T‑384/1462014TJ0384EU:T:2016:29800011177T

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Setturi taċ-ċanga u vitella u tan-ngħaġ — Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa — Korrezzjoni eżatta — Artikoli 48 u 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Drittijiet speċjali — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑384/14,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri u B. Tidore, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u D. Bianchi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/191/UE, tal-4 ta’ April 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 104, p. 43), sa fejn din teskludi ċertu nfiq li sar mir-Repubblika Taljana,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ġunju 2014, ir-Repubblika Taljana bdiet din l-azzjoni.

22

Fuq proposta tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

23

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015.

24

Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn fir-rigward tagħha tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji ta’ EUR 5026453.43 u ta’ EUR 1860259.60;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Id-dritt

26

Kontra d-deċiżjoni kkontestata r-Repubblika Taljana tinvoka motivi bbażati fuq, essenzjalment, il-ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-PAK, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll il-ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet finanzjarji, l-ewwel nett, fil-kuntest tal-għoti tal-pagamenti addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 u, it-tieni nett, fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-drittijiet speċjali fis-sens tal-Artikolu 47 u 48 tal-istess regolament.

27

Matul is-seduta, ir-Repubblika Taljana ddikjarat li hija kienet qiegħda tirrinunzja milli tinvoka l-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ EUR 3477225 sa fejn din kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni ta’ aġenzija ta’ pagament. Għaldaqstant, is-suġġett ta’ din il-kawża huwa limitat għal-legalità tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikoli 47, 48 u 69 tar-Regolament Nru 1782/2003 sabiex fuqhom tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji ta’ EUR 1860259.60 u EUR 5026453.43 rispettivament.

Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-FAEGG u l-Fond jiffinanzjaw biss l-infiq magħmula konformement mad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑349/97, Ġabra, EU:C:2003:251, punt 45; tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra, EU:C:2005:103, punt 32, u tat-12 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-356/08, EU:T:2012:418, punt 12).

29

F’dan ir-rigward, mir-regoli dwar il-FAEGG u l-Fond jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jorganizzaw sensiela ta’ kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għall-għoti tal-għajnuna jiġu osservati b’mod korrett. Jekk ma jkunx hemm organizzazzjoni ta’ tali korp ta’ kontrolli jew jekk dik l-organizzazzjoni stabbilita minn Stat Membru jkun fiha nuqqasijiet sal-punt li tħalli xi dubji fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tkun iġġustifikata li ma tirrikonoxxix ċertu nfiq imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-8/88, Ġabra, EU:C:1990:241, punti 2021; tal-14 ta’ April 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-468/02, EU:C:2005:221, punt 36; u tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, T‑183/06, EU:T:2009:370, punt 31).

30

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, anki jekk il-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ primjums ma tkunx timponi b’mod espress fuq l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu miżuri ta’ sorveljanza u modalitajiet ta’ kontroll bħal dawk invokati mill-Kummissjoni waqt il-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u tal-Fond, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-obbligu jista’ jirriżulta, jekk ikun il-każ b’mod impliċitu, mill-fatt li, skont ir-regoli dwar il-FAEGG u l-Fond, huma l-Istati membri li għandhom jorganizzaw sistema effikaċi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza (sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, EU:C:2005:221, punt 35; tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-418/06 P, Ġabra, EU:C:2008:247, punt 70, u tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑368/05, EU:T:2009:305, punt 76).

31

Fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet, hija l-Kummissjoni li, sabiex tagħti prova tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-PAK, għandha mhux turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri mibgħuta minnhom, iżda għandha tippreżenta prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija għandha fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew ta’ dawn iċ-ċifri. Dan it-tnaqqis tar-rekwiżit tal-prova għall-Kummissjoni jispjega ruħu mill-fatt li huwa l-Istat Membru li qiegħed fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-Fond (sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑247/98, Ġabra, EU:C:2001:4, punti 7 sa 9; tal-1 ta’ Lulju 2009, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑259/05, EU:T:2009:232, punt 112, u Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2012:418, punt 13).

32

Fil-fatt, il-ġestjoni tal-finanzjament tal-Fond hija bbażata prinċipalment fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati milli jiżguraw li jkun hemm osservanza stretta tar-regoli tal-Unjoni. Din is-sistema, ibbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Unjoni, ma tinvolvi l-ebda kontroll sistematiku min-naħa tal-Kummissjoni, li, barra minn hekk, huwa materjalment impossibbli għall-Kummissjoni li tiżgura kontroll bħal dan. L-Istat Membru biss jinsab f’pożizzjoni li jkun jaf u jiddetermina bi preċiżjoni d-data neċessarja għat-tfassil tal-kontijiet tal-Fond, filwaqt li l-Kummissjoni ma tgawdix mill-qrubija neċessarja sabiex tikseb l-informazzjoni li hija għandha bżonn mingħand l-aġenti ekonomiċi (sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1998, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-238/96, Ġabra, EU:C:1998:451, punt 30; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑5/03, Ġabra, EU:C:2005:426, punt 97, u tas-17 ta’ Ottubru 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑491/09, EU:T:2012:550, punt 25).

33

Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi l-iktar prova ddettaljata u eżawrjenti tat-twettiq tal-verifiki jew taċ-ċifri tiegħu u eventwalment tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenza Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2012:418, punt 13).

34

L-Istat Membru kkonċernat, min-naħa tiegħu, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u operattiva. Fejn dan ma jasalx li juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ineżatti, dawn ikunu jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ korp xieraq u effikaċi ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑253/97, Ġabra, EU:C:1999:527, punt 7; Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2003:251, punt 48; tat-12 ta’ Lulju 2011, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T‑197/09, EU:T:2011:348, punt 40, u Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2012:418, punt 35).

35

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mressqa mir-Repubblika Taljana insostenn tar-rikors sa fejn dan jirrigwarda ż-żewġ kategoriji ta’ korrezzjonijiet finanzjarji applikati fid-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

2. Fuq il-motiv dwar il-korrezzjoni eżatta fir-rigward tad-determinazzjoni u tal-pagament tad-drittijiet speċjali previsti bl-Artikoli 47 u 48 tar-Regolament Nru 1782/2003

80

Ir-Repubblika Taljana ssostni li hija applikat b’mod korrett l-Artikoli 43 u 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ trasferiment jew ta’ suċċessjoni tad-drittijiet għall-pagament minn agrikoltur lil ieħor, imsemmija mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, dawn id-drittijiet għall-pagamenti speċjali ġew ikkalkolati b’mod korrett billi nżammew separati, minn naħa, l-ammont ta’ referenza tal-attività ta’ trobbija u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-pagamenti marbuta maż-żoni. Is-sistema ta’ distribuzzjoni mill-ġdid ta’ dawn id-drittijiet hija allegatament kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni peress li din tosserva r-rekwiżit tat-traċċabbiltà tad-drittijiet għall-pagament.

81

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

82

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-punt 4.16 tar-rikors, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali “minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ proporzjonalità, ta’ legalità, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll ta’ obbligu ta’ motivazzjoni”. Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-prinċipji u tal-obbligu allegatament miksura, ir-Repubblika Taljana ma tinvoka ebda argumentazzjoni, lanqas sommarja. B’mod partikolari, sa fejn jinvoka l-assenza ta’ motivazzjoni kompleta u xierqa tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jindika l-punti li fir-rigward tagħhom ma ngħatatx motivazzjoni u mingħajr ma jippreċiża l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħtieġu żviluppi addizzjonali, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod li dawn id-diversi lmenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, Ġabra, EU:T:2008:440, punti 75 sa 77).

83

Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Taljana essenzjalment tinvoka ksur tal-Artikoli 47 u 48 tar-Regolament Nru 1782/2003.

84

Għandu wkoll jitqies li l-evalwazzjoni ta’ dan l-ilment tirrigwarda biss il-fondatezza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mad‑dokumenti prodotti quddiem il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-iskambji matul is-seduta, il-partijiet ma jaqblux dwar kif din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata.

85

Il-korrezzjoni preċiża ta’ EUR 1860259.60 applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, minħabba d-determinazzjoni u l-għoti mhux dovuti ta’ drittijiet għall-pagamenti speċjali, ma kinitx suġġetta għal konċiljazzjoni minn qabel u, għaldaqstant, ebda spjegazzjoni ma hija mogħtija dwar dan is-suġġett fir-rapport ta’ sinteżi. Għan-nuqqas li bih hija kkritikata r-Repubblika Taljana ngħataw spjegazzjonijiet fl-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010 u tat-13 ta’ Diċembru 2012 (ara l-punti 12 u 14 iktar ’il fuq). Dan jikkonċerna, minn naħa, l-allokazzjoni tad-drittijiet speċjali meta jkun hemm drittijiet li jirriżultaw min-ngħaġ u mill-baqar u miż-żoni u, min-naħa l-oħra t-tqassim tad-drittijiet speċjali li jirriżultaw mis-settur taż-żejt, għas-snin ta’ talba 2006 sa 2009. F’dawn l-ittri, il-Kummissjoni tikkritika lill-awtoritajiet Taljani li ma wettqux ġestjoni tajba ta’ dawn is-sitwazzjonijiet ta’ kumulu tad-drittijiet għall-għajnuna. Is-sitwazzjonijiet imsemmija b’dan l-ilment huma deskritti kif ġej:

jekk agrikoltur bi drittijiet speċjali mogħtija abbażi tal-perijodu ta’ referenza rċieva, mingħand agrikoltur ieħor (permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ wirt) xi ettari ta’ art u l-ammonti korrispondenti qabel l-ewwel sena ta’ implementazzjoni tas-sistema ta’ pagament uniku, il-valur tad-drittijiet speċjali tiegħu ma tqassamx mill-awtoritajiet Taljani bejn id-drittijiet normali (sa EUR 5000);

jekk agrikoltur bi drittijiet speċjali mogħtija abbażi tal-perijodu ta’ referenza rċieva ammonti li jirriżultaw mill-primjum bovin mingħajr ettari korrispondenti mingħand agrikoltur ieħor (permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ wirt) qabel l-ewwel sena ta’ implementazzjoni tas-sistema ta’ pagament uniku, il-valur tad-drittijiet speċjali riċevuti ma ġiex allokat mill-awtoritajiet Taljani lid-drittijiet normali tiegħu (sa EUR 5000).

86

Skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet teħtieġ l-allokazzjoni tad-drittijiet speċjali lid-drittijiet normali sal-limitu ta’ EUR 5000 għal kull ettaru u, sussegwentement li l-bqija jiġu allokati lid-drittijiet speċjali. Hija qieset, matul il-proċedura amministrattiva kollha, li d-drittijiet għall-pagamenti addizzjonali (speċjali) għal ammont ta’ inqas minn EUR 5000 ma kellhomx jintużaw b’mod awtonomu fir-rigward tal-pagament uniku, iżda kellhom jiġu allokati lid-drittijiet normali għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għall-pagament għal kull ettaru, b’dan il-kalkolu jikkonsisti f’li l-pagamenti riċevuti matul il-perijodu ta’ referenza jinqasmu fuq l-ettari li kkontribwixxew sabiex dawn jiġu ġġenerati bħallikieku dawn l-ettari kienu kkontribwixxew ukoll sabiex il-pagamenti addizzjonali (sal-limitu ta’ EUR 5000) jiġu ġġenerati. Għall-kuntrarju, billi żammew distinti d-drittijiet normali u d-drittijiet speċjali (mingħajr ebda tqassim mill-ġdid), l-awtoritajiet Taljani allegatament ħolqu iktar drittijiet speċjali u, konsegwentement, ikkalkolaw li hemm inqas drittijiet normali ta’ referenza.

87

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Taljana rrikonoxxiet li fil-prattika tbiegħdet mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, kif sostnut mill-Kummissjoni. Hija ssostni li “[l]-Artikoli 43 u 48 ġew applikati fuq il-parti tal-ammonti ta’ referenza ta’ kull agrikoltur ċedent u fuq l-agrikoltur ċessjonarju għall-parti tal-ammonti riżultanti mill-attività agrikola ta’ dan tal-aħħar, b’teħid inkunsiderazzjoni li kull wieħed kellu dritt għal pagamenti diretti matul il-perijodu ta’ referenza” u li “l-awtoritjiet Taljani ddeċidew li ma […] jagħmlux [distribuzzjoni mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagamenti sepeċjali] biss fil-każijiet fejn is-somma tal-ammonti ta’ referenza kollha […] kienet twassal għal ammont unitarju, għal kull ettaru, ta’ iktar minn EUR 5000”. Skont din, din l-applikazzjoni hija wkoll konformi mal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003.

88

Għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista mill-Artikolu 47 għar-regola ġenerali stabbilita bl-Artikolu 43 tal-istess regolament, hija bilfors interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger, C-481/99, Ġabra, EU:C:2001:684, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Preliminarjament, għandu jitfakkar l-għan ġenerali mfittex mir-Regolament Nru 1782/2003, jiġifieri l-implementazzjoni tas-sistema ta’ pagament uniku. Fid-dawl ta’ interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet adjaċenti, din id-dispożizzjoni tapplika għall-agrikoltur li jkun ibbenefika minn “pagamenti li jagħtu dritt [għal] drittijiet għall-pagament suġġetti għall-kondizzjonijiet speċjali” imsemmija fl-Artikolu 47 tal-imsemmi regolament u li, matul il-perijodu ta’ referenza, “ma kellhux ettari kif imsemmija fl-Artikolu 43 [tal-istess regolament]” għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagament uniku jew li l-ammont tad-dritt tiegħu għal kull ettaru huwa ta’ iktar minn EUR 5000. Dan l-agrikoltur, li, jew ma għandux ettari, jew inkella għandu ettari li d-dritt tagħhom għal kull ettaru jaqbeż l-EUR 5000, għandu dritt a) għall-pagament ugwali għall-“ammont ta’ referenza” (ta’ bażi) tiegħu korrispondenti għall-pagamenti diretti li minnhom huwa bbenefika matul il-perijodu medju ta’ tliet snin u (b) għall-pagamenti “għal kull EUR 5000 jew parti mill-ammont ta’ referenza” (jiġifieri l-pagamenti speċjali) li minnhom ibbenefika matul il-perijodu medju ta’ tliet snin.

90

Minn dan isegwi li l-pagamenti speċjali jiġu allokati lill-ammont ta’ referenza għal kull ettaru sal-ammont ta’ EUR 5000 u, minn dak il-limitu, jikkostitwixxu dritt għall-pagament (speċjali) iktar. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprevedi li l-ammonti li dan jelenka għandhom “ikunu inklużi” fl-ammont ta’ referenza taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 48 tal-istess regolament. Mill-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta wkoll li, mill-2007, u b’deroga mill-Artikoli 33, 43 u 44 tal-istess regolament, l-ammonti li jirriżultaw mill-primjum għall-prodotti tal-ħalib u mill-pagamenti addizzjonali (previsti fl-Artikoli 95 u 96 tar-Regolament Nru 1782/2003) ser ikunu “inklużi f[is-]”sistema ta’ pagament uniku skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 48 u 50. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni rilevanti tistabbilixxi l-prinċipju ta’ kumulu tal-pagamenti li jirriżultaw mid-diversi titoli f’pagament uniku.

91

Ir-Repubblika Taljana għaldaqstant bi żball issostni li mill-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta obbligu li l-pagamenti kollha li jirriżultaw minn diversi drittijiet jinżammu separati. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament, kif sar fir-rikors, ma jistax jappoġġja iktar it-teżi mressqa mir-Repubblika Taljana. Din id-dispożizzjoni, intitolata “Kondizzjonijiet” u li tirrigwarda d-drittijiet għall-ħlasijiet speċjali, tipprevedi deroga mill-Artikolu 36(1) u mill-Artikolu 44(1) tal-istess regolament sa fejn agrikoltur li jkollu tali drittijiet għall-pagament li għalihom huwa ma kellux ettari matul il-perijodu ta’ referenza huwa awtorizzat jidderoga mill-obbligu li jipprovdi numru ta’ ettari eliġibbli ekwivalenti għan-numru ta’ drittijiet. Din id-deroga hija suġġetta għall-kundizzjoni li tinżamm tal-inqas 50 % tal-attività agrikola li l-agrikoltur kien jeżerċita matul il-perijodu ta’ referenza, espressa f’unitajiet ta’ bhejjem (“livestock units”). Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda metodu alternattiv ta’ determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti speċjali, u lanqas ebda obbligu li l-pagamenti li jirriżultaw mid-diversi drittijiet jinżammu separati. Fil-fatt, l-Artikolu 49(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jippreċiża li “d-drittijiet għall-pagament determinati skond l-Artikolu 48 m’għandhomx ikunu mibdula”.

92

Għandu wkoll jitwarrab l-argument, li jinsab fil-punt 32 tar-replika, li jgħid li l-ammonti msemmija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 huma “miżjuda” mal-ammont ta’ referenza. Fil-fatt, tqabbil tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-verżjoni Taljana, dik Ingliża u dik Ġermaniża, jikkonferma t-tifsira tal-kliem “inklużi [fi]” (“sono inclusi”; “included in”; “in die Berechnung des Referenzbetrags aufgenommen”). Fi kwalunkwe każ, matul is-seduta, ir-Repubblika Taljana rrinunzjat għal dan l-argument.

93

Fir-rigward tal-allegazzjoni li, minn naħa, il-metodu ta’ determinazzjoni tad-drittijiet użat mill-awtoritajiet Taljani ma wassalx għal differenzi fil-valur globali tad-drittijiet għall-pagament mogħtija lill-agrikolturi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna d-d 0rittijiet speċjali, l-obbligu ta’ żamma tal-unitajiet ta’ bhejjem inżamm skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1782/2003, din ma tistax tintlaqa’. Peress li dan ir-regolament ippreveda metodu speċifiku tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pagament għal dawn il-finijiet u sabiex tiġi żgurata r-regolarità tad-drittijiet allokati fl-Istati Membri kollha, ir-Repubblika Taljana kienet obbligata tapplikah. Mill-analiżi ta’ hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa ta’ natura obbligatorja u ma jipprevedi ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-Istat Membru. Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana ma tistax tippretendi li l-metodu alternattiv tagħha huwa daqstantieħor effikaċi, li kapaċi jipprevjeni l-frodi jew li saħansitra huwa iktar favorevoli għall-agrikoltur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:2002:192, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Marzu 2007, Spanja vs Il-Kummissjoni, T-220/04, EU:T:2007:97, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

L-istess jgħodd f’dak li jikkonċerna l-argument li l-azzjoni tal-awtoritajiet Taljani ma kkawżat ebda riskju għall-Fond. Għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana għadha ma pproduċietx prova ta’ natura li tikkontesta l-kalkolu, mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, tal-ammonti eżatti li jesponu lill-Fond għal riskju. Fil-fatt jirriżulta, minn naħa, mill-minuti tal-laqgħa bilaterali tat-8 ta’ Frar 2011 u, min-naħa l-oħra, mill-ittra tat-13 ta’ Diċembru 2012, li l-awtoritajiet Taljani, abbażi ta’ metodoloġija approvata mill-Kummissjoni, “ipprovdew il-kalkolu li jindika r-riskju reali għall-Fond li jirriżulta mill-applikazzjoni inkorretta tal-Artikoli 43 u 48 tar-Regolament Nru 1782/2003, li jikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 1813699.96 għal erba’ snin”.

95

Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma indikatx l-effetti konkreti li jirriżultaw mill-applikazzjoni inkorretta tal-Artikoli 43 u 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 mill-awtoritajiet Taljani, dan ukoll għandu jitwarrab. Bħall-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta element ta’ dubju serju u mhux turi li r-riskji ġew fis-seħħ.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-punti 89 u 90 hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 difiża mir-Repubblika Taljana tmur kontra kemm il-formulazzjoni tiegħu kif ukoll kontra l-istruttura tiegħu. Peress li l-argumenti kollha tagħha ġew miċħuda, hemm lok li dan il-motiv imqajjem mir-Repubblika Taljana, dwar il-korrezzjoni eżatta li tirrigwarda d-determinazzjoni u l-pagament tad-drittijiet speċjali, jiġi miċħud bħala infondat.

97

Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2016.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.