SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“FAEGG, taqsima ‘Garanziji’ — FAEG u FAEŻR — Spejjeż esklużi mill-finanzjament — Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll — Tnaqqis u esklużjonijiet f’każ ta’ inosservanza tar-regoli tal-kundizzjonalità — Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa stabbilita mill-Kummissjoni skont id-direzzjonijiet interni adottati f’dan il-qasam — Oneru tal-prova — Interpretazzjoni tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009”

Fil-Kawża T‑437/14,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt u J. Kraehling, bħala aġenti, assistiti minn V. Wakefield, barrister,

rikorrenti,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Skelly u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament ta’ disa’ entrati tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/191/UE, tal-4 ta’ April 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 104, p.43), fir-rigward tal-entrata, inkluża fl-Anness tad-deċiżjoni, marbuta mal-korrezzjonijiet finanzjarji applikati għal spejjeż imwettqa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-Iskozja matul is-snin finanzjarji tal-2008, tal-2009 u tal-2010, fl-ammont ta’ EUR 5606459.48 minħabba l-inosservanza tagħhom tar-regoli tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

Fid-29 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3,Vol. 40, p. 269).

2

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi li “[b]idwi li jirċievi pagamenti diretti [kellu] jirrispetta l-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji msemmija fl-Anness III”.

3

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“1.   Il-kondizzjonijiet amministrattivi statutarji msemmija fl-Anness III għandhom ikunu stabbiliti mil-leġislazzjoni tal-Komunità fl-oqsma li ġejjin:

saħħa tal-pubbliku, ta’ l-annimali u l-pjanti,

ambjent,

benessri tal-annimali.

2.   L-atti msemmija fl-Anness III għandhom japplikaw fl-isfond ta’ dan ir-Regolament fil-verżjoni kif emendata minn żmien għal żmien u, fil-każ tad-Direttivi kif implementati fl-Istati Membri.”

4

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tnaqqis jew esklużjoni mill-pagamenti”, kien jipprovdi kif ġej:

“1.   Fejn il-kondizzjonijiet amministrattivi […] mhumiex osservati, bħala riżultat ta’ azzjoni jew ommissjoni direttament attribwita lill-bidwi individwali, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw fis-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza, u wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandhom jitnaqqsu jew jiġu kanċellati skond ir-regoli dettaljati stabbiliti taħt l-Artikolu 7.

[…]”

5

L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti regoli ddettaljati marbuta mat-tnaqqis u mal-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 6, filwaqt li jittieħed kont tal-“[gravità, il-portata], [il-]permanenza u [r-]repetizzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza [kkonstata] kif ukoll tal-kriterji [stabbiliti] fil-paragrafi 2, 3 u 4”. Dawn il-paragrafi jipprovdu, b’mod partikolari, kif ġej:

“2.   Fil-każ ta’ negliġenza, il-persentaġġ ta’ tnaqqis m’għandux jaqbeż il-5% u, fil-każ ta’ nuqqas repetittiv ta’ osservanza, il-15%.

3.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali, il-persentaġġ ta’ tnaqqis m’għandux bħala prinċipju jkun inqas minn 20% u jista’ jwassal anke għall-esklużjoni totali minn waħda jew iktar mill-iskemi varji ta’ għajnuna u japplika għal sena kalendarja waħda jew iktar.

[…]”

6

Fir-rigward tal-Anness III, li jesponi r-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ġestjoni (iktar ’il quddiem ir-“RRQĠ”), dan ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, tas-17 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 91/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 56) li żied miegħu RRQĠ ġdid, bin-numru 8a, li huwa redatt kif ġej:

“Regolament […] Nru 21/2004 […]: l-Artikoli 3, 4 u 5”.

7

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1782/2003, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 (ara l-Artikolu 146(1) u l-Arikolu 149). Dan l-aħħar imsemmi regolament ġie mħassar mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, p. 608). Skont l-Artikolu 74 tiegħu, dan ir-regolament huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2015.

8

Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 73/2009 hija redatta kif ġej:

“Ir-Regolament […] Nru 1782/2003 stabbilixxa l-prinċipju li l-bdiewa li ma jikkonformawx ma’ ċerti ħtiġiet fl-oqsma tas-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali u tal-pjanti, u l-ambjent u l-benessri tal-annimali huma soġġetti għal tnaqqis jew għal esklużjoni minn appoġġ dirett. Din is-sistema ta’ ‘kundizzjonalità’ tifforma parti integrali mill-appoġġ Komunitarju taħt il-pagamenti diretti u għalhekk għandha tinżamm. Madankollu, l-esperjenza turi li għadd ta’ ħtiġiet fl-ambitu tal-kundizzjonalità m’humiex rilevanti biżżejjed għall-attività agrikola jew l-art agrikola jew jikkonċernaw aktar l-awtoritajiet nazzjonali milli l-bdiewa. Għaldaqstant huwa xieraq li l-ambitu tal-kundizzjonalità jiġi aġġustat.”

9

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 73/2009 kien jipprovdi:

“1.   Bidwi li jirċievi pagamenti diretti għandu jissodisfa [r-RRQĠ] mniżżla fl-Anness II […]”

10

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, marbut mar-RRQĠ, kien jipprovdi:

“1.   [Ir-RRQĠ] elenkati fl-Anness II għandhom ikunu stabbiliti mil-leġislazzjoni Komunitarja fl-oqsma li ġejjin:

a)

saħħa tal-pubbliku, tal-annimali u l-pjanti,

b)

ambjent,

c)

benessri tal-annimali.

2.   L-atti msemmija fl-Anness II għandhom japplikaw kif fis-seħħ u, fil-każ tad-Direttivi, kif implementati mill-Istati Membri.”

11

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 73/2009 kien jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu u jiġġestixxu sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-ġestjoni u tal-kontroll tar-regoli tal-kundizzjonalità.

12

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 73/2009 kien jobbliga lill-Istati Membri jwettqu verifiki fuq il-post sabiex jivverifikaw jekk il-bidwi kienx qiegħed jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-kundizzjonalità.

13

L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li, meta r-rekwiżiti fil-qasam tal-kundizzjonalità ma kinux issodisfati u meta din l-inosservanza kienet attribwita direttament lill-bidwi li kien ressaq it-talba għall-għajnuna, “l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ngħata jew għandu jingħata lil dak il-bidwi, [...] għandu jitnaqqas jew jiġi eskluż f’konformità mar-regoli dettaljati stipulati fl-Artikolu 24”.

14

L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li kellhom jiġu stabbiliti regoli ddettaljati fir-rigward ta’ dan it-tnaqqis u dawn l-esklużjonijiet. L-artikolu kien jispeċifika li, f’każ ta’ negliġenza, il-perċentwali tat-tnaqqis ma setax jeċċedi l-5 %, jew il-15 % f’każ ta’ inosservanza rripetuta. Fil-każ ta’ inosservanza intenzjonata, bħala prinċipju, il-perċentwali ta’ tnaqqis ma setax ikun ta’ inqas minn 20 % u seta’ jwassal saħansitra għal esklużjoni totali minn waħda jew aktar mill-iskemi ta’ għajnuna varji u dan kien japplika għal sena kalendarja waħda jew aktar.

15

Fl-Anness II, li huwa intitolat “[RRQĠ] msemmija fl-Artikoli 4 u 5”, l-entrata marbuta mar-RRQĠ Nru 8 kienet redatta kif ġej:

“Ir-Regolament […] Nru 21/2004 […] : l-Artikoli 3, 4 u 5”.

16

Ir-Regolament Nru 21/2004, li jagħmlu riferiment għalih ir-RRQĠ Nru 8a tar-Regolament Nru 1782/2003 u Nru 8 tar-Regolament Nru 73/2009 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala r-“RRQĠ Nru 8”), stabbilixxa sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali tal-ispeċijiet ovini u kaprini, li, skont il-premessa 20, irrikjediet li ssir emenda tar-Regolament Nru 1782/2003.

17

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 21/2004 kien jipprovdi kif ġej:

“1.   Is-sistema ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali għandha tkun tinkludi dawn l-elementi li ġejjin:

a)

il-meżżi ta’ l-identifikazzjoni dwar l-identità ta’ kull annimal;

b)

iż-żamma ta’ reġistri aġġornati f’kull qasam;

ċ)

id-dokumenti taċ-ċaqlieq;

d)

reġistru ċentrali jew database kompjuterizzata.

2.   Il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha jkollha aċċess għall-informazzjoni kollha koperta b’dan ir-Regolament. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu dawk il-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw aċċess għal dik l-informazzjoni għall-partijiet kollha li jkollhom interess, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li huma rikonoxxuti mill-Istat Membru, basta li l-ħtiġiet tal-protezzjoni tad-dettalji u l-kunfidenzalità kif preskritti bil-liġi nazzjonali jkun hemm konformità magħhom.”

18

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ kull annimal. Dan jagħmel riferiment għar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni li jinsabu fil-punt A tal-Anness tal-istess regolament.

19

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti fil-qasam tar-reġistri u jagħmel riferiment għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt B tal-Anness tal-istess regolament.

20

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti fil-qasam tad-dokumenti ta’ moviment u jagħmel riferiment għar-rekwiżiti fil-punt C tal-Anness tal-istess regolament.

21

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jikkonċerna r-reġistru ċentrali u l-Artikolu 8 jikkonċerna d-database informatika u jagħmel riferiment għar-rekwiżiti fil-punt D tal-Anness tal-istess regolament.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

22

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet verifika tal-kundizzjonalità fl-Iskozja għat-talbiet tas-snin 2008, 2009 u 2010 [investigazzjoni XC/2010/002/GB Renju Unit (Skozja)] u kkomunikat lir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2010, il-lakuni li l-awdituri tagħha kienu rrilevaw fis-sistema ta’ kundizzjonalità Skoċċiża.

23

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2011, ir-Renju Unit wieġeb u ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni.

24

Fid-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit stedina bil-miktub għal laqgħa bilaterali prevista fil-21 ta’ Frar 2012. Ir-Renju Unit wieġeb b’mod pożittiv għall-imsemmija stedina u esprima l-pożizzjoni tiegħu fuq il-mistoqsijiet imqajma mill-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Frar 2012.

25

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-Renju Unit il-minuti tal-laqgħa bilaterali.

26

Wara l-imsemmija laqgħa, il-Kummissjoni għaddiet lir-Renju Unit il-komunikazzjoni tas-27 ta’ Marzu 2013, li fiha kkonfermat li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kundizzjonalità fl-Iskozja ma kinitx konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea matul is-snin 2008, 2009 u 2010 u informat lir-Renju Unit bil-proposta tagħha li jitneħħa mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammont ta’ EUR 5606459.48. Fl-Anness ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż mill-finanzjament tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni identifikat, għat-talbiet tas-snin 2009 u 2010, fl-ewwel lok, insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tar-RRQĠ Nru 2 u Nru 4; fit-tieni lok, insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba (iktar ’il quddiem il-“KAAT”) 4, 16 u 18; fit-tielet lok, in-natura inadegwata tal-kontroll u tas-sanzjonijiet għar-RRQĠ Nru 8 fil-kuntest tal-kundizzjonalità. Għat-talbiet tas-sena 2008, hija identifikat insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tar-RRQĠ Nru 2 u Nru 4, insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tal-KAAT 4, 16 u 18, sanzjonijiet u kontroll inadegwati fil-kuntest tal-kundizzjonalità inkonnessjoni ma’ diversi RRQĠ, attitudni ta’ klemenza f’każ ta’ ksur inkonnessjoni mar-RRQĠ Nru 7 u Nru 8, l-impossibbiltà tal-applikazzjoni għar-RRQĠ Nru 4 tas-sanzjoni ta’ 5 % għal nuqqas ta’ konformità dovut għan-negliġenza u għall-assenza ta’ twettiq ta’ segwitu sistematiku fil-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità minuri. F’din l-ittra, il-Kummissjoni pproponiet korrezzjoni ta’ 5 % għas-sena 2008 u korrezzjoni ta’ 2 % għas-snin 2009 u 2010, peress li l-awtoritajiet Skoċċiżi kienu adottaw għadd ta’ miżuri sabiex jirrimedjaw ċerti lakuni kkonstatati.

27

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Mejju 2013, l-organu ta’ koordinazzjoni tar-Renju Unit talab li l-kwistjoni tiġi rrinvijata quddiem l-organu ta’ konċiljazzjoni. Il-kwistjonijiet riferuti lill-imsemmi organu kienu jikkonċernaw, minn naħa, il-korrezzjoni finanzjarja għan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-kontrolli kollha tal-kundizzjonalità fil-kuntest tar-RRQĠ Nru 4 u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tar-RRQĠ Nru 8. Il-konċiljazzjoni saret fit-18 ta’ Lulju 2013, iżda falliet.

28

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni informat lir-Renju Unit li hija kienet iżżomm ferma l-pożizzjoni tagħha indikata fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Marzu 2013.

29

Fl-4 ta’ April 2014, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tagħha dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 104, p. 43, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-Renju Unit fis-7 ta’ April 2014, il-Kummissjoni, skont il-proposta fformulata fil-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Marzu 2013, eliminat mill-finanzjament tal-Unjoni ċerti spejjeż imwettqa fl-Iskozja matul is-snin finanzjarji tal-2008, tal-2009 u tal-2010, fl-ammont ta’ EUR 5606459.48 minħabba l-inosservanza tagħhom tar-regoli tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 1) u imponiet rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għas-sena 2008 u ta’ 2 % għas-snin 2009 u 2010.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2014, ir-Renju Unit ippreżenta dan ir-rikors.

31

Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla disa’ entrati li jinsabu fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

33

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2015, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

34

Fis-7 ta’ Lulju 2015, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit, skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

35

Fit-30 ta’Settembru 2015, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet serje ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet li kellha tingħata risposta għalihom fis-seduta u ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokument VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Direzzjonijiet li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji waqt il-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-garanzija FEOGA”.

36

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2015.

Id-dritt

37

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit jinvoka, essenzjalment, motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba l-interpretazzjoni illegali tar-RRQĠ Nru 8 mill-Kummissjoni.

38

Ir-Renju Unit isostni b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmi RRQĠ, li dan tal-aħħar kien jinkludi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 21/2004 u għalhekk ir-rekwiżiti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari ż-żamma ta’ reġistru ċentrali jew ta’ database tal-informatika u l-pussess ta’ dokumenti ta’ ċirkulazzjoni għall-ovini u l-kaprini, hija illegali.

39

B’mod partikolari, fl-ewwel lok, peress li r-RRQĠ Nru 8 jagħmel riferiment espliċitu limitatament għall-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 21/2004, tali interpretazzjoni kienet tikser il-volontà tal-leġiżlatur li jeskludi l-Artikoli 6 sa 8, li jiddefinixxu r-regoli materjali ddettaljati marbuta mal-Artikolu 3(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 21/2004 tar-RRQĠ Nru 8 u televa biss għar-rank ta’ obbligi ta’ kundizzjonalità r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b)kif ukoll fl-Artikoli 4 u 5 tal-istess regolament.

40

Fit-tieni lok, ir-riferiment għall-Artikoli 4 u 5 fir-RRQĠ Nru 8, skont ir-Renju Unit, ma jkun jagħmel l-ebda sens kieku l-leġiżlatur ried li jinkludi l-elementi kollha tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 21/2004 fl-imsemmi RRQĠ. Riferiment għall-Artikolu 3 biss kien ikun suffiċjenti.

41

Fir-realtà, l-imsemmi Artikolu 3 ma huwiex dispożizzjoni suffiċjentement iddettaljata u l-uniċi regoli sostanzjali li kapaċi joħolqu obbligi vinkolanti għall-bdiewa huma dawk inklużi fl-Artikoli 4 et seq. tar-Regolament Nru 21/2004.

42

Fit-tielet lok, l-esklużjoni tal-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 21/2004, skont ir-Renju Unit, tirriżulta minn interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmi regolament. Fil-fatt huwa jqis li, għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet kollha tiegħu huma vinkolanti fil-qasam tal-kundizzjonalità, l-inosservanza ta’ ċerti obbligi ma twassalx neċessarjament għal konsegwenzi finanzjarji. Ir-rekwiżiti, stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, marbut mal-identifikazzjoni tal-annimali, u fl-Artikolu 5 tal-istess regolament, marbut maż-żamma ta’ reġistri ta’ dawn tal-aħħar, kienu jikkostitwixxu s-sisien tas-sistema, li jippermettu l-osservanza tal-obbligi l-oħra wkoll. Barra minn hekk, l-imsemmija Artikoli 6 sa 8 ma kinux indirizzati direttament lill-bdiewa, iżda lill-awtoritajiet nazzjonali.

43

Fir-raba’ lok, l-esklużjoni tal-Artikoli 6 sa 8 tar-RRQĠ Nru 8 hija ġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, l-imsemmi RRQĠ, li huwa suġġett għal interpretazzjonijiet differenti u li jista’ jwassal għal konsegwenzi finanzjarji negattivi għall-bdiewa, għandu jiġi interpretat f’sens favorevoli għal dawn tal-aħħar.

44

Fil-ħames lok, ir-Renju Unit jallega li l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedu li bidwi li ma jkunx osserva wieħed mill-artikoli tar-Regolament Nru 21/2004, li ma jkunx inkluż fil-lista tar-RRQĠ Nru 8, ma jistax jiġi ttrattat bl-istess mod bħal bidwi li ma jkunx osserva wieħed mill-artikoli inklużi fl-imsemmija lista.

45

Preliminarjament, il-Kummissjoni tqis li r-rikors tar-Renju Unit huwa infondat fid-dritt, peress li l-entrati tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata huma marbuta ma’ sitt nuqqasijiet jew insuffiċjenzi kkonstatati fis-sistema ta’ kundizzjonalità tar-Renju Unit għas-sena 2008 u ma’ tliet nuqqasijiet għas-snin 2009 u 2010. Barra minn hekk, matul il-proċedura il-Kummissjoni tikkondividi l-prinċipju li kull insuffiċjenza rrilevata għandha tkun biżżejjed fiha nnifisha sabiex tiġġustifika l-korrezzjoni finanzjarja imposta. Finalment, ir-Renju Unit ma kkontestax in-nuqqasijiet differenti tiegħu marbuta mar-RRQĠ Nru 8 u lanqas il-prinċipju li kull wieħed minn dawn in-nuqqasijiet għandu jiġġustifika fih innifsu r-rata ta’ korrezzjoni imposta matul il-proċedura amministrattiva.

46

Fuq il-mertu, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 21/2004, qabelxejn, huwa ta’ portata ġenerali fir-rigward tas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali tal-ispeċijiet ovinu u kaprini, li dan jinkludi l-elementi kollha msemmija fil-paragrafi a) sa d) u li huwa inkluż bħala RRQĠ fl-intier tiegħu. Hija żżid li huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu. Sussegwentement, l-implementazzjoni ta’ tali sistema kienet tikkostitwixxi l-għan ta’ dan ir-regolament, kif ikkonfermat mill-premessa 20 ta’ dan ir-regolament. Fl-aħħar, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu interpretati b’mod sistematiku u teleoloġiku.

47

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 21/2004 ma humiex iddeżinjati speċifikament bħala RRQĠ u li għaldaqstant ma humiex “direttament applikabbli” jew “strettament eżekutorji” fil-kuntest tal-kundizzjonalità, bil-konsegwenza li l-inosservanza mill-bdiewa tad-dispożizzjonijiet iddettaljati inkluż fihom ma tistax tagħti lok għal sanzjonijiet. Madankollu, hija tqis li l-assenza totali tad-dokumenti ta’ moviment jew ta’ kontribuzzjoni f’reġistru ċentrali informatiku, kif rikjesti mill-Artikolu 3(1)(c) u (d) tal-imsemmi regolament, tista’ tiġi ssanzjonata. L-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan tal-aħħar huwa barra minn hekk rilevanti għall-interpretazzjoni tal-obbligi naxxenti mill-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament u sabiex jiġi ddeterminat jekk bidwi osservax l-obbligu tiegħu li jżomm sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni.

48

Fit-tielet lok, l-inklużjoni espliċita tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 21/2004 fir-RRQĠ Nru 8 kienet isservi għan differenti minn dak tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, jiġifieri, li tiġi żgurata uniformità fl-oqsma speċifiċi tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-annimali, elementi bażiċi essenzjali fis-sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ identifikazzjoni. B’hekk, il-ksur ta’ sempliċi dettall previst minn dawn id-dispożizzjonijiet jesponu lil bidwi għal sanzjonijiet.

49

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-obbligu taż-żamma tad-dokumenti ta’ moviment jew ta’ kontribuzzjoni f’database ċentrali, ir-raġunijiet li għalihom il-bidwi josserva l-obbligi tiegħu ma humiex strettament suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 21/2004, minkejja li spettur għandu jeħodhom inkunsiderazzjoni waqt verifika.

50

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 21/2004 huma fil-fatt obbligatorji.

51

Fir-replika tagħha, ir-Renju Unit jikkontesta n-natura infondata fid-dritt tar-rikors tiegħu u jqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq ir-RRQĠ Nru 8, indipendentement mill-effett tal-korrezzjoni finanzjarja, tipproduċi effetti legali u għaldaqstant tista’ tiġi kkontestata.

52

Ir-Renju Unit jikkontesta b’mod partikolari l-argument tal-Kummissjoni li kull nuqqas identifikat jiġġustifika fih innifsu r-rata ta’ tnaqqis applikata. Fil-fatt, il-Kummissjoni applikat rata ta’ tnaqqis ta’ 5 % għas-sena 2008 abbażi ta’ sitt nuqqasijiet u ta’ 2 % għas-snin 2009 u 2010 abbażi ta’ tliet nuqqasijiet li ppersistew matul dawn is-snin. Għaldaqstant, minkejja li l-metodu tal-kalkolu ma huwiex kumulattiv, in-nuqqasijiet differenti għandu jkollhom effett fuq ir-rata finali applikata.

53

Barra minn hekk, il-fatt li, matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, ir-Renju Unit ma kkontestax in-nuqqasijiet l-oħra kkonstatati jew il-konferma tal-Kummissjoni li kull wieħed minn dawn in-nuqqasijiet kien suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-korrezzjoni proposta ma jirrendix inammissibbli l-kontestazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

54

Barra minn hekk, peress li l-organu ta’ konċiljazzjoni ppropona korrezzjoni ta’2 % għas-snin 2009 u 2010 abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra, huwa kunsiljabbli li l-Kummissjoni timponi korrezzjoni wkoll għas-sena 2008, b’kunsiderazzjoni tal-preġudizzju finanzjarju reali kkawżat lill-Unjoni, skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).

55

Fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit ifakkar li deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq ir-RRQĠ Nru 8 tipproduċi effetti legali u għaldaqstant tista’ tkun is-suġġett ta’ dan ir-rikors. B’mod partikolari, l-Istat Membru huwa suġġett mhux biss għal korrezzjoni finanzjarja, iżda wkoll għall-obbligu li jadotta miżuri korrettivi sabiex ikun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni [Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 162)]. Fin-nuqqas ta’ tali tqegħid f’konformità, in-nuqqas tal-Istat isir iktar serju u jistgħu jiġu applikati korrezzjonijiet miżjuda skont l-Avviż tal-Kummissjoni AGRI/61495/2002 dwar ir-ripetizzjoni tal-insuffiċjenzi.

56

Fil-kuntest tal-kontroreplika, il-Kummissjoni tikkonferma li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, li tipproduċi effetti purament finanzjarji, peress li l-eżekuzzjoni tar-regoli tal-Unjoni huwa pjuttost għan tal-proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE.

57

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-interpretazzjoni tat-tmien entrata li tikkonċerna r-RRQĠ Nru 8, ir-Renju Unit, essenzjalment jallega li dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeskludi r-rekwiżiti tal-kundizzjonalità previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 21/2004, peress li dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex indikati espliċitament fl-imsemmija entrata.

58

Il-Kummissjoni ttenni essenzjalment li, fir-rigward tar-Regolament Nru 21/2004, l-Artikolu 3 jinsab fost id-dispożizzjonijiet li jagħmel riferiment għalihom ir-RRQĠ Nru 8. Dan l-artikolu jinkludi lista ta’ erba’ rekwiżiti differenti ta’ kundizzjonalità, li jibqgħu obbligatorji u applikabbli, u dan anki meta ma jibqgħux hekk obbligatorji u applikabbli l-Artikoli 6 sa 8 tal-imsemmi regolament li jispeċifika r-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 3(c) u (d).

59

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW u, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, meta l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi ta’ regolament, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata preċiża tiegħu, l-interpretazzjoni tar-regolament inkwistjoni għandha tiġi bbażata kemm fuq l-għan tiegħu kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 168, u tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 148).

61

Ir-Regolament Nru 73/2009, li jħassar ir-Regolament Nru 1782/2003 mill-1 ta’ Jannar 2009 (l-Artikolu 146(1) u l-Artikolu 149 tar-Regolament Nru 73/2009), huwa applikabbli għall-fatti tal-kawża, għas-snin 2009 u 2010, filwaqt li r-Regolament Nru 1782/2003 jibqa’ applikabbli fir-rigward tas-sena 2008.

62

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 73/2009, li fis-sustanza huwa ekwivalenti għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kien jipprovdi li l-bdiewa li jirċievu ħlasijiet diretti kienu obbligati li josservaw ir-RRQĠ elenkati fl-Anness II. Dan tal-aħħar jagħmel riferiment għar-rekwiżiti differenti fil-qasam tal-ambjent, tas-saħħa pubblika, tas-saħħa tal-annimali u tal-ħxejjex, tal-identifikazzjoni, tar-reġistrazzjoni u tal-benesseri tal-annimali.

63

Fost dawn ir-rekwiżiti, ir-RRQĠ Nru 8 tal-Anness II tar-Regolament Nru 73/2009, li fis-sustanza huma ekwivalenti għar-RRQĠ Nru 8a tal-Anness III tar-Regolament Nru 1782/2003, kien jagħmel riferiment, għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, għall-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 21/2004.

64

Filwaqt li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 21/2004 jelenka erba’ elementi li jikkostitwixxu s-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali, l-Artikoli 4 u 5, li jispeċifikaw u li jiddettaljaw l-ewwel żewġ elementi [previsti fl-Artikolu 3(a) u (b)], huma indikati fir-RRQĠ Nru 8.

65

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 8 tar-Regolament Nru 21/2004, għandu jiġi kkonstatat li mill-istruttura tagħhom jirriżulta li l-Artikolu 3 ma kienx maħsub li jkun ta’ portata awtonoma, peress li dan sempliċiment jelenka l-elementi riprodotti u sussegwentement iddikjarati fl-Artikoli 4 sa 8, li jiddefinixxu l-kontenut ta’ dawn l-elementi.

66

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sens li jeħtieġ li jingħata lir-riferiment magħmul mir-RRQĠ Nru 8 għall-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 21/2004, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-uniċi elementi msemmija fl-Artikoli 4 u 5 u elenkati fl-Artikolu 3(a) u (b) tal-istess regolament, huma elevati bħala rekwiżiti ta’ kundizzjonalità.

67

Barra minn hekk, il-loġika ta’ din l-interpretazzjoni tar-RRQĠ Nru 8 hija kkonfermata mid-differenza tan-natura bejn, minn naħa, l-elementi elenkati fl-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 21/2004 u riprodotti fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi regolament, u min-naħa l-oħra, l-elementi msemmija fl-Artikolu 3(c) u (d) tar-Regolament Nru 21/2004 u riprodotti fl-Artikoli 6 sa 8 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-elementi li jinsabu fl-Artikoli 4 sa 5 tar-Regolament Nru 21/2004, l-elementi previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tal-imsemmi regolament jikkonċernaw l-obbligi imposti essenzjalment fuq l-Istati Membri biss, fatt li jista’ jispjega l-volontà tal-leġiżlatur li ma jirrendix l-osservanza tagħhom kundizzjoni għall-ħlasijiet favur il-bdiewa.

68

Din il-konklużjoni tgħodd fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 21/2004, sa fejn dan tal-aħħar jipprovdi għall-obbligu tal-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi mudell ta’ dokument ta’ movimenti li għandu jakkumpanja kull moviment tal-annimali fit-territorju nazzjonali bejn ażjendi differenti, u li, skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, huwa fakultattiv fl-Istati Membri li fihom ikun hemm database elettronika ċentralizzata funzjonanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-imsemmi dokument reċiprokament bejniethom u jibagħtuh ukoll lill-Kummissjoni. Skont il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, id-detentur tal-annimali, stabbilit fl-ażjenda ta’ destinazzjoni, għandu sempliċiment iżomm id-dokument għal ċerti perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti.

69

Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament sa fejn jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu u li jżommu reġistru ċentrali tal-ażjendi kollha eżistenti fit-territorju tagħhom u għall-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu database tal-informatika, li fiha d-detentur tal-annimali għandu, skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, jittrażmetti l-informazzjoni marbuta mal-annimali preżenti fl-ażjenda tiegħu u l-movimenti tagħhom, f’ċertu terminu.

70

Fid-dawl ta’ dan li ntqal, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, għalkemm ir-Renju Unit huwa marbut bir-Regolament Nru 21/2004 fl-intier tiegħu, li jinkludi l-Artikoli 5 sa 8 tiegħu, l-osservanza ta’ dawn l-Artikoli ma tistax tiġi kkunsidrata, inkluż permezz tar-riferiment għall-Artikolu 3 tiegħu mir-RRQĠ Nru 8, bħala li tikkundizzjona l-ħlasijiet favur il-bdiewa.

71

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-konformità tal-ħlasijiet favur il-bdiewa Skoċċiżi għandha tiġi evalwata abbażi tar-RRQĠ Nru 8, sa fejn dan jirrikjedi l-osservanza tal-elementi kollha elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 21/2004, b’mod partikolari l-elementi stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan tal-aħħħar.

72

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dan l-iżball ma jistax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

73

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, anki jekk premessa ta’ att ikkontestat ikun fiha żball ta’ fatt, dan l-iżball jista’ madankollu ma jwassalx għall-annullament ta’ dan l-att jekk il-premessi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw il-motivi b’tali mod li jistabbilixxu l-fondatezza tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, T‑155/04, EU:T:2006:387, punt 47).

74

Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha dritt li tapplika koeffiċjent ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għal kull nuqqas identifikat fis-sistema ta’ kontrolli tar-Renju Unit, skont il-metodu riprodott fid-dokument VI/5330/97, il-legalità ta’ liema ma hijiex ikkontestata mir-Renju Unit.

75

Mit-tieni paragrafu tal-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97 jirriżulta li l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu kkalkulati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatata u li l-Kummissjoni għandha żżomm kont, għal dan l-għan, tan-natura u tal-gravità tal-ksur kif ukoll tal-preġudizzju finanzjarju kkważat lill-Unjoni. B’mod partikolari fih hemm previst metodu ta’ evalwazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja abbażi tar-riskji tat-telf finanzjarju, li huwa intiż li jelimina l-irregolaritajiet sistematiċi u jista’ jwassal għal korrezzjonijiet b’rata fissa li jkunu jammontaw għal 2 %, 5 %, 10 % jew għal 25 % tal-ispejjeż iddikjarati, skont il-portata tar-riskju tat-telf finanzjarju għall-Unjoni li jirriżultaw minn nuqqasijiet tas-sistemi ta’ kontroll (it-tmien paragrafu tal-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97).

76

Fir-rigward tal-għażla bejn ir-rati fissi applikabbli, kif riprodotti fl-ewwel paragrafu tal-punt 3.1 tad-dokument AGRI-2005-64043, adottat fid-9 ta’ Ġunju 2006 u intitolat “Avviż dwar it-trattament, mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, taqsima ‘Garanziji’, tal-insuffiċjenzi kkonstatati fis-sistemi ta’ kontroll tal-kundizzjonalità implementati mill-Istati Membri” (iktar ’il quddiem l-“avviż AGRI-2005-64043”), il-legalità ta’ liema ma hijiex ikkontestata mir-Renju Unit, id-dokument VI/5330/97 jispeċifika li, meta jitwettqu l-kontrolli ewlenin kollha, irrispettivament min-numru, mill-frekwenza jew mill-intensità stabbiliti mir-regolamenti, jeħtieġ li tiġi applikata korrezzjoni ta’ 5 %, peress li jista’ raġonevolment jiġi konkluż li dawn il-kontrolli ma joffrux il-livell mistenni ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju tat-telf għall-FEOGA huwa sinifikattiv (it-tmintax-il paragrafu tal-Anness 2 tad-dokument VI/5330/97).

77

Barra minn hekk, mill-erbgħa u għoxrin paragrafu tal-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta li meta l-istess sistema tiġġenera diversi nuqqasijiet, ir-rati fissi ta’ korrezzjoni ma jkunux kumulattivi, fejn l-iktar nuqqas serju jitqies li huwa indikattiv tar-riskji ppreżentati mis-sistema ta’ verifika fl-intier tagħha.

78

F’dan il-każ il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 5 % għas-sena 2008 abbażi tan-nuqqasijiet differenti kkonstatati fis-sistema ta’ kundizzjonalità tar-Renju Unit, miġbura f’sintenżi fil-punt 27 iktar ’il fuq u indikati fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata. Għas-snin tat-talba 2009 u 2010, hija naqqset ir-rata ta’ korrezzjoni minħabba ċirkustanzi attenwanti meħuda inkunsiderazzjoni u b’mod partikolari miżuri adottati mir-Renju Unit sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet ikkonstatati. Kull waħda mid-disa’ entrati kkontestati tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata hija marbuta ma’ diversi nuqqasijiet, u mhux sempliċement mar-RRQĠ Nru 8. Għar-Renju Unit u għall-miżura ta’ “Kundizzjonalità”, dawn tal-aħħar huma kif riprodotti hawn taħt u għandhom jinqraw flimkien mal-Anness tal-ittra tas-27 ta’ Marzu 2013:

Sena finan-zjarja

Raġuni

Tip

%

Munita

Ammont

Tnaqqis

Impatt finanzjarju

2009

Sistema ta’ sanzjonijiet laxka [għar- RRQĠ] 7 u 8, L-ebda segwitu għal [nuqqasijiet minuri], kontroll mhux effikaċi tal-KAAT, [sena tat-talba] 2008.

Rata-fissa

5

EUR

– 2 949 043,26

– 59 941,88

– 2 889 101,38

2010

Kontroll ineffettiv tal-KAAT u [tar-RRQĠ] 2, 4 u 8, [sena tat-talba] 2009.

Rata-fissa

2

EUR

– 1 175 238,88

– 24 310,41

– 1 150 928,47

2010

Kontroll ineffettiv tal-KAAT u [tar-RRQĠ] 2, 4 u 8, [sena tat-talba] 2009.

Rata-fissa

2

EUR

1 901,10

0,00

1 901,10

2010

Sistema ta’ sanzjonijiet laxka [għar- RRQĠ] 7 u 8, L-ebda segwitu għal nuqqas ta’ konformità minuri, kontroll mhux effikaċi tal-KAAT, [sena tat-talba] 2008

Rata-fissa

5

EUR

– 4 961,22

– 34,71

– 4 926,51

2011

Kontroll ineffettiv tal-KAAT u [tar-RRQĠ] 2, 4 u 8, [sena tat-talba] 2010.

Rata-fissa

2

EUR

795,26

0,00

795,26

2011

Kontroll ineffettiv tal-KAAT u [tar-RRQĠ] 2, 4 u 8, [sena tat-talba] 2009.

Rata-fissa

2

EUR

– 58,63

0,00

– 58,63

2011

Kontroll ineffettiv tal-KAAT u [tar-RRQĠ] 2, 4 u 8, [sena tat-talba] 2009.

Rata-fissa

2

EUR

– 879,96

0,00

– 879,96

2011

Kontroll ineffettiv tal-KAAT u [tar-RRQĠ] 2, 4 u 8, [sena tat-talba] 2010.

Rata-fissa

2

EUR

– 1 164 633,01

– 388,79

– 1 164 244,22

2011

Sistema ta’ sanzjonijiet laxka [għar- RRQĠ] 7 u 8, l-ebda segwitu għal nuqqas ta’ konformità minuri, kontroll mhux effikaċi tal-KAAT, [sena tat-talba] 2008.

Rata-fissa

5

EUR

– 440,27

0,00

– 440,27

79

Fir-rigward tal-kalkolu tal-korrezzjoni, fl-ittra tas-27 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni speċifikat li, skont l-Avviż AGRI-2005-64043, l-assenza jew in-natura inadegwata tal-verifiki fil-kuntest tal-kundizzjonalità u l-applikazzjoni skorretta kif ukoll in-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti mir-regolamenti, li jkollhom bħala konsegwenza, it-telf tal-effett diżważiv tagħhom, huma kkunsidrati bħala insuffiċjenzi fil-kontrolli ewlenin. Tali insuffiċjenzi jew nuqqasijiet ġew innotati. Fl-imsemmija ittra, l-imsemmija insuffiċjenzi huma miġbura kif ġej:

“Sena 2008

insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tar-RRQĠ Nru 2 u Nru 4;

insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tal-KAAT 4, 16 u 18;

ir-RRQĠ ma ġewx kollha suġġetti għal kontroll u għal sanzjonijiet adegwati fil-kuntest tal-kundizzjonalità;

is-sanzjoni ta’ 5 % għan-nuqqas ta’ konformità dovuta għal negliġenza ma kinitx possibbli għar-RRQĠ Nru 4;

adozzjoni ta’ attitudni klementi f’każ ta’ ksur tar-RRQĠ Nru 7 u 8;

assenza ta’ twettiq ta’ segwitu sistematiku fil-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità.

Snin 2009 u 2010

insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tar-RRQĠ Nru 2 u Nru 4;

insuffiċjenzi fir-rigward tal-kontroll effikaċi tal-KAAT 4, 16 u 18;

natura inadegwata tal-kontroll u tas-sanzjonijiet għar-RRQĠ Nru 8 fil-kuntest tal-kundizzjonalità.”

80

Fl-istess ittrra, il-Kummissjoni speċifikat li, abbażi tal-imsemmija insuffiċjenzi jew nuqqasijiet filwaqt li tagħmel riferiment għall-Avviż AGRI-2005-64043, kienet ġiet proposta korrezzjoni ta’ 5 % għas-sena 2008 u “li kull wieħed minn [dawn] in-nuqqasijiet seta’, ikkunsidrat b’mod iżolat, ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-korrezzjoni proposta”.

81

Ir-Renju Unit ma kkontestax din il-pożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni quddiem l-organu ta’ konċiljazzjoni.

82

L-imsemmi teħid ta’ pożizzjoni ġie kkonfermat mill-konklużjonijiet tal-organu ta’ konċiljazzjoni annessi mal-ittra tat-8 ta’ Novembru 2013, kif ġej:

“[S]kont id-dipartimenti, kull dgħufija invokata fl-ittra ta’ konċiljazzjoni, iżda mhux fit-talba ta’ konċiljazzjoni, hija suffiċjenti, b’mod iżolat, sabiex twassal għall-korrezzjoni proposta […]”

83

Bl-istess mod, ir-Renju Unit ma jinnegax il-fatt li huwa kkontesta, fil-kuntest tal-kawża odjerna, unikament l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tar-RRQĠ Nru 8, li, għal kull entrata tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, hija biss waħda mill-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni insostenn tar-rata ta’ korrezzjoni applikata.

84

Barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva, ir-Renju Unit tpoġġa f’pożizzjoni li jifhem li n-nuqqasijiet ikkonstatati kienu jikkonċernaw kontrolli ewlenin li jikkawżaw riskju ta’ telf sinifikattiv għall-fondi tal-Unjoni u li, għaldaqstant kull wieħed minnhom seta’ jagħti lok għal rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, abbażi tal-metodoloġija riprodotta fid-dokument VI/5330/97.

85

Għalkemm, fil-kuntest tal-kawża odjerna, ir-Renju Unit jidher li jirrifjuta l-possibbiltà li r-rata ta’ korrezzjoni applikata tista’ tiġi ġġustifikata minn nuqqasijiet oħra minbarra dawk li huwa fir-realtà jikkontesta, għandu jiġi kkonstatat li l-unika argument li huwa javvanza huwa marbut mal-konstatazzjoni ta’ differenza fir-rati applikati minn sena għall-oħra. Essenzjalment, din il-konstatazzjoni tirrileva l-effett li kull wieħed min-nuqqasijiet jista’ jkollu fuq ir-rata ta’ korrezzjoni stabbilita.

86

Dan l-argument ma jistax madankollu jintlaqa’. Fil-fatt, sa mill-ittra tas-27 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni kienet spjegat li, għas-snin 2009 u 2010, peress li l-awtoritajiet Skoċċiżi kienu adottaw, matul is-sena 2009, miżuri korrettivi sabiex jirrimedjaw ċerti nuqqasijiet identifikati, ir-riskju għall-fondi tal-Unjoni kien tnaqqas u li, sussegwentement, ir-rata ta’ korrezzjoni kienet ta’ 2 %. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat tnaqqis tar-rata applikabbli abbażi ta’ ċirkustanza attenwanti.

87

Fid-dawl ta’ dak kollu premess, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ispejjeż

88

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens.

89

Peress li r-Renju Unit tilef u saret talba mill-Kummissjoni f’dan is-sens, hemm lok li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

90

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż proprji tiegħu.

 

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Settembru 2016.

Firem


( *1 ) Il-lingwa tal-kawża hija l-Ingliż