SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

19 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Unjoni doganali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Latvja – Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Rimbors u maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Importazzjoni ta’ drapp tal-għażel mil-Latvja – Klawżola ta’ ekwità – Sitwazzjoni partikolari – Qerq jew negliġenza manifesta – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni mhux iġġustifikata”

Fil-Kawża T‑752/14,

Combaro SA, stabbilita f’Lausanne (l-Isvizzera), irrappreżentata minn D. Ehle, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Caeiros u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2014) 4908 finali tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2014, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni fl-ammont ta’ EUR 461415.12,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, F. Schalin (Relatur) u J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Sistema applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni: importazzjonijiet tar-rikorrenti

1

Id-Deċiżjoni C(2014) 4908 finali tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2014, li tikkonstata li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma hijiex iġġustifikata f’każ partikolari (REM 05/2013) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), għandha bħala suġġett dazji fuq l-importazzjoni fuq drapp tal-għażel li ġie importat fl-Unjoni Ewropea via l-Ġermanja bejn l-10 ta’ Diċembru 1999 u l-10 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”) u li l-oriġini preferenzjali Latvjana tagħhom ma hijiex ipprovata.

2

Id-drapp tal-għażel huwa, bħala prodott tessili, suġġett għal restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni. Kienu jeżistu fil-fatt, matul il-perijodu rilevanti, miżuri restrittivi applikabbli b’mod partikolari għall-importazzjonijiet miċ-Ċina u mir-Russja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93, tat-12 ta’ Ottubru 1993, dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tat-tessuti [tessili] minn pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 27).

3

Il-prodotti tessili ta’ oriġini preferenzjali Latvjana kienu eżenti mir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq. Din l-eżenzjoni kienet tirriżulta mill-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Latvja, min-naħa l-oħra (ĠU 1998, L 26, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

4

L-istess bħal prodotti oħra ta’ oriġini preferenzjali Latvjana, il-prodotti tessili kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni doganali biss jekk l-importatur kien jagħti prova tal-istatus ta’ oriġini tagħhom lill-awtoritajiet doganali permezz ta’ ċertifikat ta’ moviment EUR.1 maħruġ mill-awtoritajiet doganali Latvjani waqt l-esportazzjoni.

5

Ir-rikorrenti, Combaro SA, hija impriża li tinnegozja fi prodotti tessili u oġġetti oħra stabbilita fl-Isvizzera mill-1978.

6

Ir-rikorrenti kienet tixtri d-drapp tal-għażel minn żewġ impriżi Latvjani. Il-kunsinni minn dawn iż-żewġ impriżi lir-rikorrenti kienu jinkludu ċertifikati ta’ moviment li jattestaw li d-drapp tal-għażel ipprovdut kien ta’ oriġini preferenzjali Latvjana.

7

Iċ-ċertifikati ta’ moviment kienu jindikaw rispettivament waħda miż-żewġ impriżi Latvjani bħala esportatur u lir-rikorrenti bħala importatur, iżda lill-Awstrija bħala l-pajjiż ta’ destinazzjoni. Il-postijiet ta’ ħruġ indikati fuq iċ-ċertifikati ta’ moviment kienu rispettivament Jelgava (il-Latvja) u Bauska (il-Latvja).

8

Matul il-perijodu rilevanti, ir-rikorrenti importat sussegwentement dan id-drapp tal-għażel fl-Unjoni. Hija rrilaxxatu għal ċirkolazzjoni libera fil-Ġermanja u talbet, fuq il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati ta’ moviment, fosthom il-51 ċertifikat ta’ moviment inkwistjoni f’din il-kawża (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati kontenzjużi”), eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi wettqu l-isdoganament tal-prodotti skont it-talba tar-rikorrenti.

Kontroll u l-proċedura ta’ rkupru a posteriori

9

Fit-18 ta’ Lulju 2002, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) irrediġa rapport dwar missjoni ta’ investigazzjoni li huwa kien wettaq fil-Latvja (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”). Skont ir-rapport tal-OLAF, l-amministrazzjoni doganali Daniża kienet informat lill-OLAF, fi Frar 2002, bid-dubji tagħha dwar l-oriġini preferenzjali Latvjana tad-drapp tal-għażel importat mil-Latvja, minkejja l-preżentazzjoni ta’ ċertifikati ta’ moviment li jattestaw l-oriġini tiegħu. Ir-rapport tal-OLAF kien jippreċiża li, fi tmiem il-missjoni ta’ investigazzjoni, l-OLAF u l-awtoritajiet doganali Latvjani kienu kkonstataw li ċ-ċertifikati ta’ moviment ippreżentati għall-importazzjoni fid-Danimarka ma kinux imniżżla fir-reġistri tal-awtoritajiet doganali Latvjani. Kien ġie kkonstatat ukoll li l-uffiċjal li l-firma tiegħu kienet tinsab fuq l-imsemmija ċertifikati kien għamel dikjarazzjoni bil-miktub li tgħid li l-firma li tinsab fuq dawn iċ-ċertifikati ma kinitx tiegħu. Fl-aħħar nett, fir-rapport tal-OLAF ġie indikat li l-investigazzjonijiet li jirrigwardaw it-timbri użati fuq iċ-ċertifikati inkwistjoni ma kinux għadhom ingħalqu.

10

Wara r-rapport tal-OLAF, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lill-Istati Membri, fil-11 ta’ Settembru 2002, komunikazzjoni ta’ assistenza reċiproka fejn intalab li jsir kontroll tal-importazzjonijiet kollha tad-drapp tal-għażel li joriġina mil-Latvja.

11

L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi talbu għalhekk lill-awtoritajiet doganali Latvjani kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi (iktar ’il quddiem il-“kontroll a posteriori”). L-awtoritajiet doganali Latvjani wieġbu għat-talbiet tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi fis-7 ta’ April, fit-2 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Mejju 2003 kif ġej:

“[Iċ-]ċertifikati [kontenzjużi] ma ġewx imniżżla fir-reġistru doganali. Huma ma nħarġux mid-dwana Latvjana u għalhekk għandhom jitqiesu bħala invalidi.”

12

Dawn it-tweġibiet ġew iffirmati mill-viċi direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani, is-Sur R., li, sussegwentement, ġie kkundannat fi proċeduri kriminali u kien is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari talli naqas milli jirkupra djun fiskali minn impriża Latvjana.

13

Peress li l-awtoritajiet Latvjani kienu ddikjaraw li ċ-ċertifikati kontenzjużi ma kinux validi, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi qiesu li l-importazzjonijiet tar-rikorrenti ta’ drapp tal-għażel li joriġina mil-Latvja ma setgħux jibbenefikaw minn trattament preferenzjali u ddeċidew, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2003, li jibdew proċedura ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni korrispondenti (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ rkupru a posteriori”). L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi bdew, barra minn hekk, proċeduri kriminali kontra ż-żewġ diretturi eżekuttivi tar-rikorrenti, minħabba suspett ta’ evażjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni. Il-proċeduri ngħalqu fil-konfront ta’ wieħed minnhom u l-proċeduri fil-konfront tal-ieħor tressqu quddiem il-Landgericht München (qorti reġjonali ta’ München, il-Ġermanja).

14

Fil-frattemp, fuq talba tal-OLAF, saru perizji dwar il-paragun tat-timbri u dwar il-firem għal dak li jirrigwarda ċ-ċertifikati ta’ moviment ippreżentati għall-importazzjonijiet fid-Danimarka. Sabiex isiru dwar il-perizji, l-OLAF kellha tikseb materjal għall-finijiet tal-paragun li kienet tinsab fil-Latvja. Fir-rapporti ta’ perizja inkwistjoni ġie kkonstatat li ċerti timbri kienu l-istess bħat-timbri awtentiċi tal-awtoritajiet doganali Latvjani, filwaqt li timbri oħra, minħabba nuqqas ta’ materjal ta’ riferiment, setgħu jkunu biss is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-immaġni, li minnha rriżulta li dawn kienu probabbilment awtentiċi.

15

Għal dak li jirrigwarda l-perizja dwar il-firem, ġie kkonstatat fir-rapport ta’ perizja korrispondenti li evalwazzjoni tal-awtentiċità tal-firma li tinsab fuq iċ-ċertifikati ta’ moviment eżaminati kienet tinvolvi ċerti diffikultajiet, peress li l-paragun kellu jsir abbażi ta’ kopji ta’ din il-firma, peress li ma kienx hemm firma awtentika tal-uffiċjali kkonċernat, jiġifieri s-Sur O., datata mill-perijodu li fih saru l-firem u peress li l-metodu fejn il-firem jintalbu a posteriori għall-finijiet ta’ perizja kien jippreżenta problema ta’ affidabbiltà. Konsegwentement, ir-rapport ta’ perizja kkonkluda li l-firma li tinsab fuq iċ-ċertifikati eżaminati kienet, bi probabbiltà kemxejn predominanti, dik tas-Sur O.

16

Sabiex tipproteġi l-interessi tagħha fil-proċeduri pendenti quddiem l-awtoritajiet kriminali u doganali Ġermaniżi, ir-rikorrenti indirizzat lill-awtoritajiet doganali Latvjani u lill-OLAF. Bi tweġiba għat-talbiet tar-rikorrenti, l-awtoritajiet doganali Latvjani kkonfermaw, f’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2007, it-tweġiba tagħhom tas-7 ta’ Mejju 2003 indirizzata lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, li tgħid li ċ-ċertifikati kontenzjużi “[kellhom] jitqiesu bħala invalidi” u l-OLAF informa lir-rikorrenti dwar l-istatus tal-investigazzjonijiet tiegħu.

17

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ressqet talba lill-Kummissjoni sabiex tingħata aċċess għall-korrispondenza skambjata bejn din tal-aħħar u l-awtoritajiet doganali Latvjani. Din it-talba ġiet parzjalment miċħuda. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx rikors sabiex tikkontesta r-rifjut parzjali ta’ aċċess għall-korrispondenza inkwistjoni.

18

Fit-30 ta’ April 2009, digriet tal-Landgericht München (qorti reġjonali ta’ München) temm il-proċeduri kriminali kontra d-direttur eżekuttiv tar-rikorrenti. Skont dan id-digriet, ma kienx possibbli li l-imsemmi direttur jinstab ħati mingħajr ebda dubju li evita intenzjonalment id-dazji fuq l-importazzjoni. B’mod iktar preċiż, mill-imsemmi digriet kien jirriżulta li setgħu twettqu ċerti irregolaritajiet fi ħdan l-amministrazzjoni doganali Latvjana. Il-Landgericht München (qorti reġjonali ta’ München) ukoll esprimiet dubji dwar l-intenzjoni tal-imsemmi direttur li jevita b’mod frawdolenti d-dazji fuq l-importazzjoni għall-benefiċċju tal-kumpannija li huwa kien jirrappreżenta, jiġifieri r-rikorrenti, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-kriterji oġġettivi relatati mal-obbligu ta’ ħlas ta’ tali dazji setgħux jiġu kkonstatati jew le.

19

Il-proċedura ta’ rkupru a posteriori ntbagħtet quddiem il-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München, il-Ġermanja). F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li d-dejn tagħha kellu jiġi maħfur, skont l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“KDK”).

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2012, il-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München) ikkonstatat li, essenzjalment, maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti mir-rikorrenti kellha “serjament” tiġi kkunsidrata peress li, minn naħa, kienu jeżistu elementi li jippermettu li jitqies li ċ-ċertifikati kontenzjużi kienu inħarġu intenzjonalment u bi żball mill-awtoritajiet doganali Latvjani u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx ivverifikat b’mod xieraq l-osservanza mil-Latvja tas-sistema preferenzjali fis-seħħ. Il-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München) ikkonstatat ukoll li ma kienx hemm intenzjoni frawdolenti jew negliġenza manifesta min-naħa tar-rikorrenti. Konsegwentement, il-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München) issospendiet il-proċedura ta’ rkupru a posteriori u ordnat lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi sabiex iressqu quddiem il-Kummissjoni talba għall-maħfra tal-imsemmija dazji.

Il-proċedura REM 05/2013

21

Wara d-deċiżjoni tal-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München), il-Bundesministerium der Finanzen (ministeru federali tal-finanzi, il-Ġermanja) talab lir-rikorrenti sabiex tagħti l-opinjoni tagħha u, fit-3 ta’ Settembru 2013, ressaq quddiem il-Kummissjoni talba għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 239 tal-KDK. Għaldaqstant, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura REM 05/2013.

22

Fil-kuntest tal-proċedura REM 05/2013, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 906a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-KDK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), u tad-dritt għal smigħ, informat lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2014, bl-oġġezzjonijiet tagħha u bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni sfavorevoli fil-konfront tagħha, u offritilha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni pprospettata mill-Kummissjoni fil-konfront tagħha.

23

Fis-16 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

24

Fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li ma kienet teżisti l-ebda sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, li kienet dovuta għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-awtoritajiet doganali Latvjani, peress li hija ma setgħetx tasal għall-konklużjoni li l-imsemmija awtoritajiet kienu pparteċipaw fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi.

25

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk hija stess kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fil-kuntest tas-sorveljanza tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-premessi 36 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li l-aġir tagħha ma kienx jagħti lok għal sitwazzjoni partikolari.

26

Fil-premessi 42 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li lanqas l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma setgħu jiġu kkritikati li naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru a posteriori.

27

Billi l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kinitx iġġustifikata fl-assenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, hija żiedet, fil-premessi 48 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx tat prova tad-diliġenza meħtieġa.

28

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-4 ta’ Settembru 2014.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

30

Fis-17 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

31

Fit-2 ta’ April u fit-18 ta’ Mejju 2015, ġew ippreżentati rispettivament fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-replika u l-kontroreplika.

32

Fit-12 ta’ Ottubru 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija għamlet, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2016, mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, u stednitha tweġibhom qabel it-3 ta’ Novembru 2016. Il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti. Il-Qorti Ġenerali talbet b’mod partikolari lill-Kummissjoni sabiex tagħti iktar dettalji dwar ir-rapporti li fihom ir-riżultati tal-kontrolli annwali li hija għandha twettaq skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u sabiex tindika f’liema annessi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali dawn jinsabu jew, skont il-każ, sabiex tipprovdi kopji tagħhom. Il-Qorti Ġenerali talbet, barra minn hekk, lill-Kummissjoni sabiex tipprovdilha l-Komunikazzjoni COM(97) 402, tat-23 ta’ Lulju 1997, invokata mir-rikorrenti fil-punt 106 tar-rikors. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-Kummissjoni jekk kinitx twettqet perizja dwar it-timbri u l-firem li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi u sabiex tagħtiha r-riżultati tagħha jew, skont il-każ, sabiex tispjega għalfejn ma kinitx twettqet tali perizja.

33

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2016.

34

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

36

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-KDK.

Fuq l-implementazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 239(1) tal-KDK

37

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari u dwar iċ-ċirkustanzi li la jimplikaw qerq u lanqas negliġenza fis-sens tal-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 239 tal-KDK.

38

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

39

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li hija dispożizzjoni li tippreċiża u żżid fuq ir-regola prevista fl-Artikolu 239 tal-KDK li tgħid li d-dazji fuq l-importazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimbors jew ta’ maħfra f’sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza manifesta min-naħa tal-persuna kkonċernata, jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità intiża, b’mod partikolari, sabiex tkopri sitwazzjonijiet eċċezzjonali li, fihom infushom, ma jaqgħux taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikoli 900 sa 904 tar-Regolament ta’ implementazzjoni (sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Trans-Ex-Import, C‑86/97, EU:C:1999:95, punt 18). Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li r-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa suġġett għal fatt li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari u, it-tieni, l-assenza ta’ negliġenza manifesta u ta’ qerq min-naħa tal-persuna kkonċernata (sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Aslantrans vs Il-Kummissjoni, T‑282/01, T‑282/01, EU:T:2004:42, punt 53). Konsegwentement, huwa biżżejjed li ma tiġix issodisfatta waħda miż-żewġ kundizzjonijiet sabiex ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni jkollu jiġi rrifjutat (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, T‑75/95, EU:T:1996:74, punt 54, u tat-12 ta’ Frar 2004, Aslantrans vs Il‑Kummissjoni, T‑282/01, EU:T:2004:42, punt 53).

40

Sabiex jiġi stabbilit jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża jikkostitwixxux sitwazzjoni partikolari li la jimplikaw negliġenza manifesta u lanqas qerq min-naħa tal-persuna kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fatti rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Oryzomyli Kavallas u Oryzomyli Agiou Konstantinou vs Il-Kummissjoni, 160/84, EU:C:1986:205, punt 16).

41

Dan l-obbligu jimplika, f’każ bħal dak inkwistjoni fejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa invokat, insostenn tat-talba tagħha għar-rimbors jew għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, l-eżistenza ta’ ċerti nuqqasijiet min-naħa tal-awtoritajiet doganali Latvjani u Ġermaniżi kif ukoll tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li l-Kummissjoni tevalwa, meta teżamina din it-talba, il-fatti kollha relatati maċ-ċertifikati kontenzjużi li saret taf bihom fil-qadi tal-funzjoni tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-imsemmi ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 90).

42

Din il-konklużjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-Artikolu 904c tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jipprovdi li dazji fuq l-importazzjoni m’għandhomx jiġu rrimborsati jew jinħafru meta “l-unika bażi” li fuqha tkun saret it-talba għar-rimbors jew għall-maħfra tkun il-preżentazzjoni, anki jekk in bona fide, għall-għoti ta’ trattament tariffarju preferenzjali, ta’ dokumenti li sussegwentement instabu li kienu foloz, iffalsifikati jew invalidi għall-għoti tal-imsemmi trattament. Fi kliem ieħor, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikati foloz, iffalsifikati jew invalidi ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 91).

43

Min-naħa l-oħra, ċirkustanzi oħra invokati insostenn ta’ talba għar-rimbors jew għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, bħall-kontroll inadegwat min-naħa tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistgħu jikkostitwixxu tali sitwazzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 92).

44

Issa, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK, hija ma tistax tinjora l-obbligu tagħha li tibbilanċja b’mod effettiv, minn naħa, l-interess tal-Unjoni fl-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali, kemm jekk tkun tal-Unjoni jew li torbot l-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-importatur in bona fede li ma jsofrix danni li jmorru lil hinn mir-riskju kummerċjali normali (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 93).

45

Dan l-ibbilanċjar jifforma l-bażi tal-istruttura tal-Artikolu 239 tal-KDK, li tikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità. Konsegwentement, fl-eżami ta’ talba għar-rimbors jew għall-maħfra ta’ dazji ta’ importazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax sempliċiment tevalwa l-imġiba u l-aġir tal-importatur u tal-esportatur. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, b’mod partikolari, l-effett tal-aġir tagħha fuq is-sitwazzjoni konkreta tal-każ inkwistjoni, fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ sorveljanza u kontroll (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 94).

46

Billi l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 239 tal-KDK huma kumulattivi, għandha tiġi eżaminata, qabelxejn, l-ewwel kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, u, sussegwentement, jekk ikun neċessarju, it-tieni kundizzjoni, dwar l-assenza ta’ qerq jew ta’ negliġenza manifesta.

Fuq il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari

47

Ir-rikorrenti qasmet l-ewwel parti tal-uniku motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, f’diversi lmenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li dawn l-ilmenti jiġu ttrattati flimkien.

48

Bħala osservazzjoni preliminari, għandu jitfakkar li ġie deċiż li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet min-naħa tal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz u tal-Kummissjoni, li jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjonijiet partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, għandha tiġi eżaminata, f’kull każ, in-natura reali tal-obbligi imposti fuq dawn l-awtoritajiet u fuq il-Kummissjoni, rispettivament, mil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T‑205/99, EU:T:2002:189, punt 117).

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-argument tar-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tal-uniku motiv huwa bbażat essenzjalment fuq it-teżi li tgħid li l-awtoritajiet doganali Latvjani ħarġu effettivament iċ-ċertifikati kontenzjużi. Id-diversi nuqqasijiet li tilmenta dwarhom ir-rikorrenti fil-konfront tal-awtoritajiet doganali Latvjani jikkostitwixxu indizji tal-fondatezza tat-teżi tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li s-sitwazzjoni partikolari li fiha hija tinsab tirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari dawk relatati man-nuqqasijiet li hija tattribwixxi lill-awtoritajiet doganali Latvjani.

50

Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-amministrazzjoni doganali Ġermaniża kisret l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-protokolli addizzjonali mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97, tat-13 ta’ Marzu 1997, dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217) Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kontenut tal-ittri tas-7 ta’ April u tas-7 ta’ Mejju 2003 u tar-rapporti tal-uffiċċju tal-investigazzjonijiet doganali Ġermaniżi, hija tilmenta li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kklassifikaw b’mod superfiċjali ċ-ċertifikati kontenzjużi bħala “foloz”. Hija tqis li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi astjenew milli jiċċaraw il-fatti, kemm direttament mal-amministrazzjoni doganali Latvjana, jew permezz tal-OLAF.

51

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li hija kkonkludiet li f’dan il-każ ma hemmx sitwazzjoni partikolari. Ir-rikorrenti ssostni wkoll, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ sorveljanza fis-sens tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u li hija kellha, skont ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, tiċċara l-fatti tal-każ.

52

L-indizji u l-argumenti invokati mir-rikorrenti huma b’mod partikolari s-segwenti.

53

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-timbri li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi għandhom “konkordanza evidenti” mat-timbri użati mill-awtoritajiet doganali Latvjani. Barra minn hekk, il-perizji mwettqa fuq iċ-ċertifikati ta’ moviment ippreżentati għall-importazzjonijiet fid-Danimarka juru li kien għall-inqas probabbli li t-timbri u l-firem li jinsabu fuqhom kienu awtentiċi.

54

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tweġibiet mibgħuta mill-awtoritajiet doganali Latvjani, fil-kuntest tal-kontroll a posteriori, kienu irregolari u ambigwi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta li l-fatt li l-awtoritajiet doganali Latvjani indikaw li ċ-ċertifikati kontenzjużi kienu “invalidi” juri li l-imsemmija awtoritajiet ipparteċipaw fil-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati. Għar-rikorrenti, ma huwiex koerenti li l-awtoritajiet doganali Latvjani ddeċidew dwar il-validità taċ-ċertifikati kontenzjużi, filwaqt li sostnew, fl-istess ħin, li l-imsemmija ċertifikati ma kinux jeżistux fir-reġistri tagħhom. Barra minn hekk, anki jekk iċ-ċertifikati kontenzjużi ma kinux jinsabu fir-reġistri tal-awtoritajiet doganali Latvjani, dan ma jikkostitwixxix prova li dawn kienu foloz. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-awtoritajiet doganali Latvjani ma kinux obbligati li jżommu reġistri. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, dawn ir-reġistri ma ġewx iddefiniti fit-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Latvjani.

55

It-tielet nett, il-fatt li t-tweġibiet tal-awtoritajiet doganali Latvjani ġew iffirmati mill-viċi direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani, is-Sur R., li, sussegwentement, ġie kkundannat fi proċeduri kriminali għal azzjonijiet illeċiti mwettqa fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu, iqiegħed fid-dubju l-saħħa probatorja ta’ dawn it-tweġibiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għal artikli tal-istampa li jgħidu li s-Sur R. u persuna oħra b’kariga għolja fi ħdan l-awtoritajiet doganali Latvjani ġew ikkundannati fi proċeduri kriminali għal azzjonijiet illeċiti mwettqa fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

56

Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li, matul il-perijodu rilevanti, kien hemm klima ta’ korruzzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni doganali Latvjana. Hija tinvoka f’dan ir-rigward diversi rapporti tal-Kummissjoni li jirreferu għall-istat ta’ korruzzjoni fil-Latvja (iktar ’il quddiem ir-“rapporti tal-Kummissjoni”).

57

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li ma għadux possibbli li l-fatti jiġu ċċarati. Hija ssostni li l-awtoritajiet doganali Latvjani ma wieġbux għat-talbiet tal-OLAF sabiex jipprovdulu dokumenti jew għamlu dan tardivament, liema fatt jirriżulta mill-iskambju tagħhom ta’ ittri. Skont ir-rikorrenti, l-awtoritajiet doganali Latvjani qerdu intenzjonalment it-timbri sabiex ineħħu l-provi li jimplikawhom fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi.

58

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-awtoritajiet doganali Latvjani jew l-uffiċċju tal-prosekutur Latvjan ma wettqux investigazzjoni juri li l-awtoritajiet doganali Latvjani kienu implikati fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi.

59

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija ssostni, essenzjalment, li l-indizji mressqa mir-rikorrenti ma jurux li l-awtoritajiet doganali Latvjani pparteċipaw fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi. Barra minn hekk, hija tqis li hija wettqet l-obbligi tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Hija tallega li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma tippermettilhiex tieħu serje ta’ azzjonijiet fil-konfront tal-amministrazzjoni doganali Latvjana li jimplikaw sorveljanza minn aġenti doganali affidabbli jew l-implementazzjoni ta’ sistema ċċentralizzata ta’ ħruġ ta’ ċertifikati ta’ oriġini u l-organizzazzjoni ta’ żjarat speċjali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni tajba tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

60

Il-Kummissjoni ma tikkontestax li kien hemm “konkordanza” bejn it-timbri li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi u dawk użati mill-awtoritajiet doganali Latvjani. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li l-perizji mwettqa fuq it-timbri kif ukoll fuq il-firem li jinsabu fuq iċ-ċertifikati ppreżentati għall-importazzjonijiet fid-Danimarka ma sarux fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi u ma waslux għal konklużjonijiet definittivi, iżda indikaw biss li probabbilment kienu timbri u firem awtentiċi. Ix-xebh bejn it-timbri u r-riżultati tal-perizji ma jippermettux li tinsilet konklużjoni definittiva dwar l-awtentiċità jew dwar il-falsità taċ-ċertifikati kontenzjużi.

61

Għal dak li jirrigwarda t-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Latvjani fil-kuntest tal-kontroll a posteriori, il-Kummissjoni tqis li dawn kienu ċari u neqsin minn ambigwità.

62

Għal dak li jirrigwarda l-kundanna kriminali tal-viċi direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani, is-Sur R., il-Kummissjoni tenfasizza li din ma għandha l-ebda konnessjoni mal-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi. Għaldaqstant, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi konkluż li l-awtoritajiet doganali Latvjani ħarġu jew ipparteċipaw fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tweġibiet mibgħuta mill-awtoritajiet doganali Latvjani f’data ulterjuri u ffirmati minn aġent doganali ieħor (ara l-punt 16 iktar ’il fuq) ikkonfermaw l-ittri tas-Sur R.

63

Għal dak li jirrigwarda r-rapporti tal-Kummissjoni li jsemmu klima ta’ korruzzjoni fi ħdan l-awtoritajiet doganali Latvjani, il-Kummissjoni tqis li tali sitwazzjoni ma tippermettix li jiġi preżunt li ċ-ċertifikati kontenzjużi nħarġu mill-awtoritajiet doganali Latvjani. Barra minn hekk, il-korruzzjoni li tissemma fl-imsemmija rapporti ma għandha l-ebda konnessjoni mat-trattament tariffarju preferenzjali.

64

Il-Kummissjoni ssostni, fl-aħħar nett, li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-awtoritajiet doganali Latvjani taw prova ta’ kollaborazzjoni tajba mal-OLAF u mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-kontroll a posteriori u tal-investigazzjoni tal-OLAF fil-Latvja, huma wieġbu għat-talbiet tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u għal dawk tal-Kummissjoni. L-ittri invokati mir-rikorrenti juru li l-awtoritajiet doganali Latvjani wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula f’terminu raġonevoli. Il-Kummissjoni tallega li, għalkemm l-awtoritajiet doganali Latvjani spjegaw li ma kienx possibbli għalihom li jibgħatu timbri awtentiċi, xejn ma jindika li dan huwa dovut għal intenzjoni min-naħa tagħhom li jaħbu aġir illegali.

65

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-awtoritajiet doganali Latvjani osservaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u li huma bagħtu tweġibiet sodisfaċenti, fit-termini previsti, lill-OLAF u lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni sabiex twettaq investigazzjonijiet iktar fil-dettall għal dak li jirrigwarda ċ-ċertifikati kontenzjużi. Hija ssostni wkoll li hija osservat l-obbligu tagħha ta’ sorveljanza għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tajba tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tfakkar li r-regoli dwar l-oriġini ta’ prodotti huma bbażati fuq fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ importazzjoni u dawk tal-Istat ta’ esportazzjoni.

66

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni li lanqas l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom. Fil-fatt, huma jinsabu marbuta bit-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Latvjani fil-kuntest tal-kontroll a posteriori. Minn ittra mibgħuta mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi bi tweġiba għal talba tar-rikorrenti jirriżulta wkoll li huma ċċaraw il-fatti.

67

Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattat u tal-ftehimiet konklużi skont dan it-Trattat, hija marbuta tiżgura l-applikazzjoni korretta minn pajjiż terz tal-obbligi li jkun daħal għalihom taħt ftehim konkluż mal-Unjoni permezz tal-metodi previsti mill-ftehim jew minn deċiżjonijiet meħuda skont dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 95).

68

Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll mill-protokolli relatati miegħu. L-Artikolu 110 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, kompost minn membri tal-Kummissjoni, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-membri maħtura mill-Gvern tal-Latvja, għandu l-obbligu li jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Mill-Artikolu 113 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li kull waħda mill-partijiet tista’ tirreferi lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kull tilwima dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-imsemmi ftehim. Mill-Artikolu 14, intitolat “Applikazzjoni”, tal-Protokoll Nru 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dwar l-assistenza reċiproka bejn awtoritajiet amministrattivi fil-qasam doganali, jirriżulta li:

“Il-ġestjoni ta’ dan il-protokoll hija fdata lill-awtoritajiet doganali ċentrali tal-Latvja, minn naħa, u lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni […], u, skont il-każ, lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra. Huma għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri u d-dispożizzjonijiet prattiċi kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu, billi jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli fis-seħħ fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Huma jistgħu jirrakkomandaw lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni l-emendi li, fl-opinjoni tagħhom, għandhom isiru għal dan il-protokoll.”

69

Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kummissjoni għandha ċerti prerogattivi.

70

B’hekk, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet doganali Latvjani, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kwalunkwe informazzjoni ta’ natura li tippermettilha tiżgura ruħha li l-leġiżlazzjoni doganali tkun qed tiġi applikata b’mod korrett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 100).

71

Il-Kummissjoni tista’ wkoll, skont l-Artikolu 3(3)(a) tal-Protokoll Nru 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, titlob lill-awtoritajiet doganali Latvjani jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jeżerċitaw sorveljanza fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li dwarhom ikunu jeżistu suspetti raġonevoli li qed iwettqu jew li wettqu operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 101).

72

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(3) u (4) tal-Protokoll Nru 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni debitament awtorizzati jistgħu jiġbru, fl-uffiċċji rispettivi tal-awtoritajiet doganali Latvjani, informazzjoni dwar l-operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u jistgħu jkunu preżenti matul l-investigazzjonijiet imwettqa fit-territorju Latvjan, bi qbil ma’ dawn l-awtoritajiet u skont il-kundizzjonijiet previsti minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 102).

73

Barra minn hekk, l-istess japplika għall-Artikolu 31(2) tal-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kif emendat mid-Deċiżjoni Nru 4/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Latvja, min-naħa l-oħra, tat-2 ta’ Diċembru 1998, dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi fid-Deċiżjoni Nru 1/97 tal-Kumitat Konġunt adottat skont il-Ftehim dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ akkumpanjament bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, minn naħa, u r-Repubblika tal-Latvja, min-naħa l-oħra (ĠU 1999, L 6, p. 10, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 4/98”), li jipprevedi li “[s]abiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta ta’ dan il-protokoll, [l-Unjoni] u l-Latvja għandhom joffru assistenza reċiproka lil xulxin, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom, għall-kontroll tal-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR.1 jew tad-dikjarazzjonijet tal-fattura u tal-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta fl-imsemmija dokumenti” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 103).

74

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tuża b’mod sħiħ il-prerogattivi tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tad-deċiżjonijiet u tal-protokolli adottati għall-implementazzjoni tiegħu, sabiex ma tonqosx mill-obbligi tagħha ta’ sorveljanza u kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-imsemmi ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 104).

75

Tali użu huwa iktar u iktar rilevanti f’dan il-każ peress li jeżistu indizji dwar l-implikazzjoni possibbli tal-awtoritajiet doganali Latvjani fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi, jiġifieri:

il-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi nbeda bħala konsegwenza tal-investigazzjoni tal-OLAF dwar l-importazzjonijiet ta’ drapp tal-għażel fid-Danimarka;

ir-rapport tal-OLAF isemmi tranżitu qasir ħafna tad-drapp tal-għażel f’maħżen doganali Latvjan sabiex tinħeba l-oriġini tal-merkanzija inkwistjoni;

il-perizji mwettqa fuq it-timbri u l-firem li jinsabu fuq iċ-ċertifikati użati għall-importazzjonijiet fid-Danimarka, wara r-rapport tal-OLAF, juru li dawn probabbilment kienu timbri u firem awtentiċi;

it-timbri li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi jixbhu ħafna t-timbri awtentiċi tal-awtoritajiet doganali Latvjani;

il-viċi direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani, is-Sur R., li ffirma ċ-ċertifikati kontenzjużi u l-ittri fil-kuntest tal-kontroll a posteriori, ġie kkundannat għal azzjonijiet illeċiti mwettqa fil-qadi ta’ dmirijietu;

l-awtoritajiet doganali Latvjani ma setgħux jipprovdu t-timbri oriġinali użati mill-uffiċċji tad-dwana kkonċernati, jiġifieri l-uffiċċji tad-dwana ta’ Jelgava u ta’ Bauska;

ir-rapporti tal-Kummissjoni jsemmu klima ta’ korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan l-awtoritajiet doganali Latvjani;

l-importazzjonijiet ta’ drapp tal-għażel li joriġina mil-Latvja żdiedu u qabżu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ dan il-pajjiż.

76

Fil-fatt, fid-dawl ta’ dawn l-indizji, it-tweġibiet tal-awtoritajiet doganali Latvjani huma insuffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċertifikati kontenzjużi kinux awtentiċi jew foloz. Huwa minnu li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, l-indizji pprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-awtoritajiet doganali Latvjani kienu pparteċipaw fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi. Madankollu, fid-dawl tal-indizji kollha msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni kellha tagħmel użu mill-prerogattivi tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u twettaq verifika iktar iddettaljata minn dik mwettqa f’dan il-każ.

77

Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha l-obbligu titlob kjarifiki dwar l-investigazzjonijiet li kienu twettqu mill-awtoritajiet doganali Latvjani sabiex tiċċara l-fatti tal-każ.

78

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha titlob għal liema dokumenti kienu jikkorrispondu n-numri li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi, jekk il-firem li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi kinux jikkorrispondu għall-persuni li jaħdmu għall-awtoritajiet doganali Latvjani u, fil-każ ta’ tweġiba affermattiva, jekk dawn il-persuni kinux effettivament iffirmaw iċ-ċertifikati kontenzjużi.

79

It-tieni nett, mill-iskambju ta’ ittri bejn l-OLAF u l-awtoritajiet doganali Latvjani jirriżulta li dawn tal-aħħar ma setgħux jipprovdu t-timbri awtentiċi relatati maċ-ċertifikati kontenzjużi, għar-raġuni li huma kienu qerduhom.

80

Madankollu, minkejja li l-awtoritajiet doganali Latvjani ma kinux obbligati jżommuhom, huwa rilevanti li jiġi osservat li hija l-komunikazzjoni tal-eżemplari tat-timbri u tal-firem użati fl-uffiċċji tad-dwana kkonċernati li tippermetti li ssir sorveljanza effettiva tal-osservanza tar-regoli doganali relatati mal-preferenzi tariffarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 117).

81

L-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi applikat b’mod korrett jeżiġi li hija, u, permezz tagħha, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, jkollha, f’kull ħin, l-elementi kollha li jistgħu jippermettulha twettaq kontroll effettiv, u l-eżemplari tat-timbri u tal-firem bla dubju jikkostitwixxu tali elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 118).

82

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma rċevietx it-timbri mitluba fil-kuntest tal-kontroll a posteriori u la talbet u lanqas eżaminat il-firem li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi.

83

It-tielet nett, għandu jiġi osservat li mill-proċess ma jirriżultax jekk l-awtoritajiet doganali Latvjani wettqux jew le spezzjonijiet fil-konfront tal-esportaturi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 32(3) tal-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 4/98, jirriżulta li l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni “għandhom id-dritt jitolbu kwalunkwe prova u jwettqu kwalunkwe verifika tal-kontijiet tal-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li huma jqisu li tkun xierqa”. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha, speċjalment jekk eżami tat-timbri u tal-firem ma kienx possibbli, titlob lill-awtoritajiet doganali Latvjani jekk tali verifiki kinux saru u, jekk le, għalfejn.

84

Huwa minnu li l-Artikolu 32(3) tal-Protokoll Nru 3, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u dwar il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jimponix fid-dettall fuq l-Istat ta’ esportazzjoni kif dan għandu jwettaq kontroll a posteriori ta’ ċertifikati ta’ moviment. Madankollu, din id-dispożizzjoni tippresupponi li, fid-dawl tal-konsegwenzi finanzjarji għall-importatur u taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha li dan il-kontroll jitwettaq b’mod affidabbli u kuxjenzjuż, u dan iktar u iktar għaliex fil-punt 4 tar-rapport tal-OLAF, intitolat “Konklużjonijiet”, jingħad li ġej:

“Din il-kawża wriet, għal darb’oħra, li, fil-kuntest ta’ każijiet ta’ frodi kumplessi, huwa iktar utli u iktar effikaċji jekk wieħed ma jafdax esklużivament fuq il-proċeduri amministrattivi applikabbli (bħal, f’dan il-każ, il-proċedura ta’ kontroll a posteriori) iżda jipprova jiċċara l-aspetti kollha tal-kawża fuq il-post u b’kollaborazzjoni stretta mal-awtoritajiet kompetneti tal-pajjiż terz ikkonċernat. Dan il-mod ta’ kif wieħed jaġixxi jwassal, b’mod partikolari, sabiex id-diversi pajjiżi jitgħallmu kif għandhom jipproċedu fil-kuntest ta’ tali investigazzjonijiet u jkunu jafu l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji għall-kjarifika u għall-prosekuzzjoni ta’ reati fil-Komunità, biex b’hekk ikunu f’qagħda aħjar sabiex jevalwaw il-bżonnijiet tal-Istati Membri fil-każ ta’ avvenimenti simili u jwettqu konsegwentement investigazzjoni tagħhom stess.”

85

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni kienet użat b’mod sħiħ il-prerogattivi li hija kellha fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta tal-imsemmi ftehim, in-natura awtentika jew falza taċ-ċertifikati kontenzjużi setgħet tiġi stabbilita b’iktar ċertezza.

86

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita minn protokoll li jistabbilixxi, f’anness ma’ ftehim konkluż bejn l-Unjoni u Stat terz, regoli li jikkonċernaw l-oriġini ta’ prodotti hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ importazzjoni u dawk tal-Istat ta’ esportazzjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ (ara l-punt 75 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kellha tagħmel użu mill-prerogattivi tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni minkejja t-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Latvjani fil-kuntest tal-kontroll a posteriori. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni li tqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar l-oriġini taċ-ċertifikati kontenzjużi.

88

Fl-assenza ta’ tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni f’dan il-każ. Għaldaqstant, it-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Latvjani fil-kuntest tal-kontroll a posteriori kienu biss dikjarazzjonijiet qosra li ma jippermettux lill-Kummissjoni tnissel konklużjonijiet dwar l-implikazzjoni jew le tal-aġenti tal-awtoritajiet doganali Latvjani fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi. Dan japplika wkoll għall-konferma tat-tweġiba mibgħuta lir-rikorrenti mill-awtoritajiet doganali Latvjani (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), li mill-proċess jirriżulta li din ma kinitx ir-riżultat ta’ eżami mill-ġdid ġenwin tal-fajl miftuħ mill-awtoritajiet doganali Latvjani dwar iċ-ċertifikati kontenzjużi. Fil-fatt, mill-imsemmija tweġiba jirriżulta li l-imsemmi fajl kien diġà ntbagħad lill-OLAF.

89

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’mod partikolari li l-Kummissjoni setgħet twettaq perizji fuq it-timbri u l-firem li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi u, skont il-każ, titlob kjarifiki dwar il-mod kif kien twettaq il-kontroll a posteriori, sabiex tiddetermina jekk hija kellhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni f’dan il-każ jew jekk kellhiex tidħol f’iktar dettall fl-investigazzjonijiet tagħha.

90

Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha informazzjoni suffiċjenti li tippermettilha tevalwa s-sitwazzjoni.

91

Il-Kummissjoni żbaljat ukoll meta hija kkonstatat, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[hija kienet] wettqet l-obbligi ġenerali kollha tagħha ta’ sorveljanza taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni billi twettaq kontrolli annwali, li r-riżultati tagħhom [kienu] ippubblikati fir-rapporti [tal-Kummissjoni]”. Fil-fatt, hija kellha l-obbligu tieħu miżuri konkreti f’dan il-każ.

92

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li l-investigazzjoni dwar iċ-ċertifikati kontenzjużi kienet ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u li l-OLAF ma kienx ġie adit minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ġiet informata bl-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u li għalhekk hija setgħet titlobhom iwettqu investigazzjonijiet supplimentari jew tmexxi tali investigazzjonijiet hija stess sabiex tiżgura ruħha li hija kellha fajl li fih informazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK.

93

Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-awtoritajiet doganali nazzjonali li wettqu l-investigazzjonijiet ma ħadux ċerti miżuri istruttorji ma jimplikax li l-Kummissjoni setgħet, fl-assenza ta’ tali miżuri, tikkonkludi li r-rikorrenti ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK.

94

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tal-uniku motiv, ibbażata fuq ksur tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, għandha tintlaqa’.

95

Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 239 tal-KDK, issa għandha tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni, dwar l-assenza ta’ qerq jew ta’ negliġenza manifesta min-naħa tar-rikorrenti.

Fuq il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ qerq jew ta’ negliġenza manifesta min-naħa tal-importatur

96

Ir-rikorrenti ssostni li hija kkonkludiet il-kuntratti tagħha mal-esportaturi Latvjani skont il-prattiki kummerċjali kurrenti u li konsegwentement hija wettqet l-importazzjonijiet kontenzjużi. Hija tenfasizza li l-oneru tal-prova tan-negliġenza manifesta jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

97

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li hija ma kellha l-ebda esperjenza ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż li jibbenefika minn sistema preferenzjali. Madankollu, hija tosserva li hija qatt ma ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi tal-protokolli u tal-annessi, kienu kumplessi u, għaliha, inkomprensibbli. Hija tinnota li hija ma kellha l-ebda dritt ta’ skrutinju fuq il-mod kif l-awtoritajiet doganali Latvjani kompetenti kienu japplikaw b’mod konkret il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fil-prattika tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, hija ma kinitx taf jekk, u sa liema estent, il-Kummissjoni kinitx tikkontrolla, skont l-obbligi tagħha, l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fil-Latvja. Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx taf dwar u ma kellhiex influwenza fuq in-nuqqasijiet u l-ommissjonijiet serji tal-awtoritajiet kompetenti li ġew ikkonstatati wara li seħħew il-fatti, u li hija kienet sorpriża bl-avviż ta’ ffissar tad-dazji doganali.

98

Ir-rikorrenti tqis li hija wriet id-diliġenza mitluba. Hija ssostni li ma kellha l-ebda dubju dwar ir-regolarità tal-esportazzjonijiet mil-Latvja mwettqa taħt sistema preferenzjali u li din hija r-raġuni għalfejn l-investigazzjonijiet kriminali mibdija kontra ż-żewġ amministraturi tagħha għal dokumenti ffalsifikati u frodi fiskali rriżultaw li ma kinux iġġustifikati. Ir-rikorrenti tallega b’mod partikolari, fir-replika, li d-dikjarazzjoni “oriġini mir-Russja” (“origin of Russia”) f’ittra li tirrigwarda d-drapp tal-għażel importat bis-saħħa taċ-ċertifikati kontenzjużi ma turix negliġenza manifesta min-naħa tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni semmiet din id-dikjarazzjoni barra mill-kuntest tagħha. In-noti ta’ kunsinna tal-merkanzija inkwistjoni ma jħallu l-ebda dubju dwar l-oriġini Latvjana tagħha. Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni “oriġini mir-Russja” li tinsab fl-ittra, dan huwa żball imwettaq minn impjegat tar-rikorrenti. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni kienet tikkostitwixxi l-metodu abitwali li bih tiġi indikata kwalità partikolari tad-drapp tal-għażel.

99

Il-Kummissjoni tallega li r-rikorrenti kienet taf li d-drapp tal-għażel li hija kienet timporta kien ta’ oriġini Russa u mhux ta’ oriġini Latvjana. Dan jirriżulta mid-digriet tal-Landgericht München (qorti reġjonali ta’ München) tat-30 ta’ April 2009, fil-proċeduri kriminali kontra d-direttur eżekuttiv tar-rikorrenti. Għalhekk, negliġenza manifesta tista’ tiġi imputata lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi dwar il-veraċità tal-ispjegazzjoni dwar id-dikjarazzjoni “oriġini mir-Russja” mogħtija mir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma wrietx id-diliġenza meħtieġa, peress li kien hemm indizji li jippermettulha tissuspetta li l-merkanzija inkwistjoni ma kinitx ta’ oriġini Latvjana u li, minkejja dan, hija ma kinitx ivverifikat l-oriġini tal-merkanzija, iżda kienet kompliet timportahom billi tuża l-eżenzjoni mid-dazji doganali taħt is-sistema preferenzjali.

100

Hemm lok, għall-Qorti Ġenerali, li jitfakkar li, meta l-awtoritajiet doganali jkunu kkonkludew li ma setax jiġi stabbilit li l-operatur ekonomiku kien wera qerq jew negliġenza manifesta, hija l-Kummissjoni li, meta jkollha l-intenzjoni li tinjora t-teħid ta’ pożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għandha tagħti prova, abbażi ta’ elementi fattwali rilevanti, tal-eżistenza ta’ aġir manifestament negliġenti tal-imsemmi operatur (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni, T‑324/10, EU:T:2013:136, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ċaħdu t-talba għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni tar-rikorrenti billi bbażaw ruħhom unikament fuq il-kundizzjoni dwar is-sitwazzjoni partikolari. Din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet, sussegwentement, appellata quddiem il-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München), li kkonkludiet li r-rikorrenti ma naqsitx milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ diliġenza (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Konsegwentement, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

101

Għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 239 tal-KDK, moqri flimkien mal-Artikolu 905(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, u kif tfakkar fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-elementi rilevanti kollha, inklużi dawk marbuta mal-aġir tal-operatur ikkonċernat, b’mod partikolari l-esperjenza professjonali tagħha, il-bona fide tagħha u d-diliġenza li tkun uriet.

102

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ negliġenza manifesta fis-sens tal-Artikolu 239 tal-KDK, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom ħoloq id-dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-operatur inkwistjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, EU:T:2005:339, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandhom jiġu eżaminati l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-analiżi tagħha relatata mat-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK.

104

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ diliġenza minħabba l-fatt li hija kienet importat il-merkanzija inkwistjoni minkejja li hija messha kienet taf li din ma kinitx ta’ oriġini Latvjana. Fid-deċiżjoni kkontestata tissemma wkoll laqgħa tal-grupp ta’ esperti li nżammet fit-8 ta’ Mejju 2014 fi ħdan il-kumitat tal-KDK, taqsima “Dejn doganali u garanziji”, skont l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li fiha kien ġie diskuss il-każ tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tal-grupp ta’ esperti”). Wara d-deċiżjoni kkontestata, il-Latvja allegatament ddikjarat li hija ma kinitx ħarġet iċ-ċertifikati kontenzjużi u li kienu jeżistu elementi “solidi” li juru li l-merkanzija inkwistjoni ma kinitx ta’ oriġini Latvjana. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet doganali Latvjani allegatament sostnew, waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti, li t-trasport tad-drapp tal-għażel kien seħħ f’diversi stadji unikament sabiex tinħeba l-oriġini reali tal-merkanzija u sabiex jintużaw dokumenti tat-trasport maħruġa fil-Latvja bil-għan li jiġi attestat b’mod falz li l-merkanzija kienet ta’ oriġini Latvjana.

105

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda analiżi tal-aġir tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-prova li r-rikorrenti messha kienet taf li l-merkanzija li hija kienet timporta ma kinitx ta’ oriġini Latvjana ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata. Din il-kwistjoni hija, barra minn hekk, il-kwistjoni prinċipali li tqum f’din il-kawża, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx taf li l-merkanzija inkwistjoni ma kinitx ta’ oriġini Latvjana. Il-fatt li din tal-aħħar ipprovat tibbenefika mis-sistema preferenzjali ma jurix li hija aġixxiet b’negliġenza manifesta.

106

Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni magħmula mill-awtoritajiet doganali Latvjani waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti lanqas ma turi li r-rikorrenti kienet aġixxiet b’negliġenza manifesta. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-imsemmija laqgħa kienet inżammet fit-8 ta’ Mejju 2014, jiġifieri iktar minn tnax-il sena wara li ntemm il-perijodu rilevanti, liema fatt iqajjem dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni matul il-perijodu rilevanti, u b’mod partikolari dawk relatati mal-importazzjonijiet tar-rikorrenti, ġewx eżaminati b’mod konkret f’din il-kawża.

107

Barra minn hekk, il-fatt li l-merkanzija inkwistjoni kienu fi tranżitu permezz ta’ mħażen tad-dwana fil-Latvja, kif allegatament intqal mill-awtoritajiet doganali Latvjani waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti, ma huwiex fatt rilevanti sa fejn dan issemma biss fir-rapport tal-OLAF, jiġifieri wara l-perijodu rilevanti. Barra minn hekk, dan il-fatt, anki jekk jiġi preżunt stabbilit, juri biss irregolaritajiet li jistgħu jiġu imputati kemm lill-awtoritajiet doganali Latvjani kif ukoll lir-rikorrenti jew lil operaturi oħra kkonċernati.

108

Minbarra dan, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti li d-dikjarazzjoni magħmula mill-awtoritajiet doganali Latvjani waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tiġi kkorroborata jew ivverifikata. Għandu jiġu osservat, barra minn hekk, li dikjarazzjoni identika tinsab fl-ittra tal-14 ta’ Marzu 2014 li fiha l-Kummissjoni kienet informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni sfavorevoli fil-konfront tagħha (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Madankollu, f’din l-ittra, il-Kummissjoni ma tiċċitax bħala sors l-awtoritajiet doganali Latvjani, iżda d-digriet tal-Finanzgericht München (qorti tal-finanzi ta’ München) tat-30 ta’ April 2009, li, min-naħa tiegħu, jirreferi għar-rapport tal-OLAF.

109

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir tar-rikorrenti kkostitwixxa nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tagħha.

110

Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-Kummissjoni ssemmi fid-difiża tagħha, li jgħid li r-rikorrenti kienet manifestament negliġenti minħabba l-fatt li wieħed mill-impjegati tagħha semma “oriġini mir-Russja” f’ittra, għandu jiġi kkonstatat li din il-kunsiderazzjoni tikkostitwixxi tentattiv ta’ motivazzjoni tardiva tad-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, hija inammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 463, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs il-Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 139).

111

Fi kwalunkwe każ, din iċ-ċirkustanza waħedha ma tippermettix li tintwera negliġenza manifesta min-naħa tar-rikorrenti.

112

Billi l-Kummissjoni ma tatx prova, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 100 u 102 iktar ’il fuq, tal-assenza ta’ diliġenza tar-rikorrenti u, għaldaqstant, tan-negliġenza manifesta tagħha, it-tieni parti tal-uniku motiv, ibbażata fuq ksur tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ negliġenza manifesta min-naħa tal-importatur, għandha, għaldaqstant, tintlaqa’ wkoll.

113

Jirriżulta minn dan kollu li ntqal li r-rikors tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha, konsegwentement, tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

114

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

115

Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni C(2014) 4908 finali tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2014, li tiċħad it-talba ta’ Combaro SA għall-maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni fl-ammont ta’ EUR 461415.12, hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Combaro.

 

Prek

Schalin

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Lulju 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.