-portafoll ta’ servizzi broadband tar-rikorrenti permezz tan-netwerk lokali (punt 1203 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-premessa 1023 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iż-żewġ dokumenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan jibqa’ jgħodd anki kieku ttieħdu inkunsiderazzjoni servizzi supplimentari ta’ portafoll downstream, jiġifieri s-servizzi bil-vuċi, is-servizzi tat-televiżjoni bl-internet (IPTV) u s-servizzi multi-play (punt 1222 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-premessa 1023 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-perijodu ta’ ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni huwa iqsar fid-deċiżjoni kkontestata minn dak ikkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, fiż-żewġ dokumenti, id-data tal-bidu tal-ksur kienet it‑12 ta’ Awwissu 2005. Madankollu, id-data tat-tmiem tal-ksur kienet it‑8 ta’ Mejju 2012 fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 1546 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) u ġiet stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2010 fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1516 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, fir-rigward tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġni, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fiż-żewġ dokumenti, fuq is-SMIT. Għalhekk, kemm fil-punti 996 sa 1002 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fil-premessi 860 u 861 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-prinċipji gwida għall-kalkolu tal-ispejjeż abbażi tas-SMIT.

190

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-marġni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni applikat l-istess metodu fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tabelli 48 u 78 sa 80 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u t-tabelli 21 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw it-tariffi bl-ingrossa għall-aċċess għan-netwerk lokali. Hemm lok li jiġi kkonstatat li madankollu fil-premessi 935 sa 938 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu ħadet ħsieb li tispjega r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li teżisti differenza bejn iċ-ċifri kkomunikati mir-rikorrenti u ċ-ċifri ppreżentati fil-kalkoli li hija wettqet. It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li t-tabella 81 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkorrispondi għat-tabella 25 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li t-tnejn jindikaw l-ispejjeż tan-netwerk. Din it-tabella 25 hija bbażata fuq id-data pprovduta fit-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tabella 82 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkorrispondi għat-tabella 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika l-ispejjeż rikorrenti ISP (internet service provider). Il-kalkoli ta’ dawn l-ispejjeż huma bbażati fuq id-data pprovduta mir-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-premessi 964 u 697 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni twieġeb għall-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ippreżentati fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ir-raba’ nett, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tabella 83 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u t-tabella 27 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw l-ispejjeż ta’ installazzjoni tan-netwerk lokali u huma identiċi. Il-ħames nett, kemm it-tabella 86 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll it-tabelli 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw id-deprezzament tal-ispejjeż tal-akkwist tal-abbonati, billi t-tabella 29 tieħu inkunsiderazzjoni perijodu ta’ deprezzament ta’ tliet snin u t-tabella 30 perijodu ta’ deprezzament erba’ snin, skont il-proposta tar-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Is-sitt nett, għandu jiġi kkonstatat li t-tabella 87 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija identika għat-tabella 31 tad-deċiżjoni kkontestata dwar id-dħul mis-servizzi Aċċess DSL u Internet DSL magħquda mir-rikorrenti. Is-seba’ nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-riżultati tal-kalkoli tal-kompressjoni tal-marġni huma esposti fit-tabella 88 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fit-tabelli 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata, bit-tabella 32 ibbażata fuq id-deprezzament fuq tliet snin u t-tabella 33 fuq id-deprezzament fuq erba’ snin.

191

Għaldaqstant, il-metodu u l-prinċipji li l-Kummissjoni applikat sabiex teżamina l-marġni tar-rikorrenti kienu, essenzjalment, identiċi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, l-ilment imressaq mir-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni bidlet dawn il-metodi u dawn il-prinċipji qabel adottat id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma semgħet lir-rikorrenti dwar dan il-punt, għandu jiġi miċħud.

192

Għal dak li jirrigwarda d-data li fuqha huma bbażati l-kalkoli tal-marġni, kif ġie spjegat fil-premessi 875 sa 877 tad-deċiżjoni kkontestata, ċertament, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dawn il-kalkoli kienu bbażati fuq it-tabelli “UCN” li jirriflettu l-ispejjeż interament allokati (fully allocated costs). Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi 885 sa 894 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aċċettat l-aġġustamenti magħmula mir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-kontabbiltà tal-ispejjeż attwali. Għalhekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti proposti f’dan ir-rigward mir-rikorrenti u bidlet l-ispejjeż tal-attivi tan-netwerk, sabiex dawn jikkostitwixxu stima iktar preċiża tal-ispejjeż sostnuti minn kompetitur daqstant effikaċi. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni kien intiż preċiżament sabiex jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 183 iktar ’il fuq u għalhekk id-dritt tal-partijiet li jinstemgħu matul il-proċedura amministrattiva jeħtieġ biss li jingħataw mill-ġdid possibbiltà li tkun magħrufa l-perspettiva tagħhom dwar il-kalkoli tal-marġni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

193

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel parti dwar l-iżbalji proċedurali fir-rigward tal-kalkolu tas-SMIT tiġi miċħuda.

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-impossibbiltà li matul il-proċedura amministrattiva tieħu pożizzjoni dwar l-approċċ tal-kalkolu li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni

194

Ir-rikorrenti tenfasizza li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni applikat metodu li jikkonsisti fl-ispejjeż ta’ sena, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-marġni pożittiv ikkonstatat matul l-2005, filwaqt li fid-deċiżjoni kkontestata, l-approċċ meħud kien dak tal-eżami li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali). Billi ma tatx il-possibbiltà lir-rikorrenti tippreżenta osservazzjonijiet dwar dan l-approċċ, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. Ir-rikorrenti tqis li għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, mit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax jiġi dedott li hija stess ipproponiet l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali). Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti pproponiet il-metodu ta’ skont (jew “l-analiżi tal-flussi ta’ likwidità skontati”), li barra minn hekk kien ġie applikat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha C(2007) 3196 finali, tal‑4 ta’ Lulju 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (AT COMP/38.784 – Wanadoo España vs Telefónica). L-analiżi tal-flussi ta’ likwidità skontati hija ġġustifikata mit-tul tal-ħajja ta’ abbonament tal-klijent jew ta’ kuntratt.

195

Ir-rikorrenti targumenta li, barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi tal-flussi ta’ likwidità skontati, il-Kummissjoni ma kellhiex tibda l-evalwazzjoni fl-2005 u tispiċċaha fl-2010 sempliċement għaliex dan il-perijodu jikkorrispondi għal dak eżaminat fil-kuntest tal-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu”.

196

B’mod konkret, l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) meħud fid-deċiżjoni kkontestata jwassal sabiex jiġi kkonstatat marġni pożittiv għall-2005 u estenda l-perijodu tal-abbuż allegat meta mqabbel ma’ dak indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni injorat dan il-marġni pożittiv billi indikat, fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata, li dħul matul erba’ xhur tal-2005 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dħul “fuq bażi fit-tul”. Il-bidla tal-approċċ bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata kellha l-effett ta’ trasformazzjoni, fuq sena, ta’ marġni pożittiv f’marġni negattiv, billi għażlet is-snin ta’ profittabbiltà ulterjuri u kkonkludiet li d-differenza aritmetika netta kienet globalment negattiva. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) tagħmilha impossibbli li impriża dominanti tipprevedi r-riżultat tal-applikazzjoni ta’ tali approċċ. Barra minn hekk, l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) iwassal ukoll għall-arbitrarjetà, peress li perijodu wieħed jew iktar jista’ jkollhom simultanjament marġni pożittivi u negattivi, skont is-snin ikkunsidrati fil-kuntest ta’ dan l-approċċ.

197

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

198

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega essenzjalment li l-Kummissjoni użat l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) sabiex testendi l-perijodu ta’ ksur espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li tali approċċ ma kienx previst fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, billi ma tagħthiex il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-approċċ.

199

Hemm lok li jiġi enfasizzat li fil-punt 1012 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat inizjalment l-intenzjoni tagħha li tieħu l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena) għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-marġni tar-rikorrenti. Għalhekk, il-kalkoli ta’ kompressjoni tal-marġni li jinsabu fil-punti 1175 sa 1222 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet twettqu sena b’sena matul il-perijodu inkwistjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tevalwa l-eventwali kompressjoni tal-marġni, il-Kummissjoni adottat l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena) li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-profitti u tat-telf magħmul matul perijodi ekwivalenti għal sena (premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi kkonstatat li s-sommarju tar-riżultati tal-analiżi jinsab fil-premessi 1007 sa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnu jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena).

200

Madankollu, fil-punt 1281 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kkontestat l-użu esklużiv tal-metodu “perijodu b’perijodu” (sena b’sena), li kien użat mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, ir-rikorrenti targumenta essenzjalment li, fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, l-operaturi jistudjaw il-kapaċità tagħhom li jiksbu dħul raġonevoli fuq perijodu itwal minn sena. Hija ssuġġerixxiet ukoll, b’mod partikolari, li l-eżami ta’ kompressjoni tal-marġni tkun kompluta b’analiżi ta’ varji perijodi, li fihom il-marġni totali jkun evalwat fuq diversi snin.

201

Issa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża wkoll, b’mod supplimentari, kif jirriżulta mill-premessa 859 tad-deċiżjoni kkontestata, approċċ fuq varji perijodi (multiannwali) sabiex tieħu inkunsiderazzjoni din l-oġġezzjoni u sabiex tistabbilixxi jekk dan l-approċċ jibdilx il-konklużjoni tagħha li skontha t-tariffi pprattikati mir-rikorrenti fuq operaturi alternattivi għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha jwasslu għal kompressjoni tal-marġni matul l-2005 sal‑2010.

202

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami addizzjonali, li r-riżultat tiegħu jinsab fil-premessi 1013 u 1014 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat marġni totali negattiv għal dak li jirrigwarda kull portafoll ta’ servizzi, minn naħa, għall-perijodu kompriż bejn l-2005 sal-2010 (tabella 39 fil-premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata), u min-naħa l-oħra, għall-perijodu kompriż bejn l-2005 sal‑2008 (tabella 40 fil-premessa 1014 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 1015 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeduċiet li l-analiżi fuq varji perijodi ma tibdilx il-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni li tirriżulta minn analiżi “perijodu b’perijodu”.

203

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li sabiex jiġu stabbiliti l-marġni tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi li tirrigwarda varji perijodi (multiannwali) segwiet l-oġġezzjoni tar-rikorrenti, magħmula fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-marġni “perijodu b’perijodu” (sena b’sena). Min-naħa l-oħra, l-analiżi fuq varji perijodi (multiannwali) tal-marġni għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tar-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, kellha l-għan li tiżdied mal-analiżi perijodu b’perijodu (sena b’sena). Barra minn hekk, l-analiżi addizzjonali b’varji perijodi (multiannwali) wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma l-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-broadband internet bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010.

204

Għalhekk, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, l-analiżi fuq varji perijodi (multiannwali) ma kellhiex il-konsegwenza li jiġu kkunsidrati fatti bi preġudizzju għar-rikorrenti, li dwarhom din tal-aħħar ma kellhiex l-okkażjoni tispjega ruħha matul il-proċedura amministrattiva, billi bidlet in-natura tal-oġġezzjonijiet sostnuti kontra tagħha, iżda sempliċement wettqet analiżi addizzjonali tal-kompressjoni tal-marġni li tirriżulta mit-tariffi pprattikati mir-rikorrenti għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha, fid-dawl ta’ oġġezzjoni magħmula mir-rikorrenti b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

205

Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-Kummissjoni użat l-analiżi li tirrigwarda varji perijodi (multiannwali) sabiex tistabbilixxi l-perijodu tal-ksur u tissostitwixxi marġni negattiv għas-sena 2005 minflok marġni preċedentement pożittiv, għandu jiġi rrilevat li fit-tmiem tal-analiżi perijodu b’perijodu (sena b’sena), il-Kummissjoni kienet diġà wasslet għall-konklużjoni li kompetitur effikaċi daqs ir-rikorrenti ma setax, bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010, jirriproduċi b’mod vijabbli l-portafoll bl-imnut tar-rikorrenti inkluż is-servizzi broadband (premessa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari mill-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ marġni pożittiv bejn Awwissu u Diċembru 2005 ma ostakolatx l-inklużjoni ta’ dan il-perijodu fil-perijodu tal-ksur taħt il-forma ta’ kompressjoni tal-marġni, ladarba l-operaturi jikkunsidraw il-kapaċità tagħhom li jiksbu rendita fuq perijodu itwal. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni stabbilixxiet it-tul tal-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni abbażi tal-approċċ perijodu b’perijodu (sena b’sena) u l-approċċ b’varji perijodi (multiannwali) intuża biss b’mod supplimentari. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li fir-realtà, dan l-argument huwa intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-imsemmi approċċ u għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li tqajjem b’mod validu insostenn ta’ allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fir-realtà, dan l-ilment jirrigwarda nuqqas ta’ qbil mal-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex waslet għall-konstatazzjoni ta’ kompressjoni tal-marġni għall-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2005.

206

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-metodu tal-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni applikat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-eżami addizzjonali ma jikkorrispondix għall-metodu propost mir-rikorrenti fit-tweġiba risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u allegatament ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, mill-punti 1498 sa 1500 jirriżulta li r-rikorrenti pproponiet li jiġu eżaminati l-“profitti kumulattivi” fuq perijodu ta’ bejn l‑2005 u l‑2008. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-analiżi fuq varji perijodi (multiannwali) propost mir-rikorrenti kien differenti mill-analiżi retrospettiva tal-flussi ta’ likwidità skontati, li kienet ibbażata fuq data tad-dħul u metodoloġija differenti (premessa 858 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija ħadet nota tas-suġġeriment tar-rikorrenti dwar analiżi li tirrigwarda varji perijodi (multiannwali), meta b’mod addizzjonali, wettqet eżami li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali), u analizzat, fil-premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata (tabella 39) il-profitti kumulattivi għal perijodu bejn l-2005 u l-2010, kif ukoll, fil-premessa 1014 ta’ din id-deċiżjoni (tabella 40), il-profitti kumulattivi għal perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2008.

207

Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 183 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rispett tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ kien jimponi biss li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kritika li tirrigwarda l-metodu tal-kalkolu tal-marġni magħmula mir-rikorrenti fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Mill-banda l-oħra, dan id-dritt bl-ebda mod ma jimplika li l-Kummissjoni għandha neċessarjament tasal għar-riżultat mixtieq mir-rikorrenti meta ssottomettiet din il-kritika, jiġifieri l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kull kompressjoni tal-marġni bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010.

208

Finalment, fir-rigward tad-dokument li jirriproduċi l-kalkoli tal-marġni trażmess mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa dwar l-istat tal-kwistjoni fis‑16 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment, minn naħa, li dan id-dokument kien ġie ppreżentat lilha tard, peress li l-Kummissjoni kienet ħabbret li d-deċiżjoni kkontestata kienet qed tiġi ppreparata, u min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ħasset l-obbligu li tiżvela l-kalkoli tal-marġni tagħha qabel tindirizza d-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti.

209

Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 183 u 199 sa 204 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tiżvela l-kalkoli finali tagħha tal-marġni qabel tindirizza d-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-fatt li kienet organizzat “laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali” dwar l-istat tal-kwistjoni ma jxekkilx din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, kif argumentat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, dawn il-laqgħat huma organizzati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni bil-għan ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza u sabiex tinformahom bl-istat ta’ avvanz tal-proċedura. Madankollu, dawn il-“laqgħat dwar is-sitwazzjoni attwali” huma distinti minn u jikkompletaw il-laqgħat formali imposti mir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004. Għalhekk, il-fatt li organizzat laqgħa dwar l-istat tal-kwistjoni fis‑16 ta’ Settembru 2014 ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet obbligata tħalli lir-rikorrenti tippreżenta, f’din l-okkażjoni, l-osservazzjonijiet tagħha għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-marġni, u dan iktar u iktar meta r-rikorrenti kienet ġiet informata bl-elementi rilevanti kollha tal-kalkolu tal-marġni magħmul mill-Kummissjoni u ngħatat il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

210

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv hija infondata u dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa fil-konstatazzjoni tal-kompressjoni tal-marġni

211

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kkonstatatx b’mod konkret il-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni. Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni proposti mir-rikorrenti fil-kalkolu tas-SMIT. It-tieni parti hija bbażata fuq l-iżball ta’ kalkolu magħmul mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompressjoni tal-marġni, minħabba l-konsolidazzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż fuq il-perijodu kollu ta’ ksur, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni fil-kalkolu tas-SMIT

212

Insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fil-premessi 895 u 903 tad-deċiżjoni kkontestata ma aċċettatx l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni li r-rikorrenti pproponiet sabiex tiġi kkalkolata l-kompressjoni tal-marġni. L-inklużjoni ta’ dawn l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni kien ikollha l-effett li tnaqqas l-ispejjeż upstream użati fil-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni. Għalhekk, huma żbaljati l-ġustifikazzjonijiet dwar din iċ-ċaħda li l-Kummissjoni tat fil-premessi 894, 900 sa 902 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, il-Kummissjoni ssopravalutat l-ispejjeż reali downstream tar-rikorrenti, u għalhekk dan kellu konsegwenzi importanti fuq il-konklużjonijiet dwar il-kompressjoni tal-marġni, peress li ma kien hemm ebda kompressjoni tal-marġni fl-2005 u fl-2007.

213

Skont ir-rikorrenti, il-proposti tagħha ma kinux aġġustamenti supplimentari, iżda kienu jirrigwardaw il-kalkolu tagħha tas-SMIT. L-approċċ tal-Kummissjoni kien inkoerenti. Fil-fatt, minn naħa hija aċċettat il-kontabbiltà tal-ispejjeż attwali, u min-naħa l-oħra, ċaħdet l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, li huma konformi mal-kalkoli tas-SMIT. Għal dak li jirrigwarda l-aġġustamenti tal-ispejjeż tan-netwerk, ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn l-aġġustamenti, li huma indispensabbli sabiex jitqies is-SMIT, jieħdu inkunsiderazzjoni ċertu livell ta’ kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-rekwiżiti ta’ servizzi broadband bl-imnut.

214

Dan l-approċċ huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza. Abbażi tas-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), u tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101), ir-rikorrenti fakkret li, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun għaqli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ kompetituri pjuttost milli dawk tal-impriża f’pożizzjoni dominanti. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li r-rikorrenti ma tistax tipprovdi faċilment data sabiex tistabbilixxi s-SMIT.

215

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument tar-rikorrenti.

216

Ir-rikorrenti tallega essenzjalment li l-Kummissjoni wettqet żball fil-kalkolu tas-SMIT, billi fil-premessi 895 sa 903 tad-deċiżjoni kkontestata rrifjutat li taġġusta dan il-kalkolu għal-livell tal-ispejjeż li kienu sostnuti minn operatur effikaċi li jibni netwerk ottimu addattat sabiex jissodisfa d-domanda attwali u futura abbażi ta’ informazzjoni disponibbli fil-mumenti tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

217

Għalhekk, kif indikat fil-punt 186 iktar ’il fuq, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, abbażi tar-rapport ta’ konsulenza, ir-rikorrenti pproponiet metodu bbażat fuq il-kontabbiltà tal-ispejjeż attwali, permezz tal-istima tal-ispejjeż downstream għall-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2010 abbażi ta’ data li tibda mill-2011 (premessa 881 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, f’din it-tweġiba r-rikorrenti sostniet li waqt il-kalkolu tas-SMIT għandhom, minn naħa, jiġu evalwati mill-ġdid l-attivi, u min-naħa l-oħra, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ineffiċjenzi tan-netwerk tagħha għall-provvista tal-broadband. B’mod partikolari, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ineffiċjenzi, ir-rikorrenti pproponiet l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni deskritti fil-punt 186 iktar ’il fuq.

218

Għalhekk, fil-kalkoli tagħha tas-SMIT, ir-rikorrenti aġġustat l-ispiża tal-kapital tal-attivi kif ukoll il-valur ta’ deprezzament tiegħu matul l-2005 sal-2010, kif ukoll l-ispejjeż tal-operat tal-imsemmija attivi, billi bbażat ruħha fuq il-fattur ta’ aġġustament medju kkalkolat mill-awtur tar-rapport ta’ konsulenza għall-2011 (premessa 897 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti targumenta li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni ssuġġeriti jirriflettu l-kapaċità ta’ riżerva identifikata fl-elementi tal-imsemmi netwerk, jiġifieri l-attivi li tneħħew minn dan tal-aħħar għax ma kinux is-suġġett ta’ użu produttiv, iżda li kien għadhom ma nbigħux minn dan l-operatur (premessa 898 tad-deċiżjoni kkontestata).

219

Madankollu l-Kummissjoni rrifjutat li twettaq dawn l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

220

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tiegħu, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 900 tad-deċiżjoni kkontestata, li tali sostituzzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata peress li din twassal għall-aġġustament tal-ispejjeż mingħajr aġġustament xieraq tad-deprezzamenti. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-premessi 889 sa 893 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom esponiet dubji dwar l-aġġustament kif kien propost mir-rikorrenti, tal-ispejjeż tal-attivi għall-perijodu ta’ bejn l-2005 u l 2010. Barra minn hekk, fil-premessa 901 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li tali sostituzzjoni tal-attivi eżistenti ma kienx konformi mal-kriterju ta’ kompetitur daqstant effikaċi. Fil-fatt, il-ġurisprudenza kienet ikkonfermat li n-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji ta’ operatur dominanti hija fil-prinċipju ddeterminata fid-dawl tas-sitwazzjoni tiegħu stess. Issa, f’dan il-każ, l-aġġustament tas-SMIT issuġġerit mir-rikorrenti kien ibbażat fuq attivi ipotetiċi u mhux fuq l-istess attivi miżmuma minn dan l-operatur.

221

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità eċċessiva tan-netwerks abbażi tal-kapaċità “attwalment” użata, il-Kummissjoni rrilevat essenzjalment, fil-premessa 902 tad-deċiżjoni kkontestata, li peress li l-investimenti huma bbażati fuq previżjoni tad-domanda, huwa inevitabbli li fil-kuntest ta’ eżami retrospettiv, kultant ċerti kapaċitajiet jibqgħu ma jintużawx.

222

Ebda wieħed mill-ilmenti magħmula mir-rikorrenti kontra din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ma jista’ jintlaqa’.

223

L-ewwel nett, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċaħda ta’ aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni tas-SMIT, u min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni, fil-premessa 894 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi li hija pproponiet. Ir-rikorrenti lanqas tista’ targumenta li l-Kummissjoni kellha taċċetta l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni li hija pproponiet għar-raġuni li, bħall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi, il-Kummissjoni ma għandhiex spejjeż storiċi affidabbli għal dak li jirrigwarda l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni.

224

Fil-fatt, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi kienet ibbażata fuq l-attivi li r-rikorrenti kellha fl-2011. Għal dak li jirrigwarda din l-evalwazzjoni mill-ġdid u kif jirriżulta mill-premessi 885 sa 894 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li hija ma għandhiex data li tirrifletti bl-aħjar mod l-ispejjeż tal-attivi broadband sostnuti mir-rikorrenti fil-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2010. Għal din ir-raġuni, fl-analiżi tal-kompressjoni tal-marġni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni inkludiet l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi eżistenti tar-rikorrenti proposta minn din tal-aħħar. Madankollu, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-imsemmija evalwazzjoni mill-ġdid tista’ twassal għal sottovalutazzjoni tal-ispejjeż tal-attivi downstream.

225

Skont tqabbil, kif jirriżulta mill-premessa 895 tad-deċiżjoni kkontestata, l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni proposti mir-rikorrenti jikkonsistu fil-korrezzjoni tal-attivi fil-livell approssimattiv ta’ operatur effikaċi li jibni netwerk ottimu addattat sabiex jissodisfa domanda futura bbażata fuq l-informazzjoni “tal-lum” u l-previżjonijiet tad-domanda. Dawn l-aġġustamenti kienu bbażati fuq prospett kif ukoll fuq mudell ta’ netwerk ottimu u mhux fuq stima li tirrifletti l-ispejjeż sostnuti tal-attivi eżistenti tar-rikorrenti.

226

Isegwi li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, b’mod ġenerali, u s-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tagħhom, b’mod partikolari, kellhom għan differenti mill-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attiv proposta mir-rikorrenti. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi eżistenti propost mir-rikorrenti, minħabba l-assenza ta’ data iktar affidabbli dwar is-SMIT ta’ dan l-operatur, bl-ebda mod ma kien jippreżumi li l-Kummissjoni neċessarjament taċċetta l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni tas-SMIT. Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ittrattat b’mod differenti, minn naħa, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti iktar moderni tagħhom, u min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi proposta mir-rikorrenti.

227

It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta hija tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 901 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni jwasslu sabiex is-SMIT jiġu kkalkolati abbażi tal-attivi ta’ kompetitur ipotetiku u mhux fuq l-attivi tagħha stess.

228

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandha, fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, tippreżumi li, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 190; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑271/03, EU:T:2008:101, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata).

229

B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk, konformement mal-kriterji ta’ kompetitur daqstant effikaċi imfakkar fil-punt 108 iktar ’il fuq, din l-impriża kinitx suffiċjentement effikaċi sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji (sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 201; tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 42, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 191).

230

Tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat billi huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-impriża dominanti jippermettilha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, skont ir-responsabbiltà partikolari li hija għandha taħt l-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha (sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 202; tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 44, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 192).

231

Fil-punti 45 u 46 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ippreċiżat li ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri jistgħu jkunu rilevanti fl-eżami tal-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni. Madankollu minn dik is-sentenza jirriżulta li huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għall-prezzijiet u għall-ispejjeż tal-impriża dominanti, li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq, li ma ġiex sostnut mir-rikorrenti f’dan il-każ (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 193).

232

F’dan il-każ, minn naħa, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti modern tiegħu hija intiża għall-aġġustament tal-ispejjeż tal-attivi billi jiġi kkunsidrat il-valur tal-attivi “attwali”, mingħajr madankollu ma jsiru aġġustamenti xierqa tad-deprezzamenti (premessa 900 tad-deċiżjoni kkontestata). Din is-sostituzzjoni wasslet sabiex il-kompressjoni tal-marġni tiġi kkalkolata abbażi ta’ attivi ipotetiċi, jiġifieri attivi li ma jikkorrispondux għal dak li kellha r-rikorrenti. L-ispejjeż marbuta mal-attivi tar-rikorrenti kienu għalhekk issottovalutati (premessi 893 u 900). Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità eċċessiva tan-netwerks abbażi tal-kapaċità “attwalment” użata rriżulta fl-esklużjoni tal-attivi tar-rikorrenti li ma jintużax b’mod produttiv (ara l-punt 218 iktar ’il fuq).

233

Għalhekk, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 228 sa 231 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi mingħajr ma twettaq żball li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni tas-SMIT proposti mir-rikorrenti kienu jwasslu, waqt il-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni, għall-esklużjoni ta’ spejjeż sostnuti minn dan l-operatur stess bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010.

234

Finalment, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju li l-eżami ta’ kompressjoni tal-marġni għandu jkun ibbażat fuq kompetitur effikaċi, meta rrilevat essenzjalment li kien inevitabbli li kultant ċerti kapaċitajiet jibqgħu ma jintużawx (premessa 902 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, mill-prinċipji mfakkra fil-punti 230 u 231 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni jikkonsisti, essenzjalment, fl-evalwazzjoni dwar jekk kompetitur effikaċi daqs l-operatur dominanti jistax joffri s-servizzi kkonċernati lill-klijenti finali mingħajr telf. Għalhekk, tali eżami ma jsirx b’riferiment għal operatur perfettament effikaċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-epoka ta’ tali prattika. Issa, kieku l-Kummissjoni aċċettat l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni marbuta mal-kapaċitajiet eċċessivi, il-kalkoli tas-SMIT tar-rikorrenti kienu jirriflettu l-ispejjeż marbuta ma’ netwerk ottimu korrispondenti għad-domanda u ma jkunux affettwati bl-ineffiċjenzi tan-netwerk ta’ dan l-operatur, jiġifieri l-ispejjeż ta’ kompetitur effikaċi iktar mir-rikorrenti. Għalhekk, f’dan il-każ, minkejja li huwa paċifiku li parti mill-attivi rilevanti tar-rikorrenti baqgħet ma ntużatx bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta inkludiet l-imsemmija parti tal-attivi, fi kliem ieħor il-kapaċità eċċessiva, fil-kalkolu tas-SMIT.

235

Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ċaħdet l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni u bbażat l-analiżi tagħha dwar in-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji tar-rikorrenti, b’mod partikolari, fuq riferiment għall-ispejjeż tagħha.

236

It-tielet nett, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta r-rikorrenti, il-fatt li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni ġew miċħuda ma jmurx kontra l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), u tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101), li skonthom jista’ jkun għaqli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ kompetituri pjuttost milli dawk tal-impriża f’pożizzjoni dominanti.

237

Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom (T‑271/03, EU:T:2008:101, punt 210), l-ispejjeż ta’ xoljiment inkwistjoni kienu jikkonsistu f’tariffi bl-ingrossa mitluba mill-impriża dominanti lill-kompetitur tagħha u li jagħmlu parti mill-ispejjeż totali sostnuti minn dan il-kompetitur. Dawn l-ispejjeż għandhom għalhekk jiġu inklużi fil-kalkolu tal-ispejjeż ta’ kompetitur daqstant effikaċi. Issa l-imsemmija spejjeż huma differenti minn prospett kif ukoll minn mudell ta’ netwerk ottimu, li ma jirriflettux l-ispejjeż tal-attivi eżistenti sostnuti mir-rikorrenti (ara l-punt 225 iktar ’il fuq).

238

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), kif tfakkar fil-punti 230 u 231 iktar ’il fuq, minn dik is-sentenza jirriżulta li huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawn il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti, li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li l-ispejjeż tal-attivi tar-rikorrenti jistgħu, abbażi ta’ evalwazzjoni mill-ġdid posterjuri, jiġu stabbiliti u jikkostitwixxu indikatur għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ kompetitur daqstant effikaċi.

239

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-iżball ta’ kalkolu għal dak li jirrigwarda l-kompressjoni tal-marġni, minħabba l-konsolidazzjoni ta’ dħul u ta’ spejjeż fuq il-perijodu inkwistjoni kollu, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

240

Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni użat l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (approċċ multiannwali, espost fil-premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni adottat dan l-approċċ, li ma jeżistix fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex tibdel il-marġni pożittivi f’marġni negattivi. Fil-fatt, hija kienet kisbet marġni pożittivi, matul il-proċedura amministrattiva, billi adottat l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena). Madankollu, billi użat l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali), il-Kummissjoni riedet testendi l-perijodu tal-ksur. B’mod partikolari, l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena) wassal għall-konstatazzjoni ta’ marġni negattivi għal kull sena matul il-perijodu bejn l-2005 u l-2010. Il-marġni negattiv tal-2005, ikkonstatat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kien madankollu, mibdul f’marġni pożittiv fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, bl-applikazzjoni tal-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena), fir-realtà ma kienx hemm prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni matul l-2005. Billi bbażat ruħha fuq eżempju ċifrat, ir-rikorrenti kkonkludiet li skont l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) użat mill-Kummissjoni, kompressjoni tal-marġni setgħet tiġi identifikata fuq il-perijodu kollu, filwaqt li dan ma huwiex il-każ meta kull sena tiġi kkonsolidata.

241

Għalhekk, l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) ikun arbitrarju u jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-perijodu tal-ksur jiddependi biss fuq il-perijodu li matulu l-marġni huma akkumulati u pparagunati.

242

Ir-rikorrenti tqis li kieku dawn l-iżbalji ġew ikkoreġuti, ma kienx ikun hemm bażi sabiex tiġi kkonstatata l-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni u l-Kummissjoni ma kinitx tkun issodisfat l-obbligu tagħha li tipprova l-ksur. L-Anness A.21 tar-rikors juri l-preżenza ta’ nuqqas materjali fl-analiżi tal-ispejjeż u tad-dħul magħmula mill-Kummissjoni.

243

L-argument tal-Kummissjoni li prattika twassal għall-kompressjoni tal-marġni tista’ tiġi kkonstatata, minkejja l-eżistenza ta’ marġni pożittiv, imur kontra l-ġurisprudenza, peress li l-kriterju legali, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa dak dwar jekk l-impriża nnifisha, jew impriża daqstant effettiva, kinitx f’pożizzjoni li toffri s-servizzi tagħha lill-abbonati mingħajr telf. Il-marġni pożittiv ma jwassalx neċessarjament għal abbuż. Il-kundizzjoni sine qua non tal-istabbiliment ta’ prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni abbużiva hija l-eżistenza ta’ marġni negattiv ta’ kompetitur daqstant effikaċi, li ma ntweriex f’din il-kawża għall-2005.

244

Barra minn hekk, hija skorretta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) kien propost mir-rikorrenti, ladarba fir-realtà hija kienet issuġġerixxiet il-metodu ta’ skont msemmi fil-punt 194 iktar ’il fuq.

245

Il-Kummissjoni tinnota, fl-ewwel lok, li mill-premessi 997 u 998 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena) ippermetta li jiġi pprovat li kompetitur daqstant effettiv li juża, fis-suq bl-ingrossa, l-aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrenti kellu marġni negattivi u ma setax jirriproduċi b’mod vijabbli l-portafoll tal-broadband bl-imnut tar-rikorrenti. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-marġni kien pożittiv fl-aħħar erba’ xhur tal‑2005. Kien biss wara li waslet għal din il-konklużjoni li l-Kummissjoni saħħet l-analiżi tagħha permezz tal-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali). Fir-rigward tal-argumenti dwar il-fondatezza ta’ dan l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali), il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-argumenti li hija għamlet fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv.

246

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni targumenta li mis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 7475), jirriżulta li kompressjoni abbużiva tista’ teżisti anki jekk il-marġni jibqgħu pożittivi, fil-każ fejn il-prattiki tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jagħmlu mill-inqas iktar diffiċli għall-operaturi kkonċernati l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fis-suq ikkonċernat, minħabba pereżempju, profittabbiltà artifiċjalment imnaqqsa, meta dawn il-prattiki ma jkunux iġġustifikati fuq il-pjan ekonomiku. Konsegwentement, il-fatt li l-marġni kien pożittiv fl-aħħar erba’ xhur tal-2005 ma jfissirx awtomatikament li l-aġir tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix abbuż matul dak il-perijodu. Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni, tali aġir jikkostitwixxi abbuż jekk il-politika tariffarja tar-rikorrenti seta’ jkollha effett ta’ esklużjoni, għall-kompetituri li huma mill-inqas effikaċi daqsha, billi tagħmel iktar diffiċli, jew anki impossibbli, l-aċċess għas-suq ikkonċernat għal dawn il-kompetituri. Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti, għandu jsir riferiment għall-istrateġija tagħha li f’dan il-każ turi li r-rikorrenti kienet taf li hija ffissat prezzijiet iktar għola mid-dħul medju tagħha, għall-aċċess bl-ingrossa, fuq livell tan-netwerk lokali, u li hija setgħet tipprattika l-kompressjoni tal-marġni.

247

Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-kritika li tirrigwarda l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali), il-Kummissjoni ssostni l-argumenti tagħha li l-perijodu tal-ksur kien diġà ddeterminat bl-applikazzjoni tal-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu”. Fil-fatt, abbażi ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-perijodu ta’ ksur beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005. Il-perijodu adottat għall-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) kien iddeterminat mill-perijodu tal-ksur li kien diġà ġie stabbilit fil-kuntest tal-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta li filwaqt li hija sensittiva għad-dgħjufijiet tal-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali), dan ġie propost mir-rikorrenti, fil-punti 1388 u 1389 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

248

Finalment, it-teżi tar-rikorrenti li l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) jista’ jkun ibbażat fuq it-tul tal-abbonament ta’ klijent jew ta’ kuntratt ma għandha ebda bażi fil-ġurisprudenza, peress li fil-kawża Telefónica, bħal f’dan il-każ, l-analiżi li tirrigwarda varji perijodi (multiannwali) kienet tirrigwarda madwar ħames snin, korrispondenti kemm għat-tul tal-ksur kif ukoll dak tal-ħajja tal-attivi kkonċernati.

249

L-intervenjenti tenfasizza li l-approċċ tal-Kummissjoni, meta hija kkalkolat il-kompressjoni tal-marġni, kien prudenti u favorevoli għar-rikorrenti peress li, sabiex tevita premessi purament ipotetiċi dwar l-ispejjeż, hija ma inkludietx fis-SMIT l-ispejjeż ta’ kollokazzjoni, li għall-operaturi alternattivi jikkostitwixxu ammont mhux magħruf u, għar-rikorrenti, parti sinjifikattiva mill-ispejjeż marbuta man-netwerk lokali.

250

Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika essenzjalment lill-Kummissjoni li applikat l-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali) bil-għan biss li testendi l-perijodu tal-ksur għall-aħħar erba’ xhur tal-2005, li matulhom, skont l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena), kien jeżisti marġni pożittiv. B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni matul l-2005 u kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

251

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet, billi bbażat ruħha fuq l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena) li r-rikorrenti bdiet prattiki ta’ kompressjoni tal-marġni sa mit‑12 ta’ Awwissu 2005. Fil-fatt, mill-premessa 997 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li abbażi ta’ analiżi li tirrigwarda kull sena matul il-perijodu inkwistjoni, kompetitur daqstant effikaċi li juża l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerk lokali tar-rikorrenti kellu marġni negattivi u ma setax jirriproduċi b’mod vijabbli l-portafoll broadband bl-imnut tar-rikorrenti. Fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-fatt li kien hemm marġni pożittiv matul erba’ xhur fl-2005 ma jikkontestax din il-konklużjoni, peress li dħul matul erba’ xhur ma setax jiġi kkunsidrat bħala dħul fuq bażi fit-tul. Skont il-Kummissjoni, l-operaturi jikkunsidraw il-kapaċità tagħhom li jiksbu rendita raġonevoli fuq perijodu itwal, li jestendi fuq diversi snin (premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 1012 tal-imsemmija deċiżjoni, li matul il-perijodu mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal‑31 ta’ Diċembru 2010, kompetitur effikaċi daqs ir-rikorrenti ma setax jirriproduċi b’mod vijabbli l-portafoll bl-imnut ta’ dan l-operatur.

252

Madankollu, kif tfakkar fil-punt 228 iktar ’il fuq, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, hemm lok li bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha.

253

B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk din l-impriża kinitx suffiċjentement effikaċi sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji (ara l-punt 229 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

254

Tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat, minn naħa, peress li huwa konformi wkoll mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jippermettilha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha, fir-rigward tar-responsabbiltà partikolari li hija għandha taħt l-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha. Minn naħa, abbuż ta’ esklużjoni jaffettwa wkoll l-kompetituri potenzjali tal-impriża dominanti, li l-prospetti ta’ nuqqas ta’ profittabbiltà jistgħu jiddisswaduhom milli jidħlu fis-suq (ara l-punt 230 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

255

Minn dan jirriżulta li sabiex jiġu stabbiliti l-elementi li jikkostitwixxu l-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni, fil-premessa 828 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament sostniet il-kriterju ta’ kompetitur daqstant effikaċi, ibbażat fuq il-prova li l-impriża dominanti ma setgħetx teżerċita attivitajiet vijabbli downstream abbażi tal-prezz bl-ingrossa applikat għall-kompetituri downstream tagħha u tal-prezz bl-imnut applikat għall-parti downstream ta’ din l-impriża.

256

Issa, kif jirriżulta mit-tabelli 32 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni wasslet, fix-xenarji previsti kollha u kif din tal-aħħar stess aċċettat fil-premessa 998 tal-imsemmija deċiżjoni, għal marġni pożittiv għall-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005.

257

F’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sa fejn l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti tiffissa l-prezzijiet tagħha fuq livell li jkopri ħafna mill-ispejjeż imputabbli essenzjali għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, kompetitur daqstant effikaċi bħal din l-impriża bħala prinċipju jkollu l-possibbiltà li jikkompeti ma’ dawn il-prezzijiet mingħajr ma jsostni telf li ma jiflaħx għalih għal żmien twil (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 38).

258

Minn dan jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, kompetitur effikaċi daqs ir-rikorrenti kellu, bħala prinċipju, il-possibbiltà li jikkompeti magħha fis-suq bl-imnut ta’ servizzi broadband sa fejn jingħata lilu aċċess separat għan-netwerk lokali, u dan mingħajr telf li ma jiflaħx għalih fuq żmien twil.

259

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk marġni huwa pożittiv, ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tal-eżami tal-effett ta’ esklużjoni ta’ prattika tariffarja, turi li l-applikazzjoni tal-imsemmija prattika setgħet, pereżempju minħabba tnaqqis fil-profitti, tagħmel mill-inqas iktar diffiċli għall-operaturi kkonċernati l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fis-suq ikkonċernat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 74). Din il-ġurisprudenza tista’ tinqara flimkien mal‑Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedi li fil-proċeduri ta’ applikazzjoni kollha tal-Artikolu 102 TFUE, l-oneru tal-prova ta’ ksur ta’ dan l-artikolu huwa fuq il-parti jew l-awtorità li tallegah, jiġifieri, f’dan il-każ, fuq il-Kummissjoni.

260

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma wrietx li l-prattika tariffarja tar-rikorrenti, matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, kellha tali effetti ta’ esklużjoni. Issa, li tali effetti jintwerew hija meħtieġa b’mod iktar partikolari minħabba l-preżenza ta’ marġni pożittivi.

261

Id-dikjarazzjoni waħedha, fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi jikkunsidraw il-kapaċità tagħhom li jiksbu rendita raġonevoli fuq perijodu itwal, li jestendi fuq diversi snin, ma tistax tikkostitwixxi tali prova. Jekk jiġi preżunt li tiġi stabbilita tali ċirkustanza, din fil-fatt tkun ibbażata fuq eżami prospettiv ta’ profittabbiltà, neċessarjament b’mod aleatorju. Barra minn hekk, f’din il-kawża, l-imsemmija marġni pożittivi rriżultaw fil-bidu nett tal-perijodu inkwistjoni, f’epoka li fiha ebda marġni negattiv ma kien għadu jista’ jiġi kkonstatat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-raġuni mogħtija fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali mfakkar fil-punt 230 iktar ’il fuq, li skontu impriża dominanti għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-konformità tal-aġir tagħha mal-Artikolu 102 TFUE.

262

Għal din l-istess raġuni, il-konstatazzjoni ta’ marġni negattivi, bl-applikazzjoni tal-approċċ li jirrigwarda varji perijodi (multiannwali), ma tistax tikkontesta din l-evalwazzjoni, peress li f’dan il-każ, dan l-approċċ wassal għal din il-konstatazzjoni biss permezz ta’ kunsiderazzjoni tal-marġni pożittivi għall-2005 mal-marġni negattivi kkonstatati għall-2006 sal-2010 (premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata) u għall-2006 sa 2008 (premessa 1014 tad-deċiżjoni kkontestata) rispettivament.

263

Barra minn hekk, fil-premessa 1026 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ dokumenti ta’ April 2005 maħruġa mid-dipartiment regolatorju tar-rikorrenti u relatati ma’ strateġija ta’ ssuġġettar tal-offerta ta’ riferiment li tirrigwarda l-aċċess separat għan-netwerk lokali u l-prezzijiet tal-ULL, il-Kummissjoni kkunsidrat li din tal-aħħar kienet taf, sa mit‑12 ta’ Awwissu 2005, li l-prezzijiet bl-ingrossa fuq livell tan-netwerk lokali kienu jwasslu għal kompressjoni tal-marġni tal-operaturi alternattivi.

264

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, ikkunsidrata l-preżenza ta’ marġni pożittivi bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kienet suġġetta għal obbligu partikolari li jirrigwarda l-prova tal-effetti ta’ esklużjoni tal-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni allegata fil-konfront tar-rikorrenti matul dan il-perijodu (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 259 iktar ’il fuq).

265

B’hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni u d-dokumenti invokati insostenn tagħha ma huwiex suffiċjenti sabiex jipprovaw l-effett ta’ esklużjoni tal-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni allegata fil-konfront tar-rikorrenti, u pereżempju, tnaqqis fil-profittabbiltà, li jista’ jirrendi mill-inqas iktar diffiċli għall-operaturi kkonċernati l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fis-suq ikkonċernat.

266

Barra minn hekk, it-taqsimiet 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikati għall-effetti antikompetittivi tal-aġir tar-rikorrenti, ma jinkludu ebda eżami tal-effetti tal-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni allegata matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005.

267

Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ferm stabbilita li tipprevedi li l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punt 177, u tat‑12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, EU:T:2011:342, punt 58), għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li l-prattika li twassal għal kompressjoni tal-marġni mir-rikorrenti kienet bdiet qabel l‑1 ta’ Jannar 2006. Konsegwentement, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni dwar dan il-punt, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan l-approċċ jiksirx ukoll, kif issostni r-rikorrenti, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

268

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv invokat mir-rikorrenti għandha tiġi parzjalment milqugħa u l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jikkonstata li, matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti applikat tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effettiv li jibbaża ruħu fuq l-aċċess separat bl-ingrossa għan-netwerks lokali tar-rikorrenti jirriproduċi s-servizzi bl-imnut ipprovduti mir-rikorrenti mingħajr ma jsostni telf.

[omissis]

5. Fuq il-ħames motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

427

Permezz tal-ħames motiv tagħha, invokat sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni wettqet żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa dovuta mir-rikorrenti. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, meta l-Kummissjoni kkunsidrat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, id-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti relattiv għas-sena finanzjarja 2010. It-tieni parti hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mad-data tal-bidu tal-perijodu tal-ksur.

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, waqt it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti relattiv għas-sena finanzjarja 2010

428

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi b’konformità mal-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 qieset li l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-aħħar sena sħiħa tal-ksur, jiġifieri, b’mod partikolari d-dħul mill-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti matul l-2010 fis-suq tan-netwerks lokali li l-aċċess għalihom huwa separat u tan-netwerk fiss ta’ broadband.

429

B’hekk, il-Kummissjoni ma mxietx mal-prassi deċiżjonali tagħha stess, jiġifieri d-Deċiżjoni C (2011) 4378 final, tat‑22 ta’ Ġunju 2011, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE (Każ COMP/39.525 – Telekomunikazzjonijiet Pollakki, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki”). Fil-fatt, fil-premessa 896 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li għandha tintuża l-medja tal-bejgħ annwali, minn naħa minħabba ż-żieda qawwija ta’ bejgħ matul il-perijodu inkwistjoni fis-suq ikkonċernat, b’mod partikolari l-bejgħ bl-ingrossa, u min-naħa l-oħra minħabba l-fatt li s-suq kienu għadu fil-fażi ta’ żvilupp u għalhekk kiber b’rata ikbar mit-tkabbir normali ta’ suq fl-epoka tal-ksur. Din il-kunsiderazzjoni kellha tiġi applikata f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni ammettiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti żdied għal 133 % bejn l-2005 u l-2010. Għalhekk, abbażi ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti tqis li l-ammont bażiku tal-multa kellu jiġi kkalkolat abbażi tal-medja tal-ħames snin tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni.

430

Issa, il-fatt li bbażat ruħha fuq l-aħħar sena finanzjarja kellu l-effett, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni kellha tapplika għar-rikorrenti regoli iktar stretti minn dawk li hija applikat fid-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid li għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi, hija ma tistax taġixxi b’mod arbitrarju u inkoerenti.

431

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dan l-argument.

432

Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien ta’ dan il-ksur.

433

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal‑2006, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE” u li għal dan il-għan hija “normalment tikkunsidra l-bejgħ tal-impriża fl-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

434

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parti mid-dħul mill‑bejgħ provenjenti minn merkanzija jew servizzi li kienu s-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat, peress li d-dħul mill-bejgħ imwettaq fuqhom jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il-Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 236 u l-ġurisprudenza ċċitata).

435

Għalhekk, il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 għandu l-għan, fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, li jistabbilixxi bħala punt tat-tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq l-impriża inkwistjoni ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76; tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57, u tat‑23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 53).

436

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida tal-2006 ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni diskrezzjonali sostanzjali tal-Kummissjoni. Fil-fatt l-imsemmija linji gwida jinkludu elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata), u anki ma’ regoli u prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 stess jippreċiża li l-Kummissjoni għandha “normalment” tuża l-bejgħ tal-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha tal-ksur waqt il-kalkolu tal-ammont bażiku multa (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Samsung SDI et vs Il-Kummissjoni, T‑84/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:611).

437

F’dan il-każ, mill-premessi 1490 sa 1495 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa impost in solidum fuq ir-rikorrenti u Deutsche Telekom, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti matul l-aħħar sena finanzjarja sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jiġifieri d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn dan l-operatur fis-suq tal-aċċess separat għan-netwerks lokali u tal-broadband bl-imnut għas-servizzi fissi fl-2010. Għalhekk il-Kummissjoni applikat il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

438

Issa, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma eskludietx din ir-regola f’dan il-każ, minkejja ż-żieda qawwija tad-dħul mill-bejgħ tagħha matul il-perijodu inkwistjoni.

439

Fil-fatt, minn naħa, minkejja li r-rikorrenti targumenta li matul l-2005 sal-2010, id-dħul mill-bejgħ tagħha żdied għal 133 % u minn EUR 31184949 tela’ għal EUR 72868176, madankollu hija ma tipprovdi ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li dan l-aħħar dħul mill-bejgħ, imwettaq matul l-aħħar sena ċivili sħiħa tal-ksur, ma kienx jikkostitwixxi, fil-mument li fih il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, indikazzjoni tal-kobor reali tagħha, tas-saħħa ekonomika tagħha fis-suq u tal-kobor tal-ksur inkwistjoni.

440

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta hija tikkritika lill-Kummissjoni li injorat id-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki u li, minħabba f’hekk, kisret il-prassi preċedenti tagħha u imponiet kriterju differenti minn dak previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

441

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala kuntest ġuridiku għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-każijiet l-oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza eventwali ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ma huwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, EU:T:2011:284, punt 347, u tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 144).

442

Għalhekk, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jiġi pprovat li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni f’dan il-każ (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, T‑40/06, EU:T:2010:388, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 262 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 204 u l-ġurisprudenza ċċitata).

443

Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li d-data ċirkustanzjali fil-kawża li tat lok għad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki kienet paragunabbli għal dik ta’ dan il-każ. F’din l-aħħar kawża, l-Kummissjoni ppreċiżat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-medja tad-dħul mill-bejgħ mill-2005 sal-2009 għar-raġuni li d-dħul mill-bejgħ rilevanti tal-perijodu kkonċernat kien ra tkabbir exponenzjali, jiġifieri żieda ta’ 2800 % għall-perijodu mill-2006 sal-2007, żieda ta’ 370 % għall-perijodu mill-2007 sal-2008 u żieda ta’ 160 % għall-perijodu mill-2008 sal‑2009. Issa, minn dawn iċ-ċifri, li l-eżattezza tagħhom ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li minn naħa, ir-rata ta’ tkabbir tad-dħul mill-bejgħ kien ferm ikbar fil-każ li ta lok għad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki minn dik tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti f’dan il-każ, u min-naħa l-oħra li dan id-dħul mill-bejgħ żviluppa b’mod inqas stabbli mid-dħul mill-bejgħ osservat f’dan il-każ.

444

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li meta f’dan il-każ ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti matul is-sena li spiċċat fil-31 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, u għalhekk meta kkonformat mar-regola li hija kienet stabbilixxiet fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam tal-istabbiliment tal-ammont tal-multi.

445

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relattiv għad-data tal-bidu tal-perijodu tal-ksur

446

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti sostniet li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn hija tikkonkludi l-eżistenza ta’ ksur sa mit‑12 ta’ Awwissu 2005, jiġifieri d-data tal-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ riferiment. Peress li din l-offerta kienet kuntratt-qafas, hija kienet intiża li tiżviluppa, b’mod partikolari matul negozjati ma’ terzi jew wara pariri mingħand l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

447

B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza li minn naħa, l-imsemmija offerta kienet l-ewwel waħda li hija qatt ħarġet, li jagħmel il-kjarifiki u emendi permezz ta’ negozjati iktar u iktar neċessarji.

448

Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur beda waqt il-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ riferiment ta’ aċċess separat ma hijiex konformi mal-prassi deċiżjonali tagħha. Fil-fatt, pereżempju, fid-deċiżjoni tagħha C(2004) 1958 finali, tat‑2 ta’ Ġunju 2004 (Każ COMP/38.096 – Clearstream, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Clearstream”), il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li Clearstream kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi rrifjutat b’mod moħbi li tipprovdi lil Euroclear servizzi primarji ta’ clearing u ta’ konklużjoni għall-azzjonijiet irreġistrati. Madankollu, il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li kien neċessarju li tagħti ċertu żmien lill-partijiet sabiex tippermettilhom jinnegozjaw il-modalitajiet tal-kuntratti (premessa 341 tad-deċiżjoni Clearstream). Bl-istess mod, fid-deċiżjoni tagħha Telekomunikazzjonijiet Pollakki, il-Kummissjoni ma kkunsidratx id-data tal-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ riferiment bħala l-punt tat-tluq tal-ksur, iżda l-ġurnata li fiha bdew l-ewwel negozjati mal-operaturi l-oħra.

449

Ir-rikorrenti tqis li ma jistax jeżisti ksur ta’ rifjut ta’ provvista ħlief wara li n-negozjati dwar l-aċċess ikunu fallew minħabba n-natura irraġonevoli tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-detentur tan-netwerk. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha l-oneru tal-prova għal dak li jirrigwarda l-mument li fih in-negozjati fallew minħabba r-rekwiżiti irraġonevoli tar-rikorrenti. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li n-negozjati dwar l-aċċess huma min-natura tagħhom twal u diffiċli minħabba l-kumplessità tal-qasam.

450

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rifjut ta’ aċċess allegat jibda jew fl-aħħar ta’ tul raġonevoli sabiex jingħata normalment il-aċċess mitlub, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-preparazzjonijiet neċessarji taż-żewġ naħat (premessa 341 tad-deċiżjoni Clearstream), jew fil-ġurnata li fiha bdew l-ewwel negozjati dwar l-aċċess ma’ operaturi oħra (premessa 909 tad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki).

451

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dan l-argument.

452

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑14 ta’ Ġunju 2005, il-President tat-TUSR impona fuq ir-rikorrenti li tipprovdi aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha taħt kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, u li kien bil-għan li tissodisfa dan l-obbligu li r-rikorrenti ppubblikat, fit‑12 ta’ Awwissu 2005, offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess separat (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq).

453

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax id-deskrizzjoni tal-kontenut tal-offerta ta’ riferiment tagħha fit-taqsima 7.6 tad-deċiżjoni kkontestata (“Klawżoli u kundizzjonijiet ġusti ta’ ST”), li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 820 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-klawżoli u l-kundizzjonijiet ta’ din l-offerta kienu ġew stabbiliti b’mod li jirrendi l-aċċess separat għan-netwerk lokali inaċċettabbli għall-operaturi alternattivi.

454

Issa, minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prattiki abbużivi li kienu kklassifikati bħala “rifjut ta’ provvista” mill-Kummissjoni jirriżultaw, essenzjalment, mill-offerta ta’ riferiment stess.

455

Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk tar-rikorrenti, neċessarja għall-aċċess separat għan-netwerk lokali, qabel xejn mill-premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-offerta ta’ riferiment ma inkludietx l-informazzjoni bażika rigward il-pożizzjonijiet tal-punti ta’ aċċess fiżiċi u d-disponibbiltà tan-netwerks lokali f’partijiet speċifiċi tan-netwerk ta’ aċċess. Barra minn hekk, fil-premessi 443 sa 528 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ċertament l-informazzjoni dwar in-netwerk ipprovduta mir-rikorrenti fuq talba ta’ operatur alternattiv bil-prospett ta’ aċċess separat. Madankollu, minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-modalitajiet ta’ aċċess għal din l-informazzjoni kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala inġusti, u għalhekk, dissważivi għall-operaturi alternattivi jirriżultaw mill-offerta ta’ riferiment stess. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkritikat il-fatt, fl-ewwel lok, li l-offerta ta’ riferiment ma stabbilixxietx il-portata eżatta tal-informazzjoni dwar in-netwerk li r-rikorrenti kienet ser tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi alternattivi, billi speċifikat il-kategoriji ta’ informazzjoni kkonċernata (premessa 507 tad-deċiżjoni kkontestata), u fit-tieni lok, li l-imsemmija offerta ma pprovdietx aċċess għall-informazzjoni minn sistemi ta’ informazzjoni mhux pubbliċi ħlief wara l-konklużjoni tal-kuntratt-qafas dwar l-aċċess għan-netwerk lokali (premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata), u t-tielet nett, li din l-offerta tissuġġetta tali aċċess għall-informazzjoni dwar in-netwerk tar-rikorrenti għall-ħlas mill-operatur alternattiv ta’ tariffi għoljin (premessi 519 u 527 tad-deċiżjoni kkontestata).

456

It-tieni nett, fir-rigward tat-tnaqqis mir-rikorrenti tal-portata tal-obbligu regolamentari tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali, qabel xejn, mill-premessi 535 u 536 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-limitazzjoni tal-imsemmi obbligu għal-linji attivi biss (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), allegata mill-Kummissjoni fil-konfront tar-rikorrenti, irriżulta mill-punt 5.2 tal-parti introduttiva tal-offerta ta’ riferiment tagħha. Imbagħad, b’mod partikolari mill-premessi 570, 572, 577, 578 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa fir-rigward tal-provvedimenti kontenuti fl-Anness 3 tal-imsemmija offerta ta’ riferiment li l-Kummissjoni ddeduċiet li r-rikorrenti kienet eskludiet b’mod inġustifikat is-servizzi f’kunflitt mal-obbligu tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Finalment, mill-premessa 606 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-regola ta’ limitazzjoni tal-użu tal-cable ta’ 25 % imposta mir-rikorrenti għall-aċċess separat għan-netwerk lokali u kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala inġusta (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), irriżultat mill-Anness 8 tal-offerta ta’ riferiment.

457

It-tielet nett, fir-rigward tal-istabbiliment mir-rikorrenti ta’ kundizzjonijiet inġusti fil-qasam tal-aċċess separat fir-rigward tal-kollokazzjoni, tal-previżjonijiet, tat-tiswijiet, tas-servizz, tal-manutenzjoni kif ukoll tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja, dawn jirriżultaw kollha, kif muri fit-taqsima 7.6.4 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-offerta ta’ riferiment ippubblikata minn dan l-operatur fit‑12 ta’ Awwissu 2005. Għalhekk, il-klawżoli kkunsidrati inġusti mill-Kummissjoni kienu inklużi rispettivament fl-Annessi 4, 5, 14 u 15 tal-imsemmija offerta għal dak li jirrigwarda l-kollokazzjoni (premessi 653, 655 u 683 tad-deċiżjoni kkontestata), fl-Annessi 12 u 14 għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ previżjoni mill-operaturi alternattivi (premessi 719 u 726 sa 728 tad-deċiżjoni kkontestata), fl-Anness 5 għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ klassifikazzjoni tan-netwerks lokali (premessi 740, 743, 767, 768 u 774 tad-deċiżjoni kkontestata), fl-Anness 11 għal dak li jirrigwarda l-klawżoli u l-kundizzjonijiet dwar it-tiswijiet, is-servizz u l-manutenzjoni (premessi 780, 781, 787, 790 u 796 tad-deċiżjoni kkontestata), u fl-Annessi 5 u 17 għal dak li jirrigwarda l-garanzija bankarja meħtieġa mill-operatur alternattiv kandidat għall-aċċess separat (premessi 800, 802 sa 807, 815 u 816 tad-deċiżjoni kkontestata).

458

Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li uħud minn dawn il-modalitajiet ta’ aċċess setgħu kienu s-suġġett ta’ flessibbiltajiet fil-kuntest tan-negozjati bilaterali bejn ir-rikorrenti u l-operaturi kandidati għall-aċċess, dak li r-rikorrenti ddikjarat mingħajr ebda prova insostenn, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-offerta ta’ riferiment ippubblikata fit‑12 ta’ Awwissu 2005 setgħet tiddisswadi sa minn dik id-data l-preżentazzjoni ta’ talbiet għal aċċess minn operaturi alternattivi, minħabba l-klawżoli u l-kundizzjonijiet inġusti li hija inkludiet.

459

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li minħabba l-modalitajiet ta’ aċċess li jinsabu fl-offerta ta’ riferiment tagħha ppubblikata fit‑12 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti kienet ikkompromettiet id-dħul ta’ operaturi alternattivi fis-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) għas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja, minkejja l-obbligu li hija kellha f’dan is-sens skont id-deċiżjoni tat-TUSR, u li dan l-aġir kien għalhekk ta’ natura li jkollu dawk l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni sa minn dik id-data (ara b’mod partikolari, il-premessi 1048, 1050, 1109, 1184 u 1520 tad-deċiżjoni kkontestata).

460

Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni marret kontra l-prassi deċiżjonali tagħha stess, jiġifieri l-approċċ meħud fid-deċiżjoni Clearstream u fid-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dawn id-deċiżjonijiet ingħataw f’kuntest differenti minn dak ta’ din il-kawża u li għalhekk ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni eskludiet il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

461

Għalhekk, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-deċiżjoni Clearstream, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat li din id-deċiżjoni, b’mod differenti mid-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, ingħatat f’kuntest ikkaratterizzat mill-assenza ta’ kull obbligu regolamentari tal-impriża li għandha l-infrastruttura inkwistjoni li tagħti lill-impriżi l-oħra aċċess għall-imsemmija infrastruttura, kif ukoll mill-assenza ta’ obbligu ta’ din l-impriża li tippubblika offerta ta’ riferiment li tippreċiża l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess.

462

Barra minn hekk, it-tul ta’ erba’ xhur, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala terminu raġonevoli għall-provvista ta’ servizzi primarji ta’ clearing u ta’ konklużjoni minn Clearstream, kien ġie stabbilit bi tqabbil tal-eżempji li fihom Clearstream tat l-aċċess għas-sistema tagħha Cascade RS. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dik il-kawża, kienu jeżistu diversi eżempji li fihom Clearstream tat l-aċċess, li ppermettew lill-Kummissjoni, u iktar tard lill-Qorti Ġenerali, jaslu għall-konklużjoni li t-terminu ta’ erba’ xhur kien raġonevoli sabiex jiġi pprovdut tali aċċess (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009,Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 151). Madankollu, f’din il-kawża, peress li r-rikorrenti tat aċċess għan-netwerks lokali tagħha lil operatur ieħor biss fit‑18 ta’ Diċembru 2009, ma kien jeżisti ebda eżempju li jista’ jservi ta’ riferiment, u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tiffissa tali “tul raġonevoli”. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża bl-ebda mod ma huma paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni (T‑301/04, EU:T:2009:317).

463

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki, il-Kummissjoni hemmhekk ikkonstatat li l-operatur stabbilit inkwistjoni kien abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq Pollakk bl-ingrossa tal-aċċess għal broadband u tal-aċċess separat għan-netwerk lokali, meta rrifjuta li jagħti aċċess għan-netwerk tiegħu u jipprovdi prodotti bl-ingrossa li jaqgħu fl-imsemmija swieq sabiex jipproteġi l-pożizzjoni tiegħu fis-suq bl-imnut. Barra minn hekk, il-kuntest tal-każ Telekomunikazzjonijiet Pollakki kien ikkaratterizzat minn obbligu regolamentari ta’ aċċess analogu għal dak li kellha r-rikorrenti f’din il-kawża, kif ukoll mir-rekwiżit li l-operatur ta’ telekomunikazzjonijiet Pollakk inkwistjoni jippubblika offerta ta’ riferiment għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tiegħu. Madankollu, minn analiżi ddettaljata tad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki jirriżulta li l-approċċ segwit f’din id-deċiżjoni ma fih ebda kontradizzjoni ma’ dak meħud fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fid-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki, il-Kummissjoni rrilevat li l-istrateġija antikompetittiva tal-operatur dominanti kienet essenzjalment immaterjalizzat biss matul in-negozjati mal-operaturi alternattivi kandidati għall-kisba ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali kif ukoll ta’ aċċess bl-ingrossa għas-servizzi broadband tal-operatur dominanti. Għalhekk, il-kundizzjonijiet irraġonevoli ta’ aċċess kienu jirriżultaw mill-abbozzi ta’ kuntratti ta’ aċċess magħmula mill-operatur dominanti inkwistjoni fil-kuntest ta’ negozjati mal-operaturi alternattivi. Barra minn hekk, id-dewmien tal-proċess ta’ negozjar tal-ftehimiet ma setax, ipotetikament, jiġi identifikat sa mill-pubblikazzjoni tal-ewwel offerta ta’ riferiment tal-operatur dominanti. Jiżdied ukoll li l-limitazzjoni tal-aċċess għan-netwerk tiegħu mill-operatur dominanti żviluppat fi stadju sussegwenti għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ aċċess bl-ingrossa mal-operaturi alternattivi. Apparti dan, il-limitazzjoni ta’ aċċess effettiv għall-linji tal-abbonati seħħet wara l-kisba mill-operatur alternattiv ta’ aċċess għal spazju ta’ kollokazzjoni jew tal-awtorizzazzjoni li jinstalla cable ta’ korrispondenza. Finalment, il-problemi ta’ aċċess għal informazzjoni ġenerali affidabbli u eżatta indispensabbli għall-operaturi alternattivi sabiex jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam tal-aċċess kienu mmanifestati f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess għan-netwerk tal-operatur dominanti. Għalhekk, l-aġir tal-operatur dominanti fil-każ Telekomunikazzjonijiet Pollakki huwa differenti mill-prattiki li ġew ikklassifikati bħala “rifjut ta’ provvista” mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 455 sa 459 iktar ’il fuq, irriżultaw essenzjalment mill-offerta ta’ riferiment għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tar-rikorrenti stess. Dawn id-differenzi jiġġustifikaw li, b’mod differenti mid-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki li fiha l-punt tat-tluq tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE kien ġie stabbilit fid-data li fiha bdew l-ewwel negozjati ta’ aċċess bejn l-operatur dominanti inkwistjoni u operatur alternattiv, wara diversi xhur mill-pubblikazzjoni tal-ewwel offerta ta’ riferiment (premessa 909 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1259), f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat it‑12 ta’ Awwissu 2005, jiġifieri d-data tal-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ riferiment, bħala d-data tal-bidu tar-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali.

464

Għall-istess raġuni, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-ksur ta’ rifjut ta’ provvista jista’ jiġi stabbilit biss wara li jfallu n-negozjati dwar l-aċċess minħabba n-natura irraġonevoli tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-detentur tan-netwerk. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li n-negozjati setgħu jwasslu għall-esklużjoni tal-klawżoli u l-kundizzjonijiet inġusti inklużi fl-offerta ta’ riferiment.

465

Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni għandha l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ liema huwa l-mument li fih in-negozjati fallew minħabba rekwiżiti irraġonevoli tar-rikorrenti, minn naħa, għall-istess raġunijiet indikati fil-punti 461 sa 464 iktar ’il fuq, din id-data ma tistax tkun rilevanti għad-determinazzjoni tal-bidu tal-ksur. Min-naħa l-oħra, kif targumenta l-intervenjenti, id-data eżatta tal-falliment tan-negozjati ma tistax tiġi ddeterminata b’mod oġġettiv, u għalhekk il-Kummissjoni ma pproduċietx tali prova.

466

Fir-rigward tal-argumenti ppreżentati sussidjarjament, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rifjut ta’ aċċess allegat għandu jibda fit-tmiem ta’ żmien raġonevoli sabiex jingħata normalment l-aċċess mitlub, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-preparazzjonijiet neċessarji miż-żewġ naħat (premessa 341 tad-deċiżjoni Clearstream), għandu jiġi nnotat li tali żmien raġonevoli ma jeżistix f’dan il-każ għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 460 sa 462 iktar ’il fuq. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ksur jibda mill-ġurnata tal-ewwel negozjati dwar l-aċċess mal-operaturi l-oħra (premessa 909 tad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki), kif ġie essenzjalment ikkunsidrat fil-punti 463 sa 464 iktar ’il fuq, f’dan il-każ in-negozjati ma kinux rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tal-ksur. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

467

It-tieni parti, ibbażata fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni meta hija kkunsidrat li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005, għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata.

468

Għandu jiżdied li r-rikorrenti ma tikkontestax il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu sostnuta mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-prattiki kollha msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri (a) il-ħabi lill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk neċessarja għall-aċċess separat għan-netwerks lokali; (b) it-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali; (ċ) l-istabbiliment ta’ modalitajiet u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat fir-rigward tal-kollokazzjoni, il-klassifikazzjoni, il-previżjonijiet, it-tiswijiet u l-garanziji bankarji; (d) l-applikazzjoni ta’ tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effikaċi li jibbaża ruħu fuq l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat tar-rikorrenti li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti mir-rikorrenti mingħajr ma jsostni telf.

469

F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li t-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005, ġiet miċħuda (ara l-punt 467 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-ksur uniku u kontinwu li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kien beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005.

470

Għalhekk, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

471

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jikkonstata li matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti applikat tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effikaċi li jibbaża ruħu fuq l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat tagħha jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti mir-rikorrenti, mingħajr ma jsostni telf (ara l-punt 268 iktar ’il fuq). Konsegwentement, l-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni għandu jiġi annullat ukoll sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti. Il-kumplament tat-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

IV. Fuq it-talbiet magħmula sussidjarjament sabiex jinbidel l-ammont tal-multa

472

Ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, li hija tnaqqas l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha mid-deċiżjoni kkontestata.

473

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-argumenti invokati mill-parti rikorrenti u li għandha s-setgħa tevalwa l-provi, tannulla l-imsemmija deċiżjoni u tibdel l-ammont tal-multi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Marzu 2014, Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni, T‑56/09 u T‑73/09, EU:T:2014:160, punt 461 u l-ġurisprudenza ċċitata).

474

L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 130; ara wkoll, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

475

Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Għalhekk, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, hija r-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u li tipprovdi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

476

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandux jinbidel.

477

Kif jirriżulta mill-punti 267, 268 u 471 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li l-prattika li twassal għal kompressjoni tal-marġni mwettqa mir-rikorrenti setgħet bdiet qabel l‑1 ta’ Jannar 2006, u konsegwentement, l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jirrigwarda r-rikorrenti u sa fejn jinkludi fil-ksur uniku u kontinwu kompressjoni tal-marġni li twettqet bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005.

478

Fir-rigward tal-effett ta’ dan l-iżball fuq l-ammont bażiku tal-multa li għaliha nżammet responsabbli in solidum ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li hemm lok li l-proporzjon tal-bejgħ rilevanti tar-rikorrenti kkunsidrat mill-Kummissjoni jitnaqqas u jiġi stabbilit għal 9.8 % minflok 10 %. Peress li matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, ir-rikorrenti kienet għamlet dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ EUR 72868176, l-ammont li għandu jintuża għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa li għaliha nżammet responsabbli in solidum huwa ta’ EUR 7 141 081.20. L-ammont bażiku ta’ din il-multa jikkorrispondi għall-multiplikazzjoni tal-imsemmi ammont b’koeffiċjent ta’ 5.33, li jirrifletti t-tul tal-ksur, u għandu għalhekk jiġi stabbilit għal EUR 38061963. Il-kumplament tat-talba tar-rikorrenti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa huwa miċħud.

479

Fir-rigward tat-talba tal-Kummissjoni, magħmula sussidjarjament, waqt is-seduta, li jiżdied l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti u fuq Deutsche Telekom, il-Qorti Ġenerali tqis, mingħajr il-bżonn li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba, li fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma hemmx lok li jinbidel l-ammont stabbilit fil-punt 478 iktar ’il fuq.

V. Fuq l-ispejjeż

480

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. F’dan il-każ, il-Kummissjoni u l-intervenjenti tilfu parzjalment. Madankollu, ir-rikorrenti ma talbitx li l-intervenjenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, iżda biss il-kundanna tal-Kummissjoni għalihom.

481

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikorrenti tbati erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha, kif ukoll erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Il-Kummissjoni għandha tbati wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha u tar-rikorrenti. L-intervenjenti għandha tbati wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2)(d) tad-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2014 dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom), huwa annullat sa fejn jikkonstata li matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2005, Slovak Telekom a.s. applikat tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effettiv li jibbaża ruħu fuq l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat tiegħu li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom mingħajr telf.

 

2)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali huwa annullat sa fejn jistabbilixxi l-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum Slovak Telekom fl-ammont ta’ EUR 38838000.

 

3)

L-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum Slovak Telekom huwa stabbilit għal EUR 38061963.

 

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

5)

Slovak Telekom għandha tbati erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha, erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż ta’ Slovanet, a.s.

 

6)

Il-Kummissjoni għandha tbati wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha u wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż sostnuti minn Slovak Telekom.

 

7)

Slovanet għandha tbati wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha.

 

Van der Woude

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.