24.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 421/58


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2014 – ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-53/14)

2014/C 421/84

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ (rappreżentant: V. Simeons, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-deċiżjonijiet li jirtiraw kemm il-benefiċċju tal-allowance għal wild dipendenti mogħti lir-rikorrenti favur ommha u li jneħħu l-kopertura tagħha mis-Sistema Komuni ta’ Assigurazzjoni għall-Mard tal-Istituzzjonijiet Ewropej (SKAM) u annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ammonti mħallsa lir-rikorrenti.

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla t-tliet deċiżjonijiet tal-PMO.1, tal-20 ta’ Awwissu 2013, li rrevokaw iddeċiżjonijiet li inizjalment kienu jagħtuha l-allowance għall-manteniment ta’ omm ir-rikorrenti fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2010 sat-28 ta’ Frar 2013 (deċiżjonijiet tal-11 ta’ Mejju 2010, 5 ta’ Mejju 2011 u 16 ta’ Jannar 2012);

jannulla d-deċiżjoni tal-PMO.3, tal-25 ta’ Settembru 2013, li tirrevoka l-kopertura tas-SKAM ta’ ommha u li tinformaha dwar l-irkupru tar-rimbors tal-ispejjeż mediċi;

jannulla d-deċiżjoni tal-PMO.1, tat-23 ta’ Ottubru 2013, dwar l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament taħt l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal;

sa fejn huwa neċessarju, jannulla d-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2014 li tiċħad l-ilment;

jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.