SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fiċ-Ċina — Dazju antidumping definittiv — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Distorsjoni sinjifikanti kkawżata mis-sistema ta’ qabel li ma kinitx tas-suq — Vantaġġi fiskali”

Fil-Kawża T‑586/14,

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, stabbilita f’Anhui (iċ-Cina), irrappreżentata minn Y. Melin u V. Akritidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, tat-13 ta’ Mejju 2014, li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament ikkontestat

1

Ir-rikorrenti, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, hija kumpannija stabbilita fiċ-Ċina, li tipproduċi hemmhekk u tesporta lejn l-Unjoni Ewropea ħġieġ solari msemmi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, tat-13 ta’ Mejju 2014, li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

2

Ir-rikorrenti għandha azzjonista waħda li hija l-kumpannija Xinyi Solar (Hong Kong) Ltd, stabbilita f’Hong Kong (iċ-Ċina) (iktar ’il quddiem “XsolarHK”), li hija kkwotata fil-Borża ta’ Hong Kong.

3

Fis-26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2013 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 316, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”).

4

Mir-regolament ikkontestat jirriżulta li l-proċedura, li fil-kuntest tagħha ġie adottat ir-regolament provviżorju, inbdiet fit-28 ta’ Frar 2013 wara lment imressaq f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-produzzjoni totali ta’ ħġieġ solari mwettqa fl-Unjoni (premessa 2 tar-regolament ikkontestat).

5

Mir-regolament ikkontestat jirriżulta wkoll li, wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom ġie deċiż li jiġi impost dazju antidumping provviżorju (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet provviżorji”), għadd ta’ partijiet ikkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet provviżorji (premessa 4 tar-regolament ikkontestat).

6

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarji sabiex tagħmel il-konklużjonijiet definittivi tagħha. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati ġew eżaminati u l-konklużjonijiet provviżorji ġew immodifikati skont dan (premessa 5 tar-regolament ikkontestat).

7

Sussegwentement, il-Kummissjoni informat lill-partijiet kollha, fosthom ir-rikorrenti, bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien hemm l-intenzjoni li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina u li jinġabru b’mod definittiv ammonti ddepożitati bħala dazju provviżorju (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet definittivi”). Ingħatalhom ukoll terminu sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet definittivi (premessa 6 tar-regolament ikkontestat).

8

Fil-21 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti ressqet talba ta’ ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“TES”) u fis-6 ta’ Ġunju 2013 ippreżentat ir-risposti tagħha għall-kwestjonarju antidumping tal-Kummissjoni.

9

Fil-21 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti rrispondiet għall-ittra tal-Kummissjoni li kienet titlobha tipprovdi informazzjoni addizzjonali.

10

L-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-formula ta’ talba għal għoti ta’ TES u r-risposti tagħha għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni ġew ivverifikati fis-sede Ċiniża tar-rikorrenti bejn il-21 u s-26 ta’ Ġunju 2013.

11

Fl-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju u f’Lulju 2013, ir-rikorrenti, bi qbil mal-Kummissjoni u skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, ipprovdiet informazzjoni addizzjonali.

12

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2013 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Awwissu 2013”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet tqis li ma tistax tilqa’ t-talba tagħha għal għoti ta’ TES, sempliċement minħabba li ma kinitx tissodisfa t-tielet kriterju għall-għoti ta’ dan l-istatus. Il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tressaq l-osservazzjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, l-erba’ kriterji l-oħra għall-għoti tal-TES ġew ikkunsidrati ssodisfatti mir-rikorrenti.

13

Fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

14

Fl-1 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ressqet l-osservazzjonijiet tagħha li l-Kummissjoni rrispondiet għalihom fid-deċiżjoni finali tagħha dwar it-talba għal għoti ta’ TES, tat-13 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2013”), li kkonfermat iċ-ċaħda tat-talba għal għoti tal-TES imressqa mir-rikorrenti.

15

Fl-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkunsidrat dan li ġej:

16

Wara l-iżvelar tal-konklużjonijiet provviżorji u, sussegwentement, wara n-notifika tal-konklużjonijiet definittivi, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta ċaħdet it-talba tagħha għal TES. Dan l-argument kien diġà sar fl-istadju provviżorju u kien ġie miċħud mill-Kummissjoni fil-premessi 43 u 47 tar-regolament provviżorju (premessa 32 tar-regolament ikkontestat).

17

Konsegwentement, il-konstatazzjonijiet esposti fil-premessi 34 sa 47 tar-regolament provviżorju, li t-talbiet kollha għal TES għandhom jiġu miċħuda, ġew ikkonfermati fir-regolament ikkontestat (premessa 34 tar-regolament ikkontestat).

18

Il-premessi 34 sa 47 tar-regolament provviżorju jipprovdu:

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19

B’att imressaq fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

20

Fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Kummissjoni, fil-kontroreplika, talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex ir-rikorrenti tiġi ordnata turi li kienet kisbet il-qbil ta’ kumpannija destinatarja ta’ dokument anness mar-replika sabiex tipproduċi dan id-dokument, peress li, fin-nuqqas ta’ tali qbil, dan id-dokument, relatat mar-raba’ motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, jkollu jiġi rtirat mill-proċess.

21

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali tal-proċedura.

22

Skont l-Artikolu 64(2)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali għamlet lill-partijiet domandi sabiex iwieġbuhom bil-miktub qabel ma tinżamm is-seduta.

23

Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-termini mogħtija.

24

Permezz ta’ ittra indirizzata lir-reġistratur tal-Qorti Ġenerali, fit-8 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kopja tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tat-12 ta’ Diċembru 1997, dwar it-trattament ta’ pajjiżi li ma kellhomx ekonomija tas-suq fil-proċeduri antidumping u dwar proposta ta’ Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [COM(97) 677 finali].

25

Fl-istess ġurnata, il-Qorti Ġenerali kkomunikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-prova prodotta mir-rikorrenti filwaqt li indikatilha li setgħet tieħu pożizzjoni dwar id-dokument inkwistjoni matul is-seduta.

26

Matul is-seduta tad-9 ta’ Settembru 2015, instemgħu s-sottomissjonijiet tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

27

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernaha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq il-produzzjoni tardiva tal-provi

29

Kif tfakkar fil-punt 24 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ddepożitat dokument fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, lejliet is-seduta, bħala prova ġdida.

30

Matul is-seduta, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali li ma tinkludix dan id-dokument fil-proċess, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa biss “[f]’każijiet eċċezzjonali, [li l]-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”.

32

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda element ta’ natura li jiġġustifika għaliex id-dokument inkwistjoni ġie prodott tard.

33

Madankollu, fl-ambitu tat-tilwima ddefinita mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax inkella tkun kostretta, f’ċerti każijiet, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen,T-58/08 P, Ġabra, EU:T:2009:385, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

B’mod partikolari, f’tilwima bejn il-partijiet għal dak li jikkonċerna, bħal f’dan il-każ, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet. Fil-fatt, skont il-prinċipju iura novit curia, id-determinazzjoni tat-tifsira tal-liġi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ dispożizzjoni libera tat-tilwima tal-partijiet li jiddeterminaw il-portata tal-kwistjoni bejniethom (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen, punt 33 iktar ’il fuq, EU:T:2009:385, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Issa, id-dokument inkwistjoni jikkostitwixxi dokument preparatorju fid-dawl ta’ emenda tal-kuntest leġiżlattiv applikabbli fiż-żmien li wassal għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”). Għalhekk, jista’ jirreleva punti ta’ liġi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti għall-interpretazzjoni, b’mod partikolari storika, tal-portata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

36

Għaldaqstant, it-talba tal-Kummissjoni li d-dokument ma jiġix inkluż fil-proċess għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

37

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, fejn l-ewwel wieħed minnhom huwa bbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, u ssostni li l-Kummissjoni żbaljat, meta fir-regolament bażiku kkunsidrat li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienu s-suġġett ta’ distorsjoni sinjifikanti li tirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

38

F’dan ir-rigward, preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-istess artikolu, il-valur normali huwa, fil-prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur stabbilit f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prezzijiet u spejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, Ġabra, EU:C:2012:471, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, fil-każ tal-investigazzjonijiet antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet li joriġinaw b’mod partikolari miċ-Ċina, il-valur normali jrid jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, għal ċerti produtturi, jekk ikun muri, fuq il-bażi tat-talbiet issostanzjati kif xieraq minn produttur wieħed jew iktar li jkunu suġġetti għall-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-istess paragrafu 7(ċ), illi jipprevalu l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi fir-rigward tal-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2012:471, punt 67).

40

L-introduzzjoni fir-regolament bażiku tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) ta’ dan tal-aħħar kienet immotivata mill-fatt li r-riformi mwettqa partikolarment fiċ-Ċina biddlu b’mod fundamentali l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż u wasslu għall-ħolqien ta’ impriżi suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, b’tali mod li dan il-pajjiż evita s-sistema ekonomika li kienet iġġustifikat ir-rikors sistematiku għall-metodu tal-pajjiż simili (sentenza Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2012:471, punt 68).

41

Madankollu, sa fejn, minkejja dawn ir-riformi, iċ-Ċina mhux dejjem tikkostitwixxi pajjiż b’ekonomija tas-suq li għall-esportazzjonijiet tiegħu japplikaw awtomatikament ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku, kull produttur li jkun jixtieq li jibbenefika minn dawn ir-regoli huwa obbligat skont il-paragrafu 7(ċ) tal-istess artikolu, li jipproduċi provi suffiċjenti, bħal dawk speċifikati f’din l-aħħar dispożizzjoni, li juru li huwa jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (sentenza Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2012:471, punt 69).

42

F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mit-TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku. Dan l-istess Artikolu 2(7)(ċ) jipprovdi li t-talba ppreżentata minn produttur bħal dan għandha tinkludi provi suffiċjenti, hekk kif speċifikati f’din l-aħħar dispożizzjoni, li huwa jopera f’ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jipprovaw li l-produttur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefika mill-imsemmi status [sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill,C‑249/10 P, Ġabra, EU:C:2012:53, punt 32].

43

Min-naħa l-oħra, huma l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni u li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur ikkonċernat humiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-kriterji stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huma sodisfatti sabiex dan jingħata l-benefiċċju tat-TES u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest [sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, punt 42 iktar ’il fuq, EU:C:2012:53, punt 32, u Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2012:471, punt 70].

44

F’dan il-każ, mit-termini tal-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Awwissu 2013, riprodotti fil-punt 13 iktar ’il fuq, mill-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2013, riprodotti fil-punt 15 iktar ’il fuq, kif ukoll mill-premessi 34 sa 47 tar-regolament provviżorju, riprodotti fil-punt 18 iktar ’il fuq, li r-regolament ikkontestat jirreferi għalihom fil-premessa 34 li kontenut tagħha huwa riprodott fil-punt 17 iktar ’il fuq, jirriżulta, li l-għoti ta’ TES ġie rrifjutat lir-rikorrenti mill-Kummissjoni unikament minħabba li ma kinitx issodisfat il-kriterju stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

45

Skont din id-dispożizzjoni, il-produttur għandu jressaq provi suffiċjenti ta’ natura li jistabbilixxu li jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, jiġifieri li “l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni [...] mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur [li tirriżulta] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun”.

46

Indipendentement mill-każ tal-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, negozju bl-iskambju tal-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun, li huma invokati fir-regolament bażiku bħala indikazzjoni biss, kif jirriżulta mit-terminu “b’mod partikolari”, u fi kwalunkwe każ ma humiex rilevanti f’dan il-każ, id-dispożizzjoni inkwistjoni tistabbilixxi kundizzjoni doppja, kumulattiva, dwar, minn naħa, l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni u, min-naħa l-oħra dwar il-fatt li l-imsemmija distorsjoni tirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

47

F’din il-kawża, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li vvizzjat ir-regolament kkontestat b’illegalità meta kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-vantaġġi fiskali li bbenefikat minnhom kienu jikkostitwixxu distorsjonijiet ikkawżati mis-sistema ekonomika li ma kinitx tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

48

F’dan is-sens, hija ssostni, essenzjalment, li t-terminu “[kkawżata]” jittraduċi l-permanenza ta’ element li kien jeżisti qabel, kif jirriżulta mill-evoluzzjoni tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, u li l-imsemmija vantaġġi ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt sistema fejn il-kummerċ huwa suġġett għal monopolju sħiħ jew kważi sħiħ u fejn il-prezzijiet interni huma stabbiliti mill-Istat, jiġifieri f’pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat.

49

Għall-kuntrarju, il-vantaġġi fiskali inkwistjoni ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ sistema ta’ ekonomija ċentralizzata u mhux tas-suq peress li, f’numru kbir ta’ ekonomiji tas-suq, dawn huma komuni sabiex jiġu attratti l-investimenti barranin u jiġu inkoraġġuti ċerti attivitajiet. Dan huwa l-każ fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-prassi tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ inkoraġġiment fiskali, b’mod li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fl-ittra tat-13 ta’ Settembru 2013, li skema ta’ tassazzjoni fuq id-dħul li tiffavorixxi ċerti kumpanniji jew ċerti setturi ekonomiċi li l-gvern jikkunsidra strateġiċi jimplika li l-iskema fiskali inkwistjoni ma hijiex dik ta’ ekonomika tas-suq, iżda għadha taħt l-influwenza stretta tal-pjanifikazzjoni tal-Istat.

50

Fir-rigward tal-iskema fiskali preferenzjali għall-kumpanniji b’holding barrani, ir-rikorrenti ssostni li ċ-Ċina tixtieq tattira l-kapital u l-investiment barrani, li jikkostitwixxi għan perfettament leġittimu u li huwa mfittex mill-pajjiżi kollha tad-dinja, inkluż il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni, fosthom l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju b’mod partikolari.

51

Skont il-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq interpretazzjoni purament litterali tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, bħal li kieku din hija klawżola ta’ esklużjoni ta’ kwalunkwe element wirt ta’ sistemi preċedenti, meta l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tittieħed inkunsiderazzjoni, permezz ta’ approċċ b’diversi faċċati, it-tranżizzjoni taċ-Ċina lejn ekonomija tas-suq.

52

L-ewwel nett, ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni tad-dħul tal-kumpannija, ta’ 15 % minflok ta’ 25 % għall-impriżi ta’ teknoloġija għolja, hija mogħtija skont id-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni Ċiniża, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-12 -il pjan fuq ħames snin fis-seħħ fiċ-Ċina, li jpoġġi l-enerġija solari voltajka bħala settur strateġiku emerġenti, u din ir-rata mnaqqsa ġiet adottata b’eżekuzzjoni tal-pjan nazzjonali għall-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku għal żmien medju u twil (2006-2020), b’mod li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li dan il-vantaġġ fiskali kien jirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

53

L-istess japplika għar-rata mnaqqsa applikabbli għall-kumpanniji b’holding barrani.

54

Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni, f’dan il-kuntest doppju, li ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq is-sempliċi fatt li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn diversi vantaġġi fiskali, iżda pjuttost fuq l-element mhux ikkontestat li tali trattament favorevoli kien dovut għall-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala impriża li tappartjeni lis-settur ta’ teknoloġija għolja u ta’ teknoloġiji ġodda u bħala kumpannija b’holding barrani.

55

L-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi ma kinitx l-espressjoni ta’ politika orizzontali intiża, b’mod partikolari, għat-titjib tal-ambjent, insostenn tal-iżvilupp reġjonali jew għall-promozzjoni ta’ kwalunkwe oġġettiv ieħor ta’ interess komuni fil-kuntest ta’ ekonomija tas-suq, iżda, “l-inkarnazzjoni ta’ sistema ta’ ekonomija mhux tas-suq”.

56

Barra minn hekk, l-evokazzjoni mir-rikorrenti tal-politika fiskali tal-Istati Membri hija kompletament żbaljata, peress li, għalkemm, ċertament, ċerti Stati Membri jagħtu vantaġġi fiskali għal attivitajiet partikolari, dawn il-vantaġġi qatt ma jkunu jikkonċernaw it-totalità tad-dħul tal-impriżi inkwistjoni u ma jistgħux jingħataw biss minħabba li l-investiment huwa barrani.

57

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni, f’dak li jikkonċerna t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jibbenefikaw l-impriżi tas-settur tat-teknoloġija għolja u ta’ teknoloġiji ġodda, li ma bbażatx ruħha fuq il-fatt li din il-miżura kienet marbuta mal-pjanijiet fuq ħames snin stabbiliti miċ-Ċina sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova li kellha fir-rigward tat-tielet kriterju għal għoti ta’ TES. Madankollu, il-fatt li l-miżura toriġina fil-pjanijiet ta’ ħames snin kien indizju rilevanti li, flimkien ma’ elementi oħra, bħall-istatus taċ-Ċina bħala pajjiż mingħajr ekonomija tas-suq, l-istatus privileġġat tas-settur li taqa’ taħtu r-rikorrenti, in-natura u l-portata tal-iskemi fiskali inkwistjoni u l-assenza ta’ prova tal-kuntrarju, wassluha sabiex tikkonkludi li dawn l-iskemi kienu ta’ natura li joħolqu distorsjonijiet.

58

Ir-rikorrenti tinterpreta ħażin id-distinzjoni essenzjali li teżisti bejn is-sostenn għal attività partikolari u s-sostenn tal-attivitajiet kollha eżerċitati minn impriża li tagħmel parti minn settur li l-Istat iddeċieda li jipprivileġġa meta mqabbel mas-setturi l-oħra kollha. Issa, it-trattament fiskali favorevoli li r-rikorrenti bbenefikat minnu jaqa’ taħt din l-aħħar kategorija u ma jinsabx fost il-miżuri adottati f’ekonomija tas-suq.

59

F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod iktar partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali diskrezzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. L-istess japplika għas-sitwazzjonijiet fattwali, ta’ ordinament ġuridiku u politiku li jimmanifestaw ruħhom fil-pajjiż ikkonċernat u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jevalwaw sabiex jiġi ddeterminat jekk esportatur jaġixxix fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr intervent sinjifikattiv mill-Istat u jkun jista’, sussegwentement, jibbenefika minn TES. Madankollu, għalkemm, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali u, b’mod partikolari, ta’ miżuri antidumping, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet tal-Unjoni, ħlief fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter, hija għandha minkejja dan tiżgura ruħha li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa [ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill,T‑156/11, Ġabra, EU:T:2012:431, punti 182 sa 184 u l-ġurisprudenza ċċitata].

60

F’dan is-sens, ġie deċiż, fir-rigward tan-natura eċċezzjonali tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku, li l-eżiġenza ta’ interpretazzjoni stretta ma tistax tippermetti lill-istituzzjonijiet li jinterpretaw u japplikaw din id-dispożizzjoni b’mod inkompatibbli mal-kliem u l-għan ta’ din tal-aħħar (sentenza Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2012:471, punt 93).

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-kwistjoni li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-ewwel motiv hija dik dwar jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l-argumenti li hija ressqet sabiex turi li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma kienu s-suġġett ta’ ebda distorsjoni li tirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, għall-finijiet tal-għoti ta’ TES, minkejja l-iskemi fiskali inkwistjoni li hija bbenefikat minnhom.

62

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija manifestament żbaljata.

63

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-vantaġġi kkawżati minn ekonomija mhux tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, ma jistgħux jinkludu kwalunkwe vantaġġ mogħti mill-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi, ħlief sabiex jiġi kkontestat l-effett utli u l-portata illustrattiva tal-eżempji mogħtija f’din id-dispożizzjoni.

64

Mill-kliem tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jirriżulta li d-distorsjonijiet tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi għandhom jirriżultaw mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq. Id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament bażiku jikkonfermaw li t-terminu “[kkawżata]” – b’mod partikolari “carried over” fl-Ingliż, “infolge” fil-Ġermaniż, “voortvloeien” bl-Olandiż u “derivanti” fit-Taljan – ifisser li s-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq għandha tkun ikkawżat jew wasslet għad-distorsjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, il-vantaġġi li wasslu għall-allegati distorsjonijiet ma jistgħux jinkludu kwalunkwe vantaġġ maħluq mill-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi, iżda unikament dak li jirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

65

Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma kkawżati mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens li jirriżultaw minnha jew huma l-konsegwenza tagħha.

66

Fil-fatt, huwa magħruf li l-pajjiżi ta’ ekonomija tas-suq ukoll jagħtu lil impriżi vantaġġi fiskali fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali matul ċertu perijodu jew rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa, kif jirriżulta fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari mis-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑280/95, Ġabra, EU:C:1998:28, punt 2), tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑36/00, Ġabra, EU:C:2002:196, punt 4), jew tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑471/09 P sa C‑473/09 P, EU:C:2011:521, punt 6).

67

L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, bbażati fuq in-natura eċċezzjonali u l-illegalità suspetta ta’ dawn l-iskemi fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, ma jistgħux jikkontestaw l-eżistenza ta’ skemi fiskali li jixbhu lil dawk inkwistjoni fid-dawl tal-fatt li skemi fiskali komparabbli ġew adottati fil-kuntest ta’ ekonomija tas-suq. Fil-fatt, anki jekk vantaġġi fiskali, bħal rati ta’ tassazzjoni mnaqqsa, li jippreżupponu intervent mill-Istat huma suxxettibbli li jorjentaw l-aġir tal-impriżi f’direzzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-forzi preżenti f’ekonomija tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li tali miżuri jeżistu wkoll f’pajjiż ta’ ekonomija tas-suq. Għalhekk, bħala tali, l-eżistenza ta’ tali miżuri ma hijiex biżżejjed sabiex dawn jiġu kkwalifikati li jirriżultaw mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

68

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti li l-Kummissjoni ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta.

69

L-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq ir-rabta indiretta tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni għal diversi pjanijiet implementati fiċ-Ċina huwa bbażat fuq formaliżmu eċċessiv, peress li ż-żamma tal-imsemmija pjanijiet ma timplikax neċessarjament li l-imsemmija skemi jirriżultaw mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq fiċ-Ċina, ħlief biex jiġi kkunsidrat li l-miżuri kollha adottati fiċ-Ċina u relatati ma’ pjan jirriżultaw mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, li jneħħi kull effett utli mill-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku.

70

Sussegwentement, sabiex jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura allegatament mhux orizzontali tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni u tan-natura allegatament diskrezzjonali tal-għoti tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat li, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet b’mod ċar li l-imsemmija vantaġġi kienu mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti mhux fuq bażi ta’ diskrezzjoni, iżda meta kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi għall-għoti tagħhom, jiġifieri l-appartenenza tal-impriża inkwistjoni għas-settur ta’ teknoloġija għolja jew tal-oriġini barranija tal-kapital tagħha.

71

Fi kwalunkwe każ, mill-Artikolu 28 tal-Corporate income tax law of the Peoples’s Republic of China (liġi tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar it-tassazzjoni tad-dħul tal-impriżi) u mill-Artikolu 93 tal-mod ta’ applikazzjoni tagħha jirriżulta li l-vantaġġi fiskali mogħtija lill-impriżi li jappartjenu għas-settur ta’ teknoloġija għolja, bħar-rikorrenti, li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, huma mogħtija biss jekk ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet oġġettivi, jiġifieri, b’mod partikolari, li l-impriżi inkwistjoni joperaw fis-settur ta’ teknoloġiji ġodda avvanzati, li huma proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li l-prodotti jew servizzi tagħhom jaqgħu taħt il-kamp tas-setturi ta’ teknoloġija għolja speċifikament sostnuti mill-Istat, li l-ispejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp jilħqu ċertu perċentwal tal-ispejjeż totali, li d-dħul iġġenerat mill-imsemmija prodotti jew servizzi jilħaq ċertu perċentwal tat-totalità tad-dħul totali tagħhom u li n-numru tat-tekniċi tagħhom jirrappreżenta ċertu perċentwali tal-impjegati kollha.

72

Bl-istess mod, mill-Artikolu 27 tal-Corporate income tax law of the Peoples’s Republic of China u mill-Artikolu 88 tal-mod ta’ applikazzjoni tagħha jirriżulta li l-vantaġġi fiskali mogħtija lill-impriżi li l-kapital tagħhom huwa miżmum minn investituri barranin, bħar-rikorrenti, li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, huma mogħtija biss jekk ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet oġġettivi, jiġifieri, b’mod partikolari, li l-impriżi inkwistjoni jkunu attivi fi proġetti ta’ protezzjoni tal-ambjent fil-qasam tal-enerġija jew tal-preżervazzjoni tar-riżorsi akwatiċi, bħall-innovazzjoni teknoloġika għall-finijiet tal-ekonomija ta’ enerġija u ta’ tnaqqis ta’ ċerti emissjonijiet.

73

Għalhekk, il-vantaġġi fiskali inkwistjoni ngħataw lir-rikorrenti peress li tagħmel parti minn kategorija ta’ impriżi u mhux fuq titolu personali fuq bażi diskrezzjonarja, li mill-bqija l-Kummissjoni ammettiet matul is-seduta.

74

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tikkonvinċix meta ssostni li l-iskemi fiskali inkwistjoni ma għandhomx għanijiet leġittimi, bħall-protezzjoni tal-ambjent, is-saħħa pubblika jew l-iżvilupp reġjonali.

75

Fil-fatt ma jistax jiġi kkontestat li s-sostenn ta’ ċerti setturi ta’ attivitajiet, bħat-teknoloġija għolja, ikkunsidrati strateġiċi għal pajjiż partikolari, jikkostitwixxi għan leġittimu f’ekonomija tas-suq, indipendentement mill-kwistjoni tal-legalità tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

76

Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li l-għan li jiġi attratt investiment barrani jirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, peress li, minn naħa, dan huwa l-oġġettiv ta’ numru kbir ta’ pajjiżi suġġetti għal ekonomija tas-suq u, min-naħa l-oħra, dan l-oġġettiv jikkontradiċi, tal-inqas fit-teorija, mod ta’ organizzazzjoni ekonomika bbażata fuq il-proprjetà kollettiva jew Statali tal-impriżi suġġetti għal oġġettivi ta’ produzzjoni ddefiniti minn pjan ċentralizzat, li jikkaratterizza sistema ekonomika mhux tas-suq.

77

Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni għandhom effett mhux esklużivament fuq l-ispejjeż direttament relatati mal-għan intiż, iżda fuq ir-riżultat finanzjarju kollu tar-rikorrenti u għalhekk fuq is-sitwazzjoni ekonomika globali tagħha, ma jistax jirnexxi.

78

Fil-fatt, tali argument, anki fl-ipoteżi li huwa fondat, jista’ jitressaq utilment biss fir-rigward tal-importanza tad-distorsjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, iżda mhux jiġi kkunsidrat li l-imsemmija distorsjoni tirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, f’dan il-każ dik taċ-Ċina, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

79

Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar kienu s-suġġett ta’ distorsjoni li tirriżulta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, sabiex tirrifjuta li tagħtiha TES.

80

Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati t-tliet motivi l-oħra insostenn tar-rikors, u lanqas, għalhekk, li jiġi deċiż dwar it-talba tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, peress li din it-talba hija esklużivament relatata mar-raba’ motiv tar-rikors.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, tat-13 ta’ Mejju 2014, li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa annullat, sa fejn jikkonċerna lil Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Marzu 2016.

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.