SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Novembru 2016
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea — Trade mark figurattiva li tirrappreżenta linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Disinn ta’ superfiċje — Applikazzjoni ta’ disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar ta’ prodott”
Fil-Kawża T‑579/14,
Birkenstock Sales GmbH, stabbilita fi Vettelschoß (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Menebröcker u V. Töbelmann, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), inizjalment irrappreżentat minn G. Schneider u D. Walicka, sussegwentement minn D. Walicka, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-15 ta’ Mejju 2014 (Każ R 1952/2013‑1), dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea tat-trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin,
IL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla),
komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2014,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2014,
wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2015,
wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrenti, Birkenstock Sales GmbH, hija l-aventi kawża ta’ Birkenstock Orthopädie GmbH & Co. KG, li kisbet mill-uffiċju internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), fis-27 ta’ Ġunju 2012, reġistrazzjoni internazzjonali, ibbażata fuq trade mark Ġermaniża, li tirreferi b’mod partikolari għall-Unjoni Ewropea għat-trade mark figurattiva li ġejja: |
|
2 |
Fil-25 ta’ Ottubru 2012, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) irċieva notifika tar-reġistrazzjoni internazzjonali tas-sinjal inkwistjoni. |
|
3 |
Il-prodotti li għalihom intalbet il-protezzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 10, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
|
4 |
Fil-21 ta’ Novembru 2012, l-eżaminatur innotifika lir-rikorrenti dwar ir-rifjut provviżorju totali ex officio ta’ protezzjoni tat-trade mark internazzjonali fl-Unjoni. Ir-raġuni invokata insostenn ta’ dan ir-rifjut kienet l-assenza ta’ karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni għall-prodotti kkonċernati kollha, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1). |
|
5 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2013, wara li r-rikorrenti wieġbet għall-oġġezzjonijiet imqajma fin-notifika ta’ rifjut provviżorju, id-Diviżjoni ta’ Eżaminazzjoni kkonfermat, għall-istess raġuni mressqa qabel, ir-rifjut totali ta’ protezzjoni tat-trade mark internazzjonali fl-Unjoni. |
|
6 |
Fl-4 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 60 tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell, billi kkunsidra li s-sinjal inkwistjoni ma kienx ta’ karattru distintiv għall-prodotti inkwistjoni. |
|
8 |
Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, b’mod partikolari, li s-sinjal inkwistjoni kien jippreżenta linji mmewġa li kienu jinkroċjaw ma’ xulxin f’angolu rett f’sekwenza repetittiva li setgħet testendi għall-erba’ naħat tal-kwadru u, għalhekk, setgħet tiġi applikata għal kull superfiċje bi- jew tridimensjonali. Is-sinjal inkwistjoni jkun, għalhekk, immedjatament ipperċepit bħala rappreżentanti ta’ disinn ta’ superfiċje. |
|
9 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li kien magħruf li s-superfiċji tal-prodotti jew tal-ippakkjar tagħhom kienu mżejna b’disinni għal raġunijiet differenti, b’mod partikolari sabiex titjieb id-dehra estetika tagħhom u/jew minħabba kunsiderazzjonijiet tekniċi. |
|
10 |
Hija enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-konsumaturi medji ma kellhomx l-użanza jippreżumu l-oriġini kummerċjali ta’ prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-istess prodotti, tali sinjali jkollhom karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 biss jekk dawn jitbiegħdu b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur. Hija kkunsidrat li din il-ġurisprudenza kienet tapplika għall-kawża inkwistjoni, peress li s-sinjal inkwistjoni jista’ jinkorpora ruħu mad-dehra tal-prodotti inkwistjoni. |
|
11 |
Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal inkwistjoni kienet banali u li dan id-disinn ta’ superfiċje seta’ jsib ruħu fuq il-prodotti inkwistjoni kollha, li għalihom seta’ jkollu funzjoni estetika u/jew teknika. Fil-fehma tiegħu, l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal inkwistjoni ma kinitx titbiegħed b’mod sinjifikattiv, jew saħansitra ma kienet titbiegħed xejn, mill-użanzi tas-setturi kkonċernati. |
|
12 |
Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, probabbilment, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjal bħala sempliċi disinn ta’ superfiċje u mhux bħala l-indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali partikolari. |
It-talbiet tal-partijiet
|
13 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
L‑EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
15 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
16 |
Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell applika kriterji differenti minn dawk tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq it-trade mark internazzjonali fil-forma rreġistrata tagħha, jiġifieri dehra li s-superfiċje tagħha hija delinjata b’mod ċar u fejn ma tamalgamax ruħha mal-forma tal-prodotti, iżda hija kabret it-trade mark mingħajr ġustifikazzjoni u ddikjarat li din tal-aħħar setgħet tiġi riprodotta u kontinwata. |
|
17 |
Ir-reġistrazzjoni internazzjonali titlob protezzjoni għal trade mark figurattiva ta’ forma kwadra b’disinn astratt, li d-dehra tagħha hija fiha nnifisha kompleta, singulari u mhux tas-soltu. |
|
18 |
L-EUIPO jikkunsidra li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li s-sinjal inkwistjoni kien jirrappreżenta disinn ta’ superfiċje u li ma kienx ta’ karattru distintiv għall-prodotti inkwistjoni. |
Ġeneralitajiet
|
19 |
Skont l-Artikolu 154(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kull reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni hija suġġetta għal eżami relatat mar-raġunijiet assoluti għal rifjut, skont l-istess proċedura tal-applikazzjonijiet għal trade mark tal-Unjoni Ewropea. |
|
20 |
Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. |
|
21 |
Il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jfisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk li dan il-prodott jiġi distint minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, magħmul mill-konsumatur medju, għandu ta’ dawn il-prodotti jew servizzi (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C‑473/01 P u C‑474/01 P, EU:C:2004:260, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 25). Il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju, mistenni li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 26, u tal-10 ta’ Ottubru 2007, Bang & Olufsen vs UASI (Forma ta’ loud speaker), T‑460/05, EU:T:2007:304, punt 32]. |
|
23 |
Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-fatt li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, bħal fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, ikkostitwita minn sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew testwali, ma għandhomx l-użanza li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 30, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punti 26 u 27). |
|
24 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li hija biss trade mark tridimensjonali, li hija komposta mid-dehra tal-prodott stess, li titbiegħed, b’mod sinjifikattiv, min-norma jew mill-użanzi tas-settur ikkonċernat u, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ oriġini tagħha li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, EU:C:2006:20, punt 31, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 28). |
|
25 |
Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq, żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott irrappreżentat, hija valida wkoll meta t-trade mark inkwistjoni hija trade mark figurattiva magħmula mill-forma tal-imsemmi prodott. Fil-fatt, f’każ simili, it-trade mark lanqas ma tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodott li hija tirrappreżenta (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 29). |
|
26 |
Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll f’każ ta’ sinjal li jikkonsisti minn disinn fuq is-superfiċje ta’ prodott [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Glaverbel vs UASI (superfiċje ta’ folja tal-ħġieġ), T‑36/01, EU:T:2002:245, punt 23]. |
|
27 |
Dan japplika wkoll fil-każ ta’ trade mark figurattiva magħmula minn parti mill-forma tal-prodott li hija tirrappreżenta, sa fejn il-pubbliku rilevanti jipperċepiha immedjatament u mingħajr riflessjoni partikolari, bħala rappreżentazzjoni ta’ dettall partikolarment interessanti jew attraenti tal-prodott inkwistjoni, pjuttost milli bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tiegħu [sentenza tad-19 ta’ Settembru 2012, Fraas vs UASI (Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar), T‑50/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:442, punt 43]. |
|
28 |
Kif enfasizzat mill-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element determinanti għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza ma huwiex il-klassifikazzjoni tas-sinjal inkwistjoni bħala sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor, iżda l-fatt li dan jinkorpora ruħu mad-dehra tal-prodott li jirrappreżenta. |
Fuq il-pubbliku rilevanti
|
29 |
Il-Bord tal-Appell irrileva li l-prodotti inklużi fil-klassi 10 essenzjalment kienu jikkonċernaw żraben ortopediċi kif ukoll il-partijiet tagħhom. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li dawn il-prodotti setgħu jinxtraw b’mod ġenerali mill-konsumaturi mill-pubbliku ġenerali jew minn professjonisti tas-saħħa, u li kienu jintgħażlu bir-reqqa. |
|
30 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li l-prodotti “apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali; oġġetti ortopediċi; materjali għas-sutura, materjali għas-sutura għall-operazzjonijiet” huma essenzjalment indirizzati lill-professjonisti tas-saħħa, li jużaw grad ta’ attenzjoni mill-inqas medju fl-għażla tal-prodotti. |
|
31 |
Fl-aħħar nett, huwa kkunsidra li l-prodotti inklużi fil-klassijiet 18 u 25 kienu indirizzati lill-pubbliku ġenerali li juża livell ta’ attenzjoni medju waqt ix-xiri. |
|
32 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet li, barra minn hekk, ma humiex ikkonstestati mir-rikorrenti, għandhom jiġu rrikonoxxuti, ħlief għall-prodotti “ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda” u “ġild ta’ annimali, ġild oħxon ta’ annimali”, inklużi fil-klassi 18. Dawn il-prodotti huma prinċipalment intiżi għal pubbliku professjonali li juża dawn il-prodotti għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti oħrajn. |
Fuq l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-ġurisprudenza dwar it-trade marks li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti
|
33 |
Għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament applikax il-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti. |
|
34 |
Għal dan il-għan, l-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati l-karatteristiċi tas-sinjal inkwistjoni. |
|
35 |
Is-sinjal inkwistjoni jikkonsisti f’rappreżentazzjoni grafika, ta’ forma kwadra, magħmulha minn linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin b’tali mod li tinħoloq repetizzjoni tal-istess disinn vertikalment u orizzontalment. Din ir-rappreżentazzjoni ma għandhiex bordura. |
|
36 |
Kif irrilevat mill-Bord tal-Appell, is-sekwenza repetittiva tista’ testendi mingħajr limiti fl-erba’ naħat tal-kwadru u, għalhekk, tista’ tiġi applikata għal kull superfiċje bi- jew tridimensjonali. |
|
37 |
Għaldaqstant, dan jikkonsisti f’sinjal ikkostitwit minn sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom b’mod regolari u li huwa adattat, b’mod partikolari, biex jintuża bħala disinn ta’ superfiċje. |
|
38 |
Ċertament, kif enfasizzat mir-rikorrenti, fl-eżami tal-karattru distintiv ta’ sinjal, l-EUIPO għandu jagħmel riferiment għar-riproduzzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni flimkien mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, jekk ikun il-każ, għad-deskrizzjoni inkluża f’din l-applikazzjoni [sentenza tat-30 ta’ Novembru 2005, Almdudler-Limonade vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-luminata), T‑12/04, mhux ippubblikata, EU:T:2005:434, punt 42]. |
|
39 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, billi kkonstata li s-sekwenza repetittiva setgħet testendi mingħajr limiti għall-erba’ naħat tal-kwadru u għalhekk tiġi applikata għal kull superfiċje bi- jew tridimensjonali, l-EUIPO bbaża ruħu fuq il-karatteristiċi intrinsiċi tas-sinjal inkwistjoni, kif jirriżultaw mir-riproduzzjoni tat-trade mark internazzjonali. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkritikat li bbaża din l-evalwazzjoni fuq elementi li ma jirriżultawx mir-riproduzzjoni tas-sinjal inkwistjoni. |
|
40 |
Ir-rikorrenti ssostni li, jekk l-argument żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata kellu jiġi interpretat “b’mod letterali”, l-ebda trade mark figurattiva ma tkun tista’ tiġi rreġistrata, minħabba li kull trade mark figurattiva tista’, bħala prinċipju, tiġi estiża jew riprodotta mingħajr limiti u tintuża bħala disinn imqiegħed fuq is-superfiċje tal-prodotti. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, anki sinjal figurattiv li jirrappreżenta logo “klassiku” jista’ jiġi riprodott mingħajr limiti u jiġi użat bħala disinn ta’ superfiċje. Għalkemm il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq possibbiltà ta’ duplikazzjoni mingħajr limiti ta’ tali sinjal sabiex jikkunsidra li dan jiġi amalgamat mad-dehra tal-prodotti msemmija, tali approċċ ikun purament spekulattiv. |
|
42 |
Madankollu, meta sinjal stess huwa magħmul minn sekwenza repetittiva ta’ elementi, l-EUIPO għandu d-dritt jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dan is-sinjal sabiex jeżamina n-natura tiegħu u, b’mod partikolari, jekk dan huwiex sinjal li jamalgama ruħu mad-dehra tal-prodotti msemmija. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ibbaża r-raġunament tiegħu fuq analiżi tal-karatteristiċi intrinsiċi tas-sinjal inkwistjoni. Dan l-approċċ ma jistax jiġi kkritikat. |
|
43 |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-fatt li sinjal ġie indikat bħala trade mark figurattiva ma jfissirx li l-Bord tal-Appell ma jistax jikkonstata, mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li dan huwa disinn ta’ superfiċje (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2012, Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, T‑50/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:442, punt 51). |
|
44 |
Fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2012, Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar (T‑50/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:442, punti 46 u 47), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li l-EUIPO żnatura s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, billi kkunsidrat bħala disinn ta’ drapp trade mark li ntalab ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark figurattiva. |
|
45 |
Il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-disinn astratt ippreżentat fid-dehra li kienet tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni seta’ jkun id-disinn ta’ drapp (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2012, Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, T‑50/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:442, punt 51). Il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża kienu drappijiet jew prodotti magħmula mid-drappijiet jew li “setgħu” ikollhom superfiċji tad-drapp (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2012, Disinn iċċangjat bil-kuluri griż skur, griż ċar, iswed, beige, aħmar skur u aħmar ċar, T‑50/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:442, punt 47). |
|
46 |
Għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, skont il-ġurisprudenza li l-karattru distintiv ta’ sinjal għandu jiġi eżaminat b’riferiment għall-prodotti msemmija (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali għalhekk ma llimitatx ruħha għall-konstatazzjoni tal-fatt li d-dehra li kkostitwixxiet it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tikkostitwixxi disinn ta’ drapp, iżda eżaminat ukoll fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, jekk dawn setgħux ikollhom superfiċji tad-drapp. |
|
47 |
Għandu jiġi rrilevat li l-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża kienu drappijiet jew oġġetti tal-moda f’sens wiesa’, fejn huwa evidenti li ta’ spiss ikollhom disinni ta’ superfiċje. |
|
48 |
Għandu jiġi rrilevat f’dan il-każ li, il-prodotti indikati fit-trade mark internazzjonali huma, parzjalment, prodotti li ovvjament ta’ spiss ikollhom disinni ta’ superfiċje, bħall-oġġetti tal-moda fis-sens wiesa’ tal-kelma, u parzjalment, prodotti li fir-rigward tagħhom huwa inqas evidenti li ta’ spiss ikollhom disinni ta’ superfiċje. |
|
49 |
Tqum għalhekk id-domanda dwar liema huwa l-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk sinjal figurattiv, ikkostitwit minn sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom regolarment u li, għalhekk, jintuża speċifikament bħala disinn ta’ superfiċje, jistax effettivament jiġi kkunsidrat bħala disinn ta’ superfiċje għal prodott speċifiku. |
Fuq il-kriterju rilevanti sabiex trade mark figurattiva, li tikkonsisti f’sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom regolarment, tiġi kkunsidrata bħala disinn ta’ superfiċje għal prodott speċifiku
|
50 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, essenzjalment sostna li l-prodotti inkwistjoni kollha, jew l-ippakkjar tagħhom, setgħu jkollhom disinn ta’ superfiċje, kemm għal finijiet ta’ tiżjin, kemm għal finijiet tekniċi, sabiex tittejjeb id-dehra tagħhom. Huwa kkunsidra b’mod impliċitu li l-possibbiltà li jiġi applikat disinn ta’ superfiċje fuq il-prodotti inkwistjoni jew fuq l-ippakkjar tagħhom kienet biżżejjed sabiex tkun applikabbli l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti. |
|
51 |
Mistoqsi dwar dan il-punt matul is-seduta, l-EUIPO kkonferma li, fil-fehma tiegħu, sabiex tkun applikabbli f’dan il-każ il-ġurisprudenza dwar it-trade marks li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti, kien suffiċjenti li l-użu tas-sinjal inkwistjoni bħala disinn ta’ superfiċje fuq il-prodotti inkwistjoni jew fuq l-ippakkjar tagħhom ikun possibbli u li ma kienx neċessarju li dan ikun l-użu l-aktar probabbli tas-sinjal. |
|
52 |
Ir-rikorrenti kkonfermat, waqt is-seduta, li l-kriterju ta’ evalwazzjoni kellu jkun ħafna iktar strett u li s-sempliċi possibbiltà li s-sinjal inkwistjoni jiġi użat bħala disinn ta’ superfiċje fuq il-prodotti inkwistjoni jew fuq l-ippakkjar tagħhom ma setgħetx tkun suffiċjenti. |
|
53 |
L-ewwel nett, għandu jiġi identifikat il-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti hijiex applikabbli fil-każ ta’ użu possibbli ta’ sinjal, ikkostitwit minn sekwenza ta’ elementi li jirrepetu ruħhom regolarment u indikat bħala trade mark figurattiva, bħala disinn ta’ superfiċje fuq il-prodotti inkwistjoni stess (ara l-punti 54 sa 57 iktar ’il quddiem). Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat il-każ partikolari ta’ użu possibbli ta’ tali sinjal bħala disinn ta’ superfiċje mhux fuq il-prodotti inkwistjoni stess, iżda fuq l-ippakkjar tagħhom (ara l-punti 58 sa 68 iktar ’il quddiem). |
|
54 |
Sabiex jiġi ddeterminat il-kriterju rilevanti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li sinjal li jikkonsisti f’sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom regolarment jintuża speċifikament bħala disinn ta’ superfiċje. Għalhekk, bħala prinċipju teżisti probabbiltà, inerenti għal dan is-sinjal, li dan jintuża bħala disinn ta’ superfiċje, u dan indipendentement mill-indikazzjoni tiegħu mill-applikant għal trade mark bħala trade mark figurattiva, trade mark tridimensjonali, disinn ta’ superfiċje jew oħrajn. |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss meta l-użu ta’ disinn ta’ superfiċje jkun improbabbli fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni li tali sinjal ma jistax jiġi kkunsidrat bħala disinn ta’ superfiċje, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Fil-każijiet l-oħra, jista’ jiġi kkunsidrat li s-sinjal inkwistjoni, li għandu l-karatteristiċi tipiċi ta’ disinn ta’ superfiċje minħabba s-sekwenza repetittiva tal-elementi tiegħu, huwa effettivament disinn ta’ superfiċje. |
|
56 |
Fir-rigward tas-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Deichmann vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ forma ta’ V b’bordura bit-tikek) (T‑202/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:168), li ġiet invokata mill-EUIPO, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li l-Bord tal-Appell kien liberu li jibbaża l-eżami tiegħu tat-trade mark inkwistjoni fuq l-użu l-“iktar probabbli” tagħha. |
|
57 |
Għandu jiġi rrilevat li din is-sentenza ma kinitx dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal li jikkonsisti minn sekwenza repetittiva ta’ elementi. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-użu l-“iktar probbabli” kien dak għat-tiżjin jew għat-tisħiħ tal-prodotti inkwistjoni. Meta sinjal jikkonsisti minn sekwenza repetittiva ta’ elementi u, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tiegħu, jintuża speċifikament bħala disinn ta’ superfiċje, teżisti, bħala prinċipju, probabbiltà, inerenti għal dan is-sinjal, li dan jintuża bħala disinn ta’ superfiċje. Għal din ir-raġuni, huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li huwa biss meta l-użu ta’ disinn ta’ superfiċje huwa improbabbli fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni li tali sinjal ma jistax jitqies bħala disinn ta’ superfiċje, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni (ara l-punti 54 u 55 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li dan huwa kriterju oġġettiv li ma jiddependix minn intenzjonijiet kummerċjali tal-impriża kkonċernata. |
|
58 |
Konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-użu ta’ disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni jkunx possibbli, u mhux improbabbli, huwiex biżżejjed sabiex il-ġurisprudenza dwar sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti tkun applikabbli. |
|
59 |
L-EUIPO, essenzjalment, ikkonferma waqt is-seduta li l-possibbiltà li jintuża s-sinjal fuq l-ippakkjar tal-prodotti kienet suffiċjenti sabiex tkun applikabbli l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti inkwistjoni. |
|
60 |
Ir-rikorrenti, essenzjalment, ikkonfermat waqt is-seduta li, skont il-ġurisprudenza, il-forma tal-ippakkjar ta’ prodott setgħet tiġi assimilata mal-forma tal-prodott biss fil-każ ta’ prodotti li jeħtieġu ppakkjar għal raġunijiet marbuta man-natura stess ta’ dawn il-prodotti, minħabba li ma għandhomx forma intrinsika, bħal ma huma l-likwidi. |
|
61 |
Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, il-konsumaturi medji ma għandhomx bħala użanza li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom. |
|
62 |
Għandu jiġi eżaminat jekk din il-ġurisprudenza hijiex ukoll applikabbli għal sinjal indikat bħala trade mark figurattiva li tikkonsisti minn sekwenza repetittiva ta’ elementi u li hija intiża partikolarment sabiex tintuża bħala disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar ta’ prodott speċifiku. |
|
63 |
Għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza dwar it-trade marks li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti tapplika għat-trade marks tridimensjonali komposti mill-ippakkjar tal-prodotti, bħalma huma l-likwidi, li huma ppakkjati fil-kummerċ għal raġunijiet marbuta man-natura stess tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, EU:C:2006:20, punti 29 sa 31). Din il-ġurisprudenza hija valida wkoll meta t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija trade mark li tikkonsisti mill-aspett speċifiku tas-superfiċje tal-ippakkjar ta’ prodott likwidu (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 48). |
|
64 |
Isegwi li din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għal disinn ta’ superfiċje applikat fuq l-ippakkjar ta’ prodotti li huma ppakkjati fil-kummerċ għal raġunijiet marbuta man-natura stess ta’ dawn il-prodotti. |
|
65 |
Madankollu, ma hemmx lok li l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tiġi limitata għall-ippakkjar ta’ prodotti li għandhom neċessarjament ikunu ppakkjati għal raġunijiet marbuta man-natura stess ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti hija applikabbli għall-forma ta’ ppakkjar ta’ ħelwa mgeżwra (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punti 26 sa 29), u dan minkejja li ħelwa ma għandhiex bżonn neċessarjament ippakkjar individwali. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza hija applikabbli għall-forma ta’ pakkett tas-sigaretti [sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Philip Morris Products vs UASI (Forma ta’ pakkett tas-sigarretti), T‑140/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:272, punt 64], minkejja li s-sigaretti ma għandhomx neċessarjament ikunu ppakkjati għal raġunijiet marbuta man-natura stess ta’ dawn il-prodotti. Ma hemmx bżonn ta’ pakkett tas-sigaretti sabiex tingħata forma lill-prodott ippakkjat, peress li s-sigaretti għandhom il-forma tagħhom stess u ma humiex prodotti likwidi jew granulati. |
|
66 |
B’analoġija, il-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti tapplika wkoll għad-disinni ta’ superfiċje applikati fuq l-ippakkjar ta’ prodotti bħalma huma l-ħelu jew is-sigaretti. Għandu jiġi rrilevat li dawn huma prodotti li abitwalment jinbiegħu f’pakkett u li normalment jinħarġu mill-pakkett tagħhom biss eżatt qabel ma jiġu kkonsmati. |
|
67 |
Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ disinn ta’ superfiċje applikat fuq sempliċi ppakkjar għat-trasport. Fil-fatt, disinn ta’ superfiċje applikat fuq sempliċi ppakkjar għat-trasport ma jistax jiġi assimilat mad-dehra ta’ prodott. |
|
68 |
Il-kriterju, hekk kif iddefinit fil-punt 55 iktar ’il fuq għalhekk japplika, bħala prinċipju, ukoll fil-każ ta’ applikazzjoni bħala disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni, ħlief madankollu, għal sempliċi ppakkjar għat-trasport. |
|
69 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell kienx korrett japplika, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza dwar sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti. |
Fuq l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni
|
70 |
Fir-rigward tal-prodotti “xedd is-saqajn, anke oġġetti taż-żraben komdi u dawk għax-xogħol, rikreazzjoni, saħħa u sports, inklużi sandlijiet, sandlijiet tal-ġinnastika, krakar tat-tip flip flop, papoċċi, zukkletti, anke bis-suletti, speċjalment b’qiegħ baxx ifformat anatomiku, sapports tas-saqajn kif ukoll suletti tas-saqajn u inserzjonijiet taż-żraben ortopediċi, inserzjonijiet protettivi” fil-klassi 25, għandu jiġi rrilevat li ma hijiex użanza li jkollhom disinn ta’ superfiċje. Iż-żraben huma oġġetti tal-moda u għalhekk jista’ jkollhom disinn ta’ superfiċje għal finijiet estetiċi. Barra minn hekk, disinn ta’ superfiċje jista’ jiġi applikat fuq is-suletti ta’ barra tagħhom għal raġunijiet tekniċi. Fil-fatt, dawn is-suletti huma ta’ spiss iddisinjati sabiex itejbu l-aderenza taż-żarbuna mal-art, kif irrilevat mill-Bord tal-Appell fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
71 |
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li s-sinjal inkwistjoni ma huwiex adatt sabiex iwettaq funzjoni teknika sa fejn, min-natura tagħha, trade mark figurattiva jkollha żewġ dimensjonijiet. |
|
72 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-linji mmewġa li jikkostitwixxu s-sinjal inkwistjoni joħolqu effett ta’ dell li jagħti lil dan is-sinjal effett tridimensjonali. Fil-fatt, il-bordura ta’ dawn il-linji huwa iktar skur mill-parti li tinsab fin-nofs ta’ dawn il-linji. Kif issostni r-rikorrenti, huwa ċertament minnu li ntalbet l-applikazzjoni għat-trade mark internazzjonali inkwantu trade mark figurattiva f’żewġ dimensjonijiet u li l-applikazzjoni ma fiha l-ebda deskrizzjoni li twassal għall-konklużjoni li hija għandha elementi mqabbżin jew imnaqqxa. Madankollu, il-Bord tal-Appell kellu d-dritt jibbaża ruħu fuq il-karatteristiċi tas-sinjal inkwistjoni, b’mod partikolari fuq l-effett tad-dell maħluq mil-linji mmewġa, sabiex jiġi kkonstatat li dan is-sinjal seta’ wkoll jiġi applikat imqabbeż ’il barra. |
|
73 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, xejn ma jipprekludi lill-Bord tal-Appell milli, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal indikat bħala trade mark figurattiva, jieħu inkunsiderazzjoni użu possibbli tiegħu bħala forma tridimensjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, EE vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ tikek bojod fuq sfond avorju), T‑144/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:615, punt 40]. |
|
74 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi kontradizzjoni, peress li l-istess trade mark ma tistax tintuża kemm bħala disinn ta’ superfiċje bidimensjonali u bħala superfiċje tridimensjonali, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. |
|
75 |
Xejn ma jipprekludi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, użu bidimensjonali u, min-naħa l-oħra, użu tridimensjonali ta’ sinjal. Pereżempju, fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Rappreżentazzjoni ta’ tikek bojod fuq sfond avorju (T‑144/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:615, punti 40 u 43), il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, użu possibbli ta’ sinjal figurattiv li kien jirrappreżenta tikek bojod fuq sfond avorju fuq paġni stampati u fuq siti tal-internet (jiġifieri, użu bidimensjonali) u, min-naħa l-oħra, użu fil-forma ta’ blalen żgħar imqabbżin ’il barra li jintużaw sabiex is-superfiċje ta’ prodott tkun inqas tiżloq (jiġifieri, użu tridimensjonali). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda kontradizzjoni fuq dan il-punt. |
|
76 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti indikat, waqt il-proċedura amministrattiva u fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija kienet ilha tuża s-sinjal inkwistjoni għal iktar minn 40 sena. Mistoqsija dwar dan l-użu waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li dan l-użu kkonsista f’applikazzjoni tas-sinjal inkwistjoni fuq suletti ta’ barra taż-żraben u li d-disinn kien ikopri s-suletta kollha. Tali użu jikkonsisti f’użu ta’ dan is-sinjal bħala disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra. |
|
77 |
Ċertament, hekk kif enfasizzat mir-rikorrenti, fl-eżami tal-karattru distintiv intrinsiku ta’ sinjal, hemm lok li l-evalwazzjoni tiġi bbażata fuq il-karatteristiċi tas-sinjal inkwistjoni indipendentement minn kull użu konkret li jkun sar minnu. |
|
78 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti ma huwiex koerenti sa fejn hija ssostni, minn naħa, li t-trade mark internazzjonali tikkostitwixxi trade mark figurattiva “abitwali” bidimensjonali u mhux disinn ta’ superfiċje u, min-naħa l-oħra, li użu fuq is-suletti ta’ barra taż-żraben, jiġifieri bħala disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra, jikkostitwixxi użu tat-trade mark. |
|
79 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-uniku eżempju tal-użu tas-sinjal inkwistjoni mogħti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva huwa fotografija ta’ pannell bid-disinn inkwistjoni u li jservi bħala sfond ta’ wiri taż-żraben, riprodott fil-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata. Tali użu jikkonsisti ma’ użu tas-sinjal inkwistjoni f’forma bidimensjonali. Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-użu bħala sfond ta’ wiri taż-żraben, is-sinjal inkwistjoni ma ntużax f’forma kwadra, iżda ġie estiż għal kull naħa sabiex ikopri l-isfond kollu ta’ dan il-wiri. Għaldaqstant, dan huwa użu bħala disinn ta’ superfiċje bidimensjonali. |
|
80 |
Bid-dikjarazzjoni tagħha li kemm użu bħala sfond ta’ wiri taż-żraben kif ukoll użu fuq is-suletti ta’ barra taż-żraben jikkostitwixxi użu tat-trade mark internazzjonali, ir-rikorrenti impliċitament taċċetta li s-sinjal inkwistjoni jista’ jintuża kemm f’forma bidimensjonali kif ukoll f’forma tridimensjonali. |
|
81 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, imressaq waqt is-seduta, li hija beħsiebha tuża t-trade mark internazzjonali, fil-futur, fil-forma ta’ kwadru li jiġi applikat fuq partijiet tal-prodotti tagħha fejn il-pubbliku rilevanti jistenna, fil-fehma tagħha, li jsib trade marks, għandu jingħad dan li ġej. Hekk kif enfasizzat mir-rikorrenti stess, waqt l-eżami tal-karattru distintiv ta’ sinjal, l-EUIPO għandu jirreferi ruħu għar-riproduzzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni flimkien mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, jekk ikun il-każ, għad-deskrizzjoni inkluża f’din l-applikazzjoni (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). L-intenzjonijiet kummerċjali tal-applikant għal trade mark, li jistgħu jinbidlu biż-żmien u skont il-volontà tiegħu, huma fihom infushom irrilevanti. |
|
82 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta l-applikant għal trade mark li tirrappreżenta disinn iffurmat minn sekwenza repetittiva ta’ elementi jipprevedi użu speċifiku ta’ dan is-sinjal u jikkunsidra li s-sinjal inkwistjoni għandu karattru distintiv intrinsiku meta użat b’dan il-mod speċifiku (pereżempju, applikat fil-forma ta’ kwadru f’parti speċifika tal-prodotti inkwistjoni), huwa jista’ jitlob, pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ pożizzjoni, sabiex jiżgura ruħu li l-EUIPO jieħu inkunsiderazzjoni l-użu tad-disinn fil-forma speċifika prevista, waqt l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv. Hekk kif enfasizzat mill-EUIPO waqt is-seduta, madankollu, huwa ma jistax jibbaża d-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, jew dwar il-protezzjoni ta’ trade mark internazzjonali fl-Unjoni, fuq sempliċi wegħdiet ta’ applikant li juża t-trade mark b’ċertu mod. |
|
83 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma huwiex improbabbli li ż-żraben ikollhom disinn ta’ superfiċje, kemm għal finijiet estetiċi, kemm għal finijiet tekniċi. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ġustament applika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti għax-“xedd is-saqajn, anke oġġetti taż-żraben komdi u dawk għax-xogħol, rikreazzjoni, saħħa u sports, inklużi sandlijiet, sandlijiet tal-ġinnastika, krakar tat-tip flip flop, papoċċi, zukkletti, anke bis-suletti, speċjalment b’qiegħ baxx ifformat anatomiku, sapports tas-saqajn kif ukoll suletti tas-saqajn u inserzjonijiet taż-żraben ortopediċi, inserzjonijiet protettivi” inklużi fil-klassi 25. |
|
84 |
Konsegwentement, fir-rigward tal-“partijiet u aċċessorji ta’ xedd is-saqajn imsemmija, jiġifieri partijiet ta’ fuq taż-żraben, tkaken, suletti ta’ barra, suletti li jiddaħħlu fiż-żraben, partijiet tal-qigħan taż-żraben, anki suletti għall-appoġġ tal-vojt tas-saqajn, sapports tas-saqajn”, inklużi fil-klassi 25, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. |
|
85 |
Ma huwiex improbabbli li partijiet u aċċessorji ta’ xedd is-saqajn ikollhom disinn ta’ superfiċje. Fir-rigward is-“suletti ta’ barra”, disinn ta’ superfiċje, applikat b’mod imqabbeż ’il barra jista’ jservi sabiex itejjeb l-aderenza taż-żarbuna mal-art. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għat-“tkaken”. Sussegwentement, fir-rigward ta’ “il-partijiet ta’ fuq taż-żraben”, disinn ta’ superfiċje jista’ jiġi applikat għal finijiet ta’ tiżjin. |
|
86 |
Fir-rigward tas-“suletti li jiddaħħlu fiż-żraben, partijiet tal-qigħan taż-żraben, anki suletti għall-appoġġ tal-vojt tas-saqajn, sapports tas-saqajn”, dawn jista’ jkollhom disinn ta’ superfiċje fuq il-parti ta’ fuq tagħhom għal finijiet ta’ tiżjin. Ċertament, is-suletti li jiddaħħlu fiż-żraben ma humiex viżibbli meta tintlibes żarbuna. Madankollu, dawn huma partijiet li huma viżibbli għall-utent taż-żraben meta jilbishom jew ineħħihom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ammettiet fir-replika li s-suletti li jiddaħħlu fiż-żraben jistgħu jkollhom disinni bħal fjuri jew impronti ta’ annimali. Il-fatt biss li s-suletta li tiddaħħal fiż-żarbuna ma tkunx viżibbli meta tintlibes iż-żarbuna ma jipprekludix għaldaqstant li disinni ta’ tiżjin ikunu applikati fuqha. Tali użu ma huwiex improbabbli. |
|
87 |
Is-suletti li jiddaħħlu fiż-żraben jistgħu jkollhom ukoll disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra fuq in-naħa ta’ isfel tagħhom għal finijiet tekniċi, sabiex jiġi prekluż li s-suletta tiżloq fiż-żarbuna. Tali użu wkoll ma huwiex improbabbli. |
|
88 |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-punti 86 u 87 iktar ’il fuq huma validi wkoll għas-“suletti tas-saqajn u inserzjonijiet taż-żraben, speċjalment b’suletti jew b’qiegħ baxx ifformat anatomiku magħmula minn sufra naturali, sufra termali, plastik, latex jew materjali tal-fowm sintetiċi, anke magħmula minn materjali komposti magħmula minn taħlitiet tal-latex u sufra jew taħlitiet tas-sufra u plastik” u għas-“suletti li jiddaħħlu fiż-żraben”, inklużi fil-klassi 25. |
|
89 |
Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-punti 70, 83 u 85 sa 87 iktar’il fuq japplikaw ukoll għax-“xedd is-saqajn, jiġifieri żraben u sandlijiet; stvali, kif ukoll partijiet u aċċessorji għall-oġġetti kollha msemmija, inklużi f’din il-klassi”, inklużi fil-klassi 25. |
|
90 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament applika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti għall-prodotti li ġejjin, inklużi fil-klassi 25: “partijiet u aċċessorji ta’ xedd is-saqajn imsemmija, jiġifieri partijiet ta’ fuq taż-żraben, tkaken, suletti ta’ barra, suletti li jiddaħħlu fiż-żraben, partijiet tal-qigħan taż-żraben, anki suletti għall-appoġġ tal-vojt tas-saqajn, sapports tas-saqajn”; “suletti tas-saqajn u inserzjonijiet taż-żraben, speċjalment b’suletti jew b’qiegħ baxx ifformat anatomiku magħmula minn sufra naturali, sufra termali, plastik, latex jew materjali tal-fowm sintetiċi, anke magħmula minn materjali komposti magħmula minn taħlitiet tal-latex u sufra jew taħlitiet tas-sufra u plastik”; “xedd is-saqajn, jiġifieri żraben u sandlijiet; stvali, kif ukoll partijiet u aċċessorji għall-oġġetti kollha msemmija, inklużi f’din il-klassi”. |
|
91 |
Il-kunsiderazzjonijiet dwar oġġetti ta’ xedd is-saqajn u l-partijiet tagħhom, indikati fil-punti 70, 83 u 85 sa 87 iktar ’il fuq, japplikaw ukoll għall-oġġetti relatati max-xedd is-saqajn inklużi fil-klassi 10. Fil-fatt, iż-żraben ortopediċi inklużi fil-klassi 10 jistgħu, bl-istess mod bħaż-żraben inklużi fil-klassi 25, ikollhom disinn ta’ superfiċje għal finijiet tat-tiżjin fuq il-partijiet ta’ fuq taż-żraben jew għal finijiet tekniċi fuq is-suletta ta’ barra. Il-kunsiderazzjonijiet tal-punti 84 sa 87 iktar ’il fuq japplikaw ukoll għall-inserzjonijiet u partijiet taż-żraben ortopediċi. |
|
92 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament applika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti għall-prodotti li ġejjin, inklużi fil-klassi 10: ix-“xedd is-saqajn ortopediku u dak għar-rijabilitazzjoni, għall-fiżjoterapija tas-sieq u terapija kif ukoll għal skopijiet mediċi oħra u partijiet tiegħu, inklużi żraben ortopediċi, anke dawk it-tip ta’ żraben b’suletta jew sapports tas-saqajn ortopediċi kif ukoll suletti tas-saqajn u inserzjonijiet taż-żraben ortopediċi; dawk it-tip ta’ sapports tas-saqajn kif ukoll suletti tas-saqajn u inserzjonijiet ortopediċi u partijiet tagħhom, anki fil-forma ta’ inserzjonijiet termoplastiċi riġidi”; għall-“partijiet taż-żraben u partijiet integrali taż-żraben għas-sapport ortopediku taż-żraben, speċjalment partijiet iffittjati, filsa, kuxxini, suletti li jiddaħħlu fiż-żraben, suletti taż-żraben, kuttunar tal-fowm, pads tal-fowm kif ukoll suletti bil-forom tas-saqajn, anki fil-forma ta’ inserzjonijiet duttili b’suletta ortopedika magħmula minn sufra naturali, sufra termali, plastik, latex jew materjal tal-fowm tal-plastik, anki dawk magħmula minn materjali komposti elastiċi magħmula minn taħlitiet tal-latex u sufra jew taħlitiet tas-sufra u plastik”, għas-“suletti tas-saqajn u inserzjonijiet taż-żraben ortopediċi”, ix-“xedd is-saqajn ortopediku, speċjalment sandlijiet u papoċċi ortopediċi”, għax-“xedd is-saqajn ortopediċi, b’mod partikolari papoċċi u sandli ortopediċi” u għas-“suletti ortopediċi; inserzjonijiet, anki dawk magħmula mill-plastik, latex jew materjali tal-fowm sintetiċi, kif ukoll dawk magħmula minn materjali komposti elastiċi magħmula minn taħlitiet tal-latex u sufra jew taħlitiet tas-sufra u plastik”. |
|
93 |
Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell kellux raġun japplika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti għall-prodotti oħra fil-klassi 10 indikati mit-trade mark internazzjonali. |
|
94 |
Fir-rigward tal-“apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji”, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva li dawn jistgħu jkollhom disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra fuq il-manku, għalhekk fuq parti mis-superfiċje tagħhom, għal raġunijiet tekniċi, jiġifieri sabiex il-qabda tkun iktar sigura u iktar preċiża. Għandu jiġi kkonstatat li tali użu ma huwiex improbabbli. |
|
95 |
L-“oġġetti ortopediċi” fil-klassi 10, jikkostitwixxu kategorija wiesgħa ta’ prodotti. Għal uħud fosthom, ma huwiex improbabbli li jkollhom disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra għal raġunijiet tekniċi, jiġifieri sabiex titjieb il-qabda. |
|
96 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament applika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti għall-“apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji” u għall-“oġġetti ortopediċi”, fil-klassi 10. |
|
97 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ “riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali”, fil-klassi 10, għandu jiġi kkonstatat li huwa improbabbli li jkollhom disinn ta’ superfiċje. Fil-fatt, dawn il-prodotti huma ġeneralment magħmulin biex ikollhom aspett l-iktar naturali possibbli u l-applikazzjoni fuqhom ta’ disinn ta’ superfiċje tkun kontroproduttiva. |
|
98 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-fatt li dawn il-prodotti kienu jinbiegħu iktar f’ippakkjar li jkollu disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra sabiex il-qabda tkun iktar sigura u iktar preċiża. |
|
99 |
Tqum il-kwistjoni dwar jekk l-użu eventwali ta’ disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar tar-“riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali” huwiex suffiċjenti sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li dawn huma prodotti magħmulin skont il-qies u li jridu, għalhekk, jiġu ordnati. Dawn huma ġeneralment ordnati minn professjonisti tas-saħħa. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prodotti kienu intiżi għall-professjonisti tas-saħħa. |
|
100 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa ċertament probabbli li dawn il-prodotti jiġu kkunsinnati f’ippakkjar sabiex jiġi evitat li ma tiġrilhomx ħsara waqt it-trasport u sabiex jiġu protetti sakemm jintużaw. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma prodotti li jintużaw kemm jista’ jkun malajr wara l-kunsinna tagħhom. Billi dawn huma magħmulin skont il-qies, ma humiex intiżi għall-ħażna. |
|
101 |
Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-“riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali” ikunu iktar “mibjugħin” f’ippakkjar li jkollu disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra, għandu jiġi rrilevat li dawn il-prodotti, neċessarjament magħmulin skont il-qies, huma pjuttost “ikkunsinnati” f’ippakkjar, milli “mibjugħin” f’ippakkjar. |
|
102 |
Għandu jiġi kkunsidrat li l-użu potenzjali ta’ disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dan id-disinn ta’ superfiċje jinkorpora ruħu mad-dehra ta’ dawn il-prodotti, minħabba li l-ippakkjar għandu jitqies bħala sempliċi ppakkjar għat-trasport. |
|
103 |
Waqt is-seduta, l-EUIPO sostna li l-utent għandu jaħżen dawn il-prodotti meta ma humiex użati, u li jista’ jagħmel dan fl-ippakkjar oriġinali tagħhom. Għalhekk, huwa essenzjalment ikkonferma li dan ma huwiex sempliċi ppakkjar għat-trasport, iżda ppakkjar li l-professjonista tas-saħħa li qiegħed ir-riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali, jagħti lill-utent u li jibqa’ jinżamm minn dan tal-aħħar. |
|
104 |
Madankollu, fir-rigward tal-għajnejn artifiċjali, għandu jiġi rrilevat li dawn jintużaw b’mod kontinwu wara li jkunu tqiegħdu. |
|
105 |
Fir-rigward tas-snien artifiċjali, għandu jiġi rrilevat li, peress li dawn ma humiex fissi, iżda jistgħu jinqalgħu, huma normalment jinżammu f’tazza ilma jew f’kontenitur speċjali li għandu jimtela bl-ilma. Ma huwiex prattiku li jinżammu fl-ippakkjar oriġinali tagħhom, għaliex normalment tali ppakkjar ma jistax jimtela bl-ilma. |
|
106 |
Fir-rigward tar-riġlejn artifiċjali, l-EUIPO ma qajjem l-ebda argument li jwassal għall-konklużjoni li l-utent jirċievi l-ippakkjar oriġinali mingħand il-professjonista tas-saħħa li qegħidhom u li jżommhom fl-ippakkjar oriġinali tagħhom meta ma jintużawx. |
|
107 |
Għalhekk, l-argument imqajjem mill-EUIPO f’dan ir-rigward waqt is-seduta ma jistax jiġi aċċettat. |
|
108 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma kellux raġun japplika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti fir-rigward ta’ “riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali”. Fil-fatt, għal dawn il-prodotti, peress li d-dehra tal-ippakkjar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tamalgama ruħha mad-dehra tal-prodotti, disinn ta’ superfiċje li jitqiegħed fuq l-ippakkjar ma jistax jiġi kkunsidrat suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza. |
|
109 |
Konsegwentement, fir-rigward tal-prodotti “materjali għas-sutura, materjali għas-sutura għall-operazzjonijiet”, għandu jiġi rrilevat li huwa improbabbli li dawn il-prodotti jkollhom fuqhom stess disinn ta’ superfiċje, u li l-Bord tal-Appell ma bbażax ir-raġunament tiegħu fuq il-possibbiltà ta’ użu ta’ disinn ta’ superfiċje fuq dawn il-prodotti stess. |
|
110 |
Fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn il-prodotti kienu prodotti mediċinali li kellhom jiġu mmaniġġati b’attenzjoni speċjali u, għalhekk, kien neċessarju li jinbiegħu f’ippakkjar li jkollu disinn ta’ superfiċje sabiex il-qabda tkun iktar sigura u iktar preċiża. |
|
111 |
Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, il-materjali għas-sutura ma huwiex fraġli, b’tali mod li ma jidhirx li huwa ta’ vantaġġ li jinbiegħ f’ippakkjar li għandu disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra sabiex il-qabda tkun iktar sigura. Fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-prodotti mediċinali, jidher barra minn hekk improbabbli li l-ippakkjar tagħhom ikollu disinn ta’ superfiċje għal finijiet ta’ tiżjin, u barra minn hekk il-Bord tal-Appell ma bbażax ir-raġunament tiegħu fuq użu eventwali ta’ disinn ta’ superfiċje għal finijiet ta’ tiżjin fuq l-ippakkjar tal-materjali għas-sutura. |
|
112 |
Għaldaqstant, huwa improbabbli li l-prodotti “materjali għas-sutura, materjali għas-sutura għall-operazzjonijiet” ikollhom disinn ta’ superfiċje kemm fuq il-prodotti stess, kemm fuq l-ippakkjar tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-Bord tal-Appell ma kellux raġun meta applika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti għall-prodotti “materjali għas-sutura, materjali għas-sutura għall-operazzjonijiet”. |
|
113 |
Konsegwentement, fir-rigward tal-“oġġetti tal-ilbies, xedd ir-ras” u ċ-“ċinturini”, ix-“xalel” u l-“imkatar ta’ madwar l-għonq”, inklużi fil-klassi 25, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma oġġetti li jaqgħu taħt is-settur tal-moda. Dawn ta’ spiss ikollhom disinni ta’ superfiċje għal finijiet ta’ tiżjin. Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, bħala regola ġenerali, iċ-ċinturini ma jkollhom l-ebda disinn, ħlief fuq il-bokkla, ma tistax tiġi aċċettata. Huwa magħruf li ċ-ċinturini ta’ spiss ikollhom disinni ta’ superfiċje għal finijiet ta’ tiżjin. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex improbabbli li jkollhom disinn ta’ superfiċje. |
|
114 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament applika l-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti għall-prodotti li ġejjin, fil-klassi 25: “oġġetti tal-ilbies, xedd ir-ras”, “ċinturini”, “xalel” u “imkatar ta’ madwar l-għonq”. |
|
115 |
Konsegwentement, fir-rigward tal-prodotti indikati mit-trade mark internazzjonali inklużi fil-klassi 18, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. |
|
116 |
Fir-rigward tal-prodotti “bagolli u boroż tal-vjaġġi” u “portmoni; basktijiet; boroż; kaxex għad-dokumenti; boroż żgħar li jinqaflu bħal-ċinturini; boroż tad-drapp għall-ivvjaġġar; kaxex għaċ-ċwievet (oġġetti tal-ġilda); kaxxetta tal-kożmetiċi; boroż għaż-żamma ta’ oġġetti għall-użu fil-kamra tal-banju, imsejħa “vanity cases”; boroż tal-vjaġġi; barżakki”, għandu jiġi rrilevat li, lil hinn mill-funzjoni primarja tagħhom, dawn huma oġġetti li jistgħu jissodisfaw funzjoni estetika komuni billi jikkontribwixxu għad-dehra esterna tal-konsumatur ikkonċernat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Vans vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ linja mmewġa), T‑53/13, EU:T:2014:932, punt 54 (mhux ippubblikata)]. |
|
117 |
Bħalma diġà ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-prodotti differenti ta’ bagalji u ta’ oġġetti tal-ġilda, li jaqgħu fil-klassi 18, jistgħu jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt is-settur tal-moda fis-sens wiesa’ tal-kelma [ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Rappreżentazzjoni ta’ linja mmewġa, T‑53/13, EU:T:2014:932, punt 55 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
|
118 |
Il-prodotti “umbrelel, parasol u bsaten” jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt is-settur tal-moda fis-sens wiesa’ tal-kelma, sa fejn jistgħu jiġu użati mill-konsumatur sabiex tingħata ċerta dehra esterna [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Rappreżentazzjoni ta’ linja mmewġa, T‑53/13, EU:T:2014:932, punt 61 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
|
119 |
It-trade mark internazzjonali tirreferi wkoll għall-“ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda kif ukoll oġġetti magħmula minnhom, inklużi f’din il-klassi”, li jaqgħu fil-klassi 18. Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti tal-aħħar, jiġifieri l-prodotti tal-ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda inklużi fil-klassi 18, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma ġeneralment oġġetti tal-moda. |
|
120 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kemm l-oġġetti tal-moda fis-sens wiesa’ tal-kelma, u kemm il-“frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima ieħor u oġġetti magħmulin minn sarrâg” jistgħu jkunu dekorati b’forom differenti ta’ tiżjin [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Rappreżentazzjoni ta’ linja mmewġa, T‑53/13, EU:T:2014:932, punt 62 (mhux ippubblikata)]. |
|
121 |
Għalhekk ma huwiex improbabbli li dawn il-prodotti jkollhom disinni ta’ superfiċje għal finijiet ta’ tiżjin. |
|
122 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva li l-prodotti msemmija fil-punti 116 u 118 sa 120 iktar ’il fuq kienu normalment ikkonċepiti sabiex il-konsumatur iżommhom minn manku jew minn partijiet oħra. Għalhekk, ma huwiex improbabbli li dawn il-prodotti jkollhom disinn ta’ superfiċje mqabbeż ’il barra fuq dawn il-partijiet rispettivi sabiex titjieb il-qabda tagħhom. |
|
123 |
Fir-rigward tal-prodotti “ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda” għandu jiġi wkoll ikkonstatat li dawn jistgħu jkollhom disinni ta’ superfiċje għal finijiet ta’ tiżjin. Hekk kif irrilevat mill-EUIPO waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kkontestat fuq dan il-punt mir-rikorrenti, il-prodotti “ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda” jinkludu prodotti maħduma. Għaldaqstant, ma huwiex improbabbli li dawn il-prodotti jkollhom disinni ta’ superfiċje għal finijiet ta’ tiżjin. |
|
124 |
Min-naħa l-oħra, il-frażijiet “ġild ta’ annimali, ġild oħxon ta’ annimali” (fil-verżjoni ingliża, “animal skins, hides”, u fil-verżjoni Ġermaniża, “Häute und Felle”) jindikaw prodotti mhux ipproċessati li ma għandhomx disinn ta’ superfiċje, hekk kif ġustament irrilevat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-“ġild oħxon ta’ annimali”, għandu jiġi rrilevat li dawn huma ġlud ta’ annimali koperti mis-suf. Huwa diffiċilment konċepibbli li disinn ta’ superfiċje jista’ jiġi applikat fuq ġild ta’ annimal kopert mis-suf. |
|
125 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’każ li “ġild ta’ annimali, ġild oħxon ta’ annimali” jiġu kkunsinnati f’ippakkjar, normalment dan ikun sempliċi ppakkjar għat-trasport. Il-possibbiltà ta’ użu ta’ disinn ta’ superfiċje fuq tali ppakkjar ma tfissirx li s-sinjal inkwistjoni jamalgama ruħu mad-dehra tal-prodotti tal-“ġild ta’ annimali, ġild oħxon ta’ annimali”. |
|
126 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma kellux raġun japplika, fir-rigward tal-“ġild ta’ annimali, ġild oħxon ta’ annimali”, il-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti. |
|
127 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti l-oħra li jaqgħu taħt il-klassi 18, il-Bord tal-Appell ġustament applika din il-ġurisprudenza. |
|
128 |
Minn dak li ntqal fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fir-rigward tal-prodotti li ġejjin: “riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali”, “materjali għas-sutura, materjali għas-sutura għall-operazzjonijiet” u “ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda”. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma kellux raġun japplika, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, il-ġurisprudenza dwar is-sinjali li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti, u b’hekk ibbaża ruħu fuq kriterji żbaljati ta’ eżami. |
Fuq l-allegata diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi jew l-użanzi tas-setturi kkonċernati
|
129 |
Fir-rigward tal-prodotti l-oħra indikati fit-trade mark internazzjonali, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell kienx iġġustifikat jikkunsidra li s-sinjal inkwistjoni ma kienx imbiegħed b’mod sinjifikattiv min-normi jew mill-użanzi tas-setturi kkonċernati. |
|
130 |
Kif ġie rrilevat mill-Bord tal-Appell, is-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit minn linji mmewġa orizzontali u vertikali li jinkroċjaw ma’ xulxin u li għandhom forma identika. |
|
131 |
Dan huwa disinn sempliċi, magħmul minn sempliċi għaqda ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin b’mod repetittiv. Kif ġie rrilevat mill-Bord tal-Appell, l-impressjoni ġenerali prodotta minn dan is-sinjal tibqa’ banali u ma tirrappreżentax iktar mill-elementi li jikkostitwixxu s-sinjal. |
|
132 |
Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, meqjusin b’mod individwali, il-forom li jikkostitwixxu s-sinjal huma diġà inabitwali, u li fl-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, id-disinn huwa oriġinali u inabitwali, ma tistax tiġi aċċettata. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha għal dikjarazzjoni ġenerali f’dan ir-rigward, u ma pprovdietx elementi probatorji sabiex tistabbilixxi dak li jista’ jitqies bħala “oriġinali” u “inabitwali” fl-għaqda sempliċi ta’ linji mmewġa. |
|
133 |
Barra minn hekk, kif irrilevat mill-Bord tal-Appell, l-esperjenza ġenerali turi li d-disinni applikati fis-superfiċje huma kkaratterizzati minn infinità ta’ disinni differenti. Huwa ġustament irrileva li l-elementi tad-disinni applikati fis-superfiċje kienu ta’ spiss forom ġeometriċi sempliċi bħal tikek, ċrieki, rettangoli jew linji, fejn dawn tal-aħħar setgħu jkunu dritti jew li jitilgħu u jinżlu f’żigżag jew f’mewġ. |
|
134 |
Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal eżaminat ma titbiegħedx b’mod sinjifikattiv, jew ma titbiegħed assolutament xejn, mill-użanzi tas-setturi kkonċernati u li, għalhekk, il-pubbliku rilevanti jipperċepexxi s-sinjal inkwistjoni bħala sempliċi disinn ta’ superfiċje u mhux bħala l-indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali speċifika. |
|
135 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma jipproduċi ebda prova insostenn tad-dikjarazzjoni tiegħu li s-sinjal inkwistjoni ma jitbiegħedx b’mod sinjifikattiv minn disinni ta’ superfiċje oħra użati fil-kummerċ għall-prodotti inkwistjoni. Fil-fehma tiegħu, is-sinjal inkwistjoni jew sinjali simili ma humiex użati għall-prodotti inkwistjoni. Hija tiddikjara li, kuntrarjament għal dak ikkunsidrat mill-Bord tal-Appell, ma jistax jiġi preżunt li s-sinjal inkwistjoni jew sinjal li jixxiebah huwa abitwalment użat, għal finijiet ta’ tiżjin jew għal finijiet tekniċi, fuq il-prodotti inkwistjoni. |
|
136 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-EUIPO, huwa obbligu tagħha li tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistabbilixxu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ta’ karattru distintiv intrinsiku, jew karattru distintiv miksub permezz tal-użu (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punt 50). Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li hija tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel dan, fid-dawl tal-konoxxenza ddettaljata tagħha tas-suq [sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2015, Grupo Bimbo vs UASI (Forma ta’ tortilla Messikana), T‑618/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:440, punt 32]. |
|
137 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma kellux jillimita ruħu għal dikjarazzjonijiet ġenerali dwar il-prodotti jew is-servizzi kollha, iżda li kellu jagħmel riferiment konkret għall-prodotti differenti inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. |
|
138 |
F’dan il-każ, fil-punti 33 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għamel eżami tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni għall-prodotti differenti inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata li d-disinni applikati fis-superfiċje kienu kkaratterizzati minn infinità ta’ disinni differenti u, min-naħa l-oħra, li din il-konstatazzjoni ma hijiex limitata għal settur determinat. |
|
139 |
Ċertament, kif enfasizzat mir-rikorrenti, huwa minnu li l-Bord tal-Appell ma pprovdiex eżempji konkreti ta’ disinni ta’ superfiċje oħra użati fil-kummerċ għall-prodotti inkwistjoni li jixbhu s-sinjal inkwistjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jipprovdi tali eżempji. Fil-fatt, minn naħa, meta l-Bord tal-Appell jibbaża ruħu fuq fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u li jistgħu jkunu magħrufa minn kull persuna, huwa ma huwiex obbligat jagħti eżempji konkreti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 54). Min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li trade mark tista’ tintuża komunement fil-kummerċ sabiex tippreżenta l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati huwa kriterju rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, dan il-kriterju ma huwiex dak li fid-dawl tiegħu l-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament għandu jiġi applikat [ara s-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2010, Rosenruist vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ but b’żewġ kurvi fuqu), T‑388/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:410, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
|
140 |
L-argument tar-rikorrenti li hija l-unika impriża li tuża s-sinjal inkwistjoni lanqas ma jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-użanzi tas-setturi kkonċernati. |
|
141 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdietx elementi li jistgħu jqajmu dubji dwar il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li, essenzjalment, fid-dawl tal-banalità tas-sinjal inkwistjoni u tal-infinità tad-disinni differenti użati bħala disinni ta’ superfiċje, ma teżistix diverġenza sinjifikattiva bejn l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-użanzi tas-setturi kkonċernati. |
|
142 |
Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ppreżentat, waqt il-proċedura amministrattiva, diversi mijiet ta’ stampi li jirrappreżentaw prodotti, li fihom ebda disinn li huwa identiku jew jixbah dak tas-sinjal inkwistjoni ma’ jista’ jiġi identifikat. |
|
143 |
F’dan ir-rigward, mill-fajl tal-EUIPO jirriżulta li r-rikorrenti ppreżentat, waqt il-proċedura amministrattiva, riżultati tar-riċerka (stampi) imwettqa fuq il-mutur ta’ riċerka Google għall-kliem prinċipali li ġejjin: “shoes” (żraben) u “shoe logos” (logos ta’ żraben). Fir-rigward tal-prodotti l-oħra minbarra ż-żraben, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda eżempju waqt il-proċedura amministrattiva. |
|
144 |
Għandu jiġi rrilevat li, fost l-istampi ta’ żraben ippreżentati mir-rikorrenti, ma hemm kważi l-ebda stampa ta’ suletti ta’ barra taż-żraben. Għalhekk, dawn l-istampi ma humiex adatti sabiex jipprovdu indikazzjonijiet dwar id-disinni ta’ superfiċje użati, fil-kummerċ, fuq is-suletti ta’ barra taż-żraben. Billi disinn ta’ superfiċje jista’, b’mod partikolari, jiġi applikat imqabbeż ’il barra fuq is-suletta ta’ barra ta’ żarbuna sabiex titjieb l-aderenza tagħha (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), l-istampi pprovduti mir-rikorrenti ma humiex adatti biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-użanzi fis-settur taż-żraben. |
|
145 |
Fir-rikors, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll xi stampi ta’ suletti li jiddaħħlu fiż-żraben. Mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi, li ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, dawn l-istampi ma humiex adatti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-użanzi tas-settur ikkonċernat. Fil-fatt, l-istampi kollha juru l-parti ta’ fuq tas-suletti li jiddaħħlu fiż-żraben. Madankollu, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva li s-suletti li jiddaħħlu fiż-żraben setgħu jkollhom disinn ta’ superfiċje sabiex titjieb l-aderenza, b’mod partikolari, tas-suletta li tiddaħħal fiż-żarbuna. Stampi li ma jurux il-parti ta’ isfel tas-suletti li jiddaħħlu fiż-żraben ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-użanzi tas-settur ikkonċernat. |
|
146 |
Fir-rigward tal-prodotti l-oħra inkwistjoni, ir-rikorrenti ma pprovdietx stampi intiżi li jistabbilixxu n-normi u l-użanzi tas-setturi kkonċernati. Hija tillimita ruħha għal dikjarazzjonijiet ġenerali li d-disinni ta’ superfiċje huma inabitwali għal dawn il-prodotti jew li d-disinni ta’ superfiċje eżistenti fis-suq ma jixbhux is-sinjal inkwistjoni. |
|
147 |
Dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-normi u l-użanzi tas-setturi kkonċernati. |
|
148 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, fi ħdan il-klassi 25, logos u disinni ġeometriċi jintużaw regolarment bħala indikazzjoni ta’ oriġini, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-ebda wieħed mill-eżempji pprovduti mir-rikorrenti fil-punti 14 u 15 tar-replika ma jirrigwardaw sekwenza repetittiva ta’ elementi li għandhom il-karatteristiċi ta’ disinn ta’ superfiċje. |
|
149 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk id-dehra tal-prodotti fis-settur ikkonċernat, jew dik ta’ element ta’ dawn il-prodotti, isservi bħala indikazzjoni tal-produttur, dan huwa biss għaliex id-dehra ta’ numru suffiċjenti ta’ dawn il-prodotti jew ta’ elementi ta’ dawn il-prodotti titbiegħed b’mod sinjifikattiv min-normi jew mill-użanzi tal-imsemmi settur. Dan bl-ebda mod ma jfisser li d-dehra ta’ prodott jew ta’ element ta’ prodott tal-istess settur li, fir-rigward tiegħu, ma jitbiegħedx b’mod sinjifikattiv minn din in-norma tkun ta’ natura li tindika l-oriġini ta’ dan il-prodott lill-pubbliku rilevanti (digriet tat-13 ta’ Settembru 2011, Wilfer vs UASI, C‑546/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:574, punt 56). |
|
150 |
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li ċerti sinjali jiġu rrikonoxxuti bħala trade mark mill-konsumaturi mhux neċessarjament ifisser li dawn għandhom karattru distintiv intrinsiku. Fil-fatt, huwa possibbli għal trade mark li tikseb karattru distintiv permezz tal-użu tagħha fiż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2010, Rappreżentazzjoni ta’ but b’żewġ kurvi fuqu, T‑388/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:410, punt 33). |
|
151 |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-punti 149 u 150 iktar ’il fuq japplikaw ukoll għall-argument tar-rikorrenti li, fir-rigward taż-żraben, il-konsumaturi draw il-fatt li l-produttur dejjem jidentifika l-prodotti tiegħu permezz tal-istess trade mark imqiegħda f’ċerti postijiet. |
|
152 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, imqajjem waqt is-seduta, li hija għandha d-dritt tikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark meta din hija ta’ karattru distintiv, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan il-fatt ma jeskludix li l-eżami mwettaq waqt l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, jew waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal estensjoni tal-protezzjoni ta’ trade mark internazzjonali għall-Unjoni, għandu jkun strett u komplet sabiex jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati jew protetti fl-Unjoni b’mod indebitu. Ma teżisti ebda preżunzjoni favur il-karattru reġistrabbli ta’ trade mark [sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Baldesberger vs UASI (Forma ta’ pinzetta), T‑78/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:199, punt 36]. |
|
153 |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-banalità tas-sinjal inkwistjoni u tal-infinità tad-disinni differenti użati bħala disinni ta’ superfiċje, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata li ma kienx hemm diverġenza sinjifikattiva bejn is-sinjal inkwistjoni u n-norma jew l-użanzi tas-setturi kkonċernati. Għalhekk, huwa ġustament ikkonstata li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjal bħala sempliċi disinn ta’ superfiċje, imqiegħed għal finijiet ta’ tiżjin jew għal finijiet tekniċi, u mhux bħala l-indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali partikolari. |
|
154 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fir-rigward tal-prodotti li ġejjin: “riġlejn, għajnejn u snien artifiċjali”, “materjali għas-sutura, materjali għas-sutura għall-operazzjonijiet” (klassi 10) u “ġild ta’ annimali, ġild oħxon ta’ annimali” (klassi 18) (ara punt 128 iktar ’il fuq). |
|
155 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti l-oħra indikati mit-trade mark internazzjonali, l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
156 |
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
157 |
F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija annullata għal numru limitat ta’ prodotti, jidher iġġustifikat li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO. L-EUIPO għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Dittrich Schwarcz Tomljenović Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Novembru 2016. Firem |