OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJ SZPUNAR

ippreżentata fl-24 ta’ Settembru 2014 1 ( 1 )

Kawża C‑376/14 PPU

C

vs

M

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l‑Irlanda)]

“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri — Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ ta’ minuri wara d-divorzju tal-ġenituri tiegħu — Tneħħija leġittima tal-minuri lejn Stat Membru ieħor — Żamma illegali”

I – Introduzzjoni

1.

Koppja Franko-Britannika ddivorzjat. Għandhom wild ta’ età żgħira. L-omm, abbażi ta’ deċiżjoni ta’ qorti Franċiża, ħadet il-minuri magħha minn Franza lejn l-Irlanda. Seba’ xhur wara, din id-deċiżjoni ġiet irriformata minn Qorti tal-Appell Franċiża, u ġie ordnat li l-minuri kellha toqgħod mal-missier. L-omm ma rritornatx il-minuri.

2.

Fejn tinsab u fejn kienet tinsab ir-residenza abitwali tal-minuri? Seħħ ħtif fil-forma ta’ żamma illegali? Dawn huma d-domandi li s-Supreme Court (l-Irlanda) qed taffaċċja fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

3.

Huwa magħruf sew li, fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija rregolata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 ( 2 ), magħruf ukoll bħala r-“Regolament Brussell II bis”. Huwa wkoll magħruf sew li l-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, adottata taħt l-awspiċi tal-Konferenza ta’ Den Haag fuq id-dritt internazzjonali privat ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), tipprovdi għal proċedura għar-ritorn ta’ minuri.

4.

Ir-risposta tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea għall-kwistjoni dwar kif għandha tiġi kkalibrata r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti legali tinsab fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003. Dan il-kawża, li tinsab fuq il-linja diviżorja bejn il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u r-Regolament Nru 2201/2003, tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u r-relazzjonijiet reċiproċi bejn ir-Regolament Nru 2201/2003 u l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-Konvenzjoni ta ’ Den Haag tal-1980

5.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprovdi:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa:

a)

li jiġi żgurat ir-ritorn immedjat ta’ minuri mneħħija jew miżmuma illegalment f’xi Stat Kontraenti;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu li huma illegali meta:

a)

iseħħu bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew organu ieħor, individwalment jew b’mod konġunt, mid-dritt tal-Istat fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu; u

b)

dan id-dritt kien eżerċitat effettivament individwalment jew b’mod konġunt, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew kien ikun hekk eżerċitat li kieku ma seħħewx dawn l-avvenimenti.

Id-dritt ta’ kustodja msemmi fil-punt a) jista’ jirriżulta b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dan l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jaqra kif ġej:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illegali fis-sens tal-Artikolu 3 u meta jkun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mit-tneħħija jew miż-żamma fil-mument li titressaq it-talba quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, l-awtorità li quddiemha titressaq din it-talba għandha tordna r-ritorn immedjat tiegħu.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, anki jekk it-talba quddiemha titressaq wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sena previst fil-paragrafu preċedenti, għandha wkoll tordna r-ritorn tal-minuri, sakemm ma jiġix stabbilit li l-minuri integra ruħu fl-ambjent il-ġdid tiegħu.

Meta l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ikollha raġunijiet għaliex temmen li l-minuri ttieħed fi Stat ieħor, hija tista’ tissospendi l-proċeduri jew tiċħad it-talba għar-ritorn tal-minuri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

L-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma tkunx obbligata tordna r-ritorn tal-minuri meta l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jkunu qed jopponu għar-ritorn jistabbilixxu:

a)

li l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li kellhom il-kura tal-persuna tal-minuri ma kinux effettivament qed jeżerċitaw id-dritt ta’ kustodja fiż-żmien meta l-minuri tneħħa jew inżamm, jew kienu taw il-kunsens tagħhom għal jew kienu sussegwentement baqgħu siekta fir-rigward ta’ din it-tneħħija jew ta’ din iż-żamma; jew

b)

li hemm riskju gravi li r-ritorn tal-minuri ser jesponih għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku, jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk tikkonstata li dan joġġezzjona għar-ritorn tiegħu u jekk dan ikun laħaq età u livell ta’ maturità tali li jkun xieraq li din l-opinjoni tittieħed inkunsiderazzjoni.

Fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artikolu, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mogħtija mill-Awtorità ċentrali jew minn kull awtorità kompetenti oħra tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri dwar is-sitwazzjoni soċjali tiegħu.”

9.

L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jaqra kif ġej:

“Wara li jkunu ġew informati dwar it-tneħħija illegali ta’ minuri jew dwar iż-żamma tiegħu fis-sens tal-Artikolu 3, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti fejn ikun ittieħed jew inżamm il-minuri ma għandhomx jiddeċiedu fil-mertu dwar id-dritt ta’ kustodja qabel ma jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għar-ritorn tal-minuri ma humiex issodisfatti, jew qabel ma jkun għadda perijodu raġonevoli mingħajr ma tkun tressqet talba skont din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jistabbilixxi:

“Deċiżjoni dwar ir-ritorn tal-minuri mogħtija fil-kuntest tal-Konvenzjoni [ta’ Den Haag tal-1980] ma taffettwax il-mertu tad-dritt ta’ kustodja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

11.

Il-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 taqra kif ġej:

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament [illegalment] jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skont kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l- enfurzar [l-eżekuzzjoni] ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

12.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

7.

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

8.

il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

9.

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

10.

il-kliem ‘drittijiet ta’ aċċess’ għandhom jinkludu partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ’l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat;

11.

il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma [tneħħija jew żamma illegali]’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)

hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)

iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skont sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tal-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità tal-ġenitur.”

13.

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar “Il-ġurisdizzjoni” jinkludi Taqsima 2 dwar “IR-Responsabbiltà ta’ l-ġenituri” (Artikoli 8 sa 15).

14.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” u jaqra kif ġej:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

15.

L-Artikolu 9 dwar “Il-Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri” jistipula:

“1.   Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skont eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skont is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, tal-minuri.

2.   Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika jekk il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 aċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida ta’ l-minuri billi jipparteċipa fi proċedimenti quddiem dawk il-qrati mingħajr jopponi l-ġurisdizzjoni tagħhom.”

16.

L-Artikolu 10 jirrigwarda “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri”. Huwa jaqra kif ġej:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

(a)

kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

(b)

il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)

Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)

talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skont il-paragrafu (i);

(iii)

każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skont l-Artikolu 11(7);

(iv)

sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

17.

L-Artikolu 11, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

“1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (hawnhekk iżjed ’il quddiem ’il-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980’ [’il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980’]) ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.   Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

3.   Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

4.   Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.

5.   Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri sakemm il-persuna li talbet ir-ritorn ta’ l-minuri tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’.

6.   Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skont l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha,, kopja ta’ l-ordni tal-qorti dwar l- sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.   Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġa fil-pussess ta’ [diġà ġiet adita minn] wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skont il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.   Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skont l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli [eżegwibbli] skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

18.

L-Artikolu 12 jirrigwarda “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni” u jaqra kif ġej:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

(a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan [tiġi adita], u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

2.   Il-ġurisdizzjoni mogħtija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf jekk [hekk] kif:

(a)

is-sentenza li tippermetti jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg ġiet finalizzata;

(b)

f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri għadhom pendenti fid-data imsemmija f’ (a), sentenza f’dawn il-proċedimenti giet iffinalizzata;

(ċ)

il-proċedimenti msemmija f’ (a) u f’(b) ġew mitmuma għal raġuni oħra.

3.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

(a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess [tiġi adita] u dan fl-ahjar interess għall-minuri.

4.   Fejn il-minuri għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ xi Stat terz li mhuwiex parti kontrattanti mal-Konvenzjoni ta’ l-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar [l-eżekuzzjoni] u l-koperazzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, il-ġurizdizzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tiġi meqjusa li tkun għall-aħjar interessi ta’ l-minuri, u partikolarment jekk jinstab li huwa impossibbli li jinżammu l-proċedimenti f’dak l-Istat terz in kwistjoni.”

19.

Skont l-Artikolu 16, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti [It-tressiq ta’ kawża quddiem qorti]”:

“1.   Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess; [ġiet adita:]

(a)

fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

jew

(b)

jekk id-dokument għandu jiġi notifikat qabel ma jiġi ppreżentat il-qorti, waqt iż-żmien li jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għas-servizz, dement li l-applikant ma jonqosx milli jieħu l-passi li kellu jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat il-qorti.”

20.

L-Artikolu 19 dwar “Lis [alibi] pendens u azzjonijiet dipendenti” jaqra kif ġej:

“1.   Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess [adita] għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita.

2.   Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.   Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel.”

C – Id-dritt Irlandiż

21.

Iċ-Child Abduction and Enforcement of Custody Orders Act ( 4 ), 1991, jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fid-dritt Irlandiż. Din il-liġi ġiet emendata bil-European Communities (Judgments in Matrimonial Matters and Matters of Parental Responsibility) Regulations, 2005 (S.I. 112 of 2005) ( 5 ), sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-Regolament Nru 2201/2003 f’kawżi li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u li jinvolvu Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

III – Fatti u proċedura

22.

Il-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tinvolvi tilwima dwar iż-żamma illegali tal-minuri H, ċittadina Franċiża, imwielda fi Franza fl-14 ta’ Lulju 2008, mill-ġenituri, li dak iż-żmien kienu miżżewġin, C, il-missier, ċittadin Franċiż, u M, l-omm, li hija Britannika, imwielda l-Ingilterra minn ġenituri Irlandiżi.

23.

Iż-żwieġ bejn il-ġenituri ddeterjora ftit wara t-twelid tal-minuri. Fis-17 ta’ Novembru 2008, l-omm ressqet talba għad-divorzju fi Franza. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-ġenituri ilhom għaddejjin b’maratona ġudizzjarja fuq id-drittijiet tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri ( 6 ).

24.

Fit-2 ta’ April 2012, il-Qorti tal-Familja ta’ Angoulême iddikjarat id-divorzju bejn il-miżżewġin u ordnat li kellu jkun effettiv mis-7 ta’ April 2009. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-qorti ordnat ukoll li s-setgħat tal-ġenituri kellha tiġi eżerċitata b’mod konġunt miż-żewġ ġenituri, iżda li r-residenza abitwali tal-minuri kellha tkun mal-omm. It-trasferiment ta’ residenza kellu jseħħ b’mod progressiv u kellu jsir kompletament effettiv mis-7 ta’ Lulju 2012 ( 7 ). Dik il-qorti awtorizzat lill-omm tistabbilixxi r-residenza tagħha fl-Irlanda mal-minuri. Hija organizzat id-dritt ta’ aċċess tal-missier, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-eventwalità li l-omm titlaq lejn l-Irlanda (darba fix-xahar).

25.

Fit-23 ta’ April 2012, il-missier appella minn din id-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Huwa talab sospensjoni tal-eżekuzzjoni immedjata ta’ dik il-parti tad-deċiżjoni li tawtorizza lill-omm tmur l-Irlanda.

26.

Fil-5 ta’ Lulju 2012, l-Ewwel President tal-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni immedjata.

27.

Fit-12 ta’ Lulju 2012, l-omm u l-minuri marru joqgħodu l-Irlanda u baqgħu joqgħodu hemm minn dak iż-żmien ’l quddiem. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-omm ma kkonformatx ruħha mad-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012, li ordnatilha tagħti aċċess lill-missier.

28.

Fil-5 ta’ Marzu 2013, il-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux iddeċidiet l-appell mid-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 u ordnat l-eżerċizzju konġunt tas-setgħa tal-ġenituri u li l-minuri kellha tirrisjedi mal-missier bi drittijiet ta’ aċċess u akkomodazzjoni favur l-omm.

29.

Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-missier, permezz ta’ ċitazzjoni speċjali, fittex li jikseb, quddiem il-qrati Irlandiżi, ir-ritorn tal-minuri lejn ir-residenza abitwali tagħha fi Franza skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 għall-finijiet li jiġu eżegwiti l-ordnijiet ta’ kustodja tal-qrati Franċiżi, kif ukoll id-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess tiegħu u dikjarazzjoni li l-omm kienet żammet il-minuri fl-Irlanda illegalment.

30.

Fit-2 ta’ Lulju 2013, waqt seduta quddiem il-Qorti tal-Familja f’Niort, il-missier fittex li jikseb ordni li tittrasferixxi s-setgħa tal-ġenituri esklużivament lilu, u li tipprojbixxi t-tneħħija tal-minuri minn Franza. L-omm qajmet oġġezzjonijiet proċedurali, billi invokat il-proċeduri mibdija fid-29 ta’ Mejju 2013 quddiem il-qrati Irlandiżi.

31.

Fl-10 ta’ Lulju 2013, il-Qorti tal-Familja f’Niort tat id-deċiżjoni tagħha u ċaħdet l-oġġezzjonijiet proċedurali mqajma mill-omm, billi kkunsidrat li l-kwistjoni quddiem il-qrati Irlandiżi ma kinitx tikkonċerna s-sustanza tal-kustodja u li ma kien hemm ebda riskju ta’ kunflitt bejn il-qrati għaliex il-qorti Irlandiża “ma jidhirx li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi jekk għandux jiġi rritornat jew le minuri li r-residenza abitwali tiegħu, u għalhekk il-mertu tal-kawża, ġiet stabbilita b’appell fi Franza, permezz ta’ deċiżjoni reċenti ħafna”. Il-Qorti tal-Familja f’Niort tat is-setgħa tal-ġenituri esklużiva lill-missier, ordnat ir-ritorn tal-minuri lejn id-dar ta’ missierha fi Franza u pprojbixxiet it-tneħħija tal-minuri minn Franza mingħajr il-kunsens tiegħu. Minn dak iż-żmien, il-minuri ma ġietx irritornata lejn Franza.

32.

Fit-13 ta’ Awwissu 2013, il-High Court tal-Irlanda ċaħdet it-talba għar-ritorn tal-minuri lejn Franza, imressqa skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, u ċaħdet talba għal dikjarazzjoni li l-omm kienet żammet il-minuri l-Irlanda illegalment (Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980) ( 8 ). Hija ddeċidiet li l-provi kienu stabbilixxew li l-minuri kienet ilha abitwalment residenti fl-Irlanda minn, jew minn bejn wieħed u ieħor, Lulju 2012, meta hija u ommha marru joqgħodu l-Irlanda. Il-qorti ddeċidiet li dan it-trasferiment kien leġittimu, abbażi tal-ordni tal-Qorti tal-Familja ta’ Angoulême tat-2 ta’ April 2012.

33.

Fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-missier appella mid-deċiżjoni tal-High Court. Quddiem is-Supreme Court, il-missier sostna, b’mod partikolari, li tneħħija leġittima tista’ ssir żamma illegali, li l-qrati Irlandiżi huma marbuta bl-ordnijiet tal-qrati Franċiżi, li kienu l-ewwel li ġew aditi li għandhom ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ kustodja tal-minuri, u li l-Qorti tal-Familja Franċiża f’Niort irriaffermat, b’mod partikolari fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2013, li kienet l-unika qorti li kellha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 2201/2003 u li r-residenza abitwali tal-minuri kienet fi Franza.

34.

L-omm issostni, b’mod partikolari, li, abbażi tal-ordni tal-Qorti ta’ Angoulême tat-2 ta’ April 2012, hija kellha d-dritt tiddeċiedi fuq ir-residenza abitwali tal-minuri, mingħajr il-kunsens tal-missier, u li r-residenza abitwali tal-minuri nbidlet wara t-tneħħija tagħha lejn l-Irlanda b’mod li l-minuri kienet abitwalment residenti fl-Irlanda qabel Marzu 2013 u li ż-żamma kontinwata tal-minuri fl-Irlanda ma kinitx illegali.

35.

Fil-kuntest tal-kwistjoni dwar il-proċedura għar-ritorn pendenti quddiemha, is-Supreme Court għamlet tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara l-punt 39 iktar ’il quddiem).

36.

Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-missier talab lill-Master tal-High Court tal-Irlanda, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tiġi eżegwita d-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2013 tal-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux. It-talba ntlaqgħet u d-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-omm fl-20 ta’ Diċembru 2013.

37.

Min-naħa tagħha, l-omm talbet sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni. It-talba ġiet irreġistrata fid-9 ta’ Mejju 2014 quddiem il-High Court fl-Irlanda. Attwalment, l-eżitu ta’ din il-proċedura ma huwiex magħruf.

38.

Fis-7 ta’ Jannar 2014, l-omm ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Cour de Cassation ta’ Franza mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux tal-5 ta’ Marzu 2013. Ġiet iffissata seduta għall-25 ta’ Ġunju 2014. Attwalment, l-eżitu ta’ din il-proċedura wkoll ma huwiex magħruf.

IV – Domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

39.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2014, is-Supreme Court għamlet id-domandi li ġejjin għall-finijiet ta’ deċiżjoni preliminari:

“1)

L-eżistenza tal-proċedura Franċiża dwar il-kustodja tal-ulied tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-istabbiliment ta’ residenza abitwali tal-wild fl-Irlanda?

2)

Il-missier jibqa’ detentur tad-drittijiet ta’ kustodja jew il-qrati Franċiżi jibqa’ jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ kustodja tal-wild b’mod li n-nuqqas ta’ ritorn tal-wild fl-Irlanda jsir illegali?

3)

Il-qrati Irlandiżi għandhom is-setgħa li jeżaminaw il-kwistjoni tar-residenza abitwali tal-wild meta dan ikun irrisjeda fl-Irlanda minn Lulju 2012, data li fiha t-teħid tiegħu lejn l-Irlanda ma kienx jikser id-dritt Franċiż?”

V – Proċedura b’urġenza

40.

Permezz tal-istess deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2014, il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-raġuni mogħtija mill-qorti tar-rinviju hija li l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 tirrikonoxxi li, fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ minuri, ir-ritorn tal-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien.

41.

Fl-14 ta’ Awwissu 2014, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza. Ir-rikorrent u l-konvenut fil-kawża prinċipali ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet, flimkien mar-Repubblika Franċiża, ipparteċipaw fis-seduta tat-22 ta’ Settembru 2014.

VI – Evalwazzjoni

A – Osservazzjonijiet preliminari

42.

Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija tfittex li tikseb interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 12, 19 u 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 u, barra minn hekk, jidher li qed tibbaża r-raġunament tagħha fuq l-Artikoli 8, 9, 10, 13, 16, 17 u 23 ta’ dan ir-regolament. Minbarra dan, jidher mid-digriet tar-rinviju li qorti tar-rinviju tassumi li japplika l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-lis alibi pendens.

43.

F’dan il-kuntest, għandhom jiġu ċċarati ċerti kwistjonijiet qabel ma ngħaddi sabiex nipproponi risposti għat-tliet domandi magħmula.

1. Ammissibbiltà tad-domandi

44.

Qabel xejn, għandu jiġi osservat li l-proċeduri li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003.

45.

Dan jeħtieġ kjarifika fil-qosor tar-relazzjoni ġuridika bejn il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, relazzjoni li għandha titqies fil-perspettiva storika tagħha.

46.

Inizjalment, kemm il-Konvenzjoni Brussell II ( 9 ) kif ukoll ir-Regolament Brussell II ( 10 ), il-predeċessur tar-Regolament Nru 2201/2003, kienu jfittxu li jżommu separati l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u r-regoli Komunitarji dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Għalhekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Brussell II kien sempliċement jinkludi riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ( 11 ). Apparti dan ir-riferiment, ma kien hemm ebda interazzjoni oħra mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Fil-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, il-Kummissjoni, f’abbozz tal-Kapitolu III, inizjalment ipproponiet sistema intra-Komunitarja dwar proċedura għar-ritorn ( 12 ). Minkejja li din is-sistema ma kinitx intiża li tissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kompletament ( 13 ), kienet essenzjalment “tikkomunitarizza” l-proċedura għar-ritorn li kieku ġiet adottata. Il-proposta ma ġietx aċċettata u, minflok, intgħażel kompromess: il-proċedura għar-ritorn tibqa’ bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, iżda tiġi ssupplimentata bl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 14 ).

47.

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, fejn persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja titlob lill-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru jagħtu sentenza abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, bil-għan li tikseb ir-ritorn ta’ minuri li tneħħa jew inżamm illegalment fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn il-minuri kien abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali, għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 8 ta’ dan l-Artikolu 11.

48.

Jidher mill-ewwel mill-kliem tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 li din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax direttament liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjoni tar-ritorn tal-minuri ( 15 ). Għall-kuntrarju, hija tirreferi għall-“awtoritajiet kompetenti ( 16 ) fi Stat Membru [li lilhom għandha ssir talba] biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni [ta’ Den Haag tal-1980]”. Għalhekk, l-Artikolu 11(1) ma jikkostitwixxix, fih innifsu, bażi legali sabiex tingħata deċiżjoni ta’ ritorn ( 17 ). Tali bażi legali tirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali jew internazzjonali.

49.

Minn dan isegwi li għandha ssir proċedura skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sabiex japplika l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003. Din il-proċedura hija stabbilita essenzjalment mill-Artikoli 12 u 13, flimkien mal-Artikolu 3, tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Essenzjalment, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk kienx hemm tneħħija jew żamma illegali tal-minuri mill-post ta’ residenza abitwali tiegħu.

50.

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 mbagħad jissupplimenta ( 18 ) l-proċedura għar-ritorn bil-mod segwenti: il-paragrafi 2 u 5 jeżiġu li l-minuri jinstema’ waqt il-proċedura, il-paragrafu 3 jobbliga lill-qrati aditi jaġixxu bil-ħeffa u l-paragrafu 4 jenfasizza li ladarba jkunu saru arranġamenti xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-minuri wara r-ritorn tiegħu, tali ritorn ma jistax jiġi rrifjutat abbażi tal-Artikolu 13b tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Madankollu, il-funzjoni prinċipali tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 tinsab fil-paragrafu 6 et seq. Fil-każ li qorti toħroġ ordni kontra r-ritorn skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, il-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kien abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali jkollhom l-aħħar kelma f’dak li jirrigwarda r-ritorn ( 19 ). Tali titjib fil-proċedura tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 huwa fl-aħħar mill-aħħar dovut għal livell ogħla ta’ kooperazzjoni u fiduċja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ( 20 ).

51.

Ovvjament, sa fejn l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirkeb fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, l-Artikolu 11 jieħu preċedenza ( 21 ), filwaqt li l-Konvenzjoni jibqa’ jkollha effett f’dak li jirrigwarda materji mhux koperti mir-Regolament ( 22 ).

52.

Il-fatt li hija prinċipalment il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li tiddetermina l-proċedura f’din il-kawża jqajjem il-kwistjoni jekk id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja humiex ammissibbli, fi kliem ieħor, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 23 ).

53.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li filwaqt li l-Unjoni hija membru tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ( 24 ), iżda ma hijiex parti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet f’din il-konvenzjoni ( 25 ).

54.

F’diversi partijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jinkludi kliem simili għal dak tal-Konvenzjoni. F’din il-kawża, dan japplika, b’mod partikolari, għad-definizzjonijiet legali fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, minn naħa, u għat-termini użati fl-Artikoli 3 u 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, billi jirreferi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriproduċi parti mit-terminoloġija tagħha.

55.

F’tali sitwazzjoni, interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, hija ċertament utli għall-finijiet li tiggarantixxi applikazzjoni parallela u koerenti mar-Regolament, li tiżgura applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 2201/2003 u li tikkontribwixxi għal interpretazzjoni koerenti tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sa fejn huma kkonċernati t-28 Stat Membru tal-Unjoni ( 26 ).

56.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tendenza li tieħu approċċ liberali fl-interpretazzjoni tal-proċedura għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-kawża McB. ( 27 ), li fiha d-dritt Irlandiż kien jeżiġi li qorti nazzjonali tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bl-istess mod bħar-Regolament Nru 2201/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li domanda dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kienet ammissibbli ( 28 ). Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li, peress li l-ħtif ta’ minuri minn Stat Membru lejn ieħor issa kien jaqa’ taħt sett ta’ regoli li jikkonsisti fid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kif issupplimentati minn dawk tar-Regolament Nru 2201/2003, minkejja li dawn tal-aħħar jieħdu preċedenza f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ma kienx jidher li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju kienet irrilevanti għad-deċiżjoni li din tal-aħħar kienet mitluba tagħti ( 29 ).

57.

Biex nikkonkludi, jidhirli li jeżistu raġunijiet validi sabiex tingħata risposta għad-domandi inkwistjoni bil-għan li l-qorti tar-rinviju tiġi ggwidata dwar kif għandha tiddeċiedi fuq it-talba għar-ritorn tal-minuri.

2. Assenza ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens

58.

Fil-kuntest tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, teżisti sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens meta proċeduri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-istess minuri u li jinvolvu l-istess kawża jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni hija li timpedixxi deċiżjonijiet li jkunu inkompatibbli ( 30 ).

59.

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Il-proċeduri kollha quddiem il-qrati Franċiżi jirrigwardaw il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u iktar preċiżament id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess fir-rigward tal-minuri. Min-naħa l-oħra, ma hemm ebda proċedura quddiem il-qrati Irlandiżi li fil-mertu tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri. Hemm żewġ serje ta’ proċeduri pendenti quddiem il-qrati Irlandiżi. L-ewwel nett, il-proċedura dwar din il-kawża, li fiha l-missier talab ir-ritorn tal-minuri lejn Franza quddiem il-qrati Irlandiżi ( 31 ), skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, flimkien mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. It-tieni nett, proċedura għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux tal-5 ta’ Marzu 2013, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 2201/2003.

60.

Peress li l-proċeduri fl-Irlanda f’din il-kawża jirrigwardaw kwistjoni distinta minn dik tal-proċeduri fi Franza, ma hemmx sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens. Għalhekk, huwa irrilevanti jekk il-qrati Franċiżi għadhomx “aditi bil-kwistjoni” ( 32 ).

3. Assenza ta’ ġurisdizzjoni li għandha tiġi ċeduta

61.

Barra minn hekk, mid-digriet tar-rinviju jidher ċar li l-qorti tar-rinviju qed tfittex li tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li tiddetermina jekk huwiex “neċessarju għall-qrati Irlandiżi li jċedu l-ġurisdizzjoni ( 33 ) favur il-qrati Franċiżi skont ir-Regolament Nru 2201/2003”. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tiddikjara wkoll li “billi japplikaw ir-Regolament u ħlief fl-iktar ċirkustanzi eċċezzjonali, il-qrati Irlandiżi ser iċedu l-ġurisdizzjoni favur il-qorti adita l-ewwel li tibqa’ żżomm il-ġurisdizzjoni [Artikolu 19(3) tar-Regolament]”.

62.

Billi, kif spjegat iktar ’il fuq, f’din il-kawża l-qrati Irlandiżi ma humiex aditi sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu tar-responsabbiltà tal-ġenituri iżda huma aditi biss b’talba għar-ritorn tal-minuri, ma tqumx il-kwistjoni ta’ ċessjoni tal-ġurisdizzjoni. Deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża tista’ tingħata biss meta jkun ġie deċiż li l-minuri ma għandhiex tiġi rritornata skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 34 ).

4. Dispożizzjonijiet irrilevanti għal din il-kawża

63.

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dak li l-qorti tar-rinviju għandha bżonn tkun taf fir-realtà huwa kif għandha tapplika l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjonijiet legali li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003. Ma għandhiex bżonn tapplika għall-kawża pendenti quddiemha, u għalhekk ma għandhiex bżonn li jiġu interpretati, l-Artikoli 8, 9, 10, 12, 23 u 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, kif ser nipprova nispjega fil-qosor fil-linji li ġejjin.

64.

L-Artikolu 8 huwa r-regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Huwa jistipula li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ minuri li jkun residenti abitwalment f’dan l-Istat Membru fil-mument meta l-qorti tkun ġiet adita. Peress li din il-kawża ma tirrigwardax fil-mertu r-responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 8 jista’ jiġi eskluż għalkollox.

65.

B’deroga mill-Artikolu 8, l-Artikolu 9 jipprovdi li, fejn minuri jiġi ttrasferit legalment minn Stat Membru wieħed għal ieħor u jakkwista residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali ta’ qabel iżommu l-ġurisdizzjoni matul perijodu ta’ tliet xhur wara t-trasferiment għall-finijiet li tiġi mmodifikata sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess mogħtija f’dan l-Istat Membru qabel ma l-minuri jkun ġie ttrasferit. Tali drittijiet ta’ aċċess huma ddefiniti fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 2201/2003 bħala li jinkludu d-dritt li l-minuri jittieħed f’post differenti mir-residenza abitwali tiegħu għal perijodu ta’ żmien limitat.

66.

Huwa evidenti li din il-kawża ma tirrigwardax id-dritt ta’ aċċess iżda xi ħaġa kompletament differenti ( 35 ): il-missier la jfittex li jieħu l-minuri f’post differenti mir-residenza abitwali tagħha ( 36 ), u lanqas ifittex li jagħmel dan għal perijodu ta’ żmien limitat. Il-missier jixtieq jikseb il-kustodja tal-minuri fuq bażi permanenti permezz ta’ talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

67.

Bl-istess mod, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax japplika għal din il-kawża. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ ta’ tneħħija jew żamma illegali ta’ minuri, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kien residenti abitwalment immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali jżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jkun akkwista residenza abitwali fi Stat Membru ieħor jekk jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet ulterjuri. Mill-ġdid, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-mertu tar-responsabbiltà tal-ġenituri u mhux, bħal f’din il-kawża, deċiżjoni ta’ ritorn.

68.

L-istess raġunament japplika għall-fatt li l-Artikolu 12 dwar il-proroga tal-ġurisdizzjoni ma japplikax għall-kawża inkwistjoni ( 37 ).

69.

L-Artikoli 23 ( 38 ) u 24 ( 39 ) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma humiex rilevanti għal din il-kawża, peress li jirrigwardaw ir-rikonoxximent tas-sentenzi, li ma huwiex inkwistjoni f’din il-kawża.

B – L-ewwel domanda

70.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tikseb interpretazzjoni tat-termini “residenza abitwali” li jinsabu fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Jidher li għandha dubji dwar jekk kienx hemm possibbiltà li l-minuri tikseb residenza abitwali barra minn Franza, fid-dawl tal-proċeduri dwar id-dritt ta’ kustodja fi Franza.

71.

Sabiex tiġi deċiża t-talba għar-ritorn abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, hija biss ir-residenza abitwali tal-minuri immedjatament qabel l-allegata tneħħija jew żamma illegali li hija rilevanti ( 40 ).

72.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-Artikoli 8, 9, 10 u 12, għall-finijiet tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kunċett ta’ residenza abitwali ma huwiex kriterju ta’ konnessjoni sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni, peress li, kif spjegajt iktar ’il fuq, dan l-artikolu ma jirrigwardax l-għoti ta’ ġurisdizzjoni, iżda l-mod kif tiskatta l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ritorn.

73.

Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-residenza abitwali fil-kuntest tal-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ sservi ta’ gwida għad-domanda inkwistjoni. Nista’ nispjega fil-qosor hawnhekk, peress li jidher li l-qorti tar-rinviju hija konxja sewwa tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tiżviluppa l-kunċett ta’ residenza abitwali billi tirreferi għaż-żewġ sentenzi A ( 41 ) u Mercredi ( 42 ).

74.

Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludix definizzjoni ta’ residenza abitwali. L-użu tal-aġġettiv “abitwali” jippermetti sempliċement li wieħed jiddeduċi li r-residenza għandha jkollha ċerta natura ta’ stabbiltà jew ta’ regolarità ( 43 ). Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ), ir-residenza abitwali hija marbuta mal-aħjar interess tal-minuri u b’mod partikolari l-kriterju ta’ qrubija ( 45 ).

75.

Fid-determinazzjoni tar-residenza abitwali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri għal elementi fattwali.

76.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “residenza abitwali” jikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċertu livell ta’ integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il-għan, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, iċ-ċittadinanza tal-minuri, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali tal-minuri f’dan l-Istat ( 46 ). Barra minn hekk, ir-residenza abitwali għandha tkun ta’ ċertu tul sabiex tirrifletti stabbilità suffiċjenti ( 47 ). L-età tal-minuri għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kif ukoll il-fatt li, bħala regola ġenerali, l-ambjent ta’ minuri ta’ età żgħira huwa essenzjalment ambjent familjari, iddeterminat mill-persuna jew mill-persuni ta’ referenza li magħhom jgħix il-minuri, li effettivament irabbuh u jieħdu ħsiebu ( 48 ).

77.

Kruċjalment, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-minuri billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma speċifiċi għal kull każ individwali ( 49 ).

78.

Għalhekk, mill-ġurisprudenza ċċitata jidher li r-residenza abitwali għandha tinftiehem bħala kunċett fattwali. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mir-Rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, li huwa kategoriku f’dan ir-rigward. Skont dan ir-rapport, “il-kunċett ta’ residenza abitwali [huwa] kunċett stabbilit sew fil-Konferenza ta’ Den Haag li tqisu bħala kwistjoni ta’ sempliċi fatt, u huwa differenti f’dan ir-rigward mid-domiċilju” [traduzzjoni libera] ( 50 )

79.

Barra minn hekk, il-letteratura ġuridika akkademika dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 ukoll tqis ir-residenza abitwali bħala kunċett fattwali ( 51 ). L-istess japplika għal-letteratura ġuridika akkademika dwar ir-Regolament Nru 2201/2003 u l-predeċessuri tiegħu ( 52 ) jew dwar id-dritt internazzjonali privat inġenerali ( 53 ). Dak li huwa kruċjali huwa fejn il-minuri għandu ċ-ċentru ta’ ħajtu minn perspettiva fattwali. ( 54 ).

80.

Mill-fatt li r-residenza abitwali hija kunċett fattwali jsegwi li hija indipendenti minn kull kwistjoni jekk hijiex stabbilita b’mod leġittimu jew le. Altrimenti l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jkun bla skop, billi din id-dispożizzjoni tippermetti li tinkiseb residenza abitwali minkejja li tneħħija tkun illegali. Fi kliem ieħor, il-kisba ta’ residenza abitwali ma għandha x’taqsam xejn mal-legalità ta’ trasferiment. Bħala prinċipju, ir-residenza abitwali tista’ tinkiseb b’riżultat ta’ trasferiment illegali.

81.

Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li anki jekk il-Qorti tal-Familja ta’ Angoulême użat it-termini “residenza abitwali” tal-minuri sabiex tiddeċiedi li l-minuri għandha tirrisjedi fid-domiċilju tal-omm, dan ma għandu ebda impatt fuq il-kwistjoni jekk fil-fatt il-minuri kisbitx residenza abitwali fl-Irlanda fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u tar-Regolament Nru 2201/2003.

82.

Fid-digriet tar-rinviju, jidher li l-qorti tar-rinviju għandha ċerta simpatija għal interpretazzjoni li tissuġġetta r-residenza abitwali għall-assenza ta’ proċeduri ġudizzjarji, fis-sens li l-proċeduri pendenti fi Franza dwar id-dritt ta’ kustodja jimpedixxu l-post ta’ residenza abitwali tal-minuri milli jinbidel minn Franza għall-Irlanda ( 55 ).

83.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jwarrab il-klassifikazzjoni tar-residenza abitwali bħala kunċett fattwali, li hija aċċettata b’mod predominanti. Ma hemmx bżonn isiru kostruzzjonijiet ġuridiċi fuq dan il-kunċett. Iċ-ċertezza legali teżiġi li kunċett ikun jista’ jiġi applikat faċilment. Li kieku kellu jiġi aċċettat li r-residenza abitwali ta’ minuri ma tistax tinbidel minħabba l-eżistenza ta’ proċeduri pendenti, dan effettivament iwassal sabiex l-akkwist ta’ residenza abitwali jiġi impedit għal perijodu ta’ żmien inċert. Dan ikun ifisser ukoll li, f’każijiet bħal dan il-każ, is-sempliċi eżistenza ta’ appell tieħu preċedenza fuq l-elementi fattwali l-oħra msemmija iktar ’il fuq. Ma jistax ikun li min abbozza l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jew il-leġiżlatur fil-każ tar-Regolament Nru 2201/2003 kellu din l-intenzjoni.

84.

Għalhekk, ir-residenza abitwali għandha tkompli tiġi interpretata bħala kunċett fattwali. Qorti (nazzjonali) għandha tkun f’pożizzjoni li tiddetermina bil-ħeffa, abbażi tal-provi fattwali ppreżentati lilha, fejn minuri huwa residenti abitwalment. Permezz tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq dan għandu jkun eżerċizzju faċli. Wieħed ma jistax jistenna li qorti nazzjonali teżamina l-istorja tat-tilwima taż-żewġ partijiet f’pajjiż ieħor, sempliċement sabiex tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild tagħhom.

85.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda 1 fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minuri jkun ġie ttrasferit minn Stat Membru għal ieħor ma’ ġenitur li, dak iż-żmien, kellu d-dritt ta’ kustodja fir-rigward tal-minuri u kien awtorizzat minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jittrasferixxi ruħu lejn l-Istat Membru l-ieħor, il-minuri jista’, bħala prinċipju, jikseb ir-residenza abitwali fl-Istat Membru l-ieħor. Il-fatt li proċeduri dwar il-kustodja tal-minuri għadhom pendenti fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jibdilx din il-konstatazzjoni, billi r-residenza abitwali hija kunċett fattwali u ma tiddependix minn jekk ikunx hemm proċeduri ġudizzjarji jew le.

C – It-tieni domanda

86.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk huwiex il-missier li jibqa’ jkollu d-dritt ta’ kustodja jew humiex il-qrati Franċiżi li jibqa’ jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ kustodja tal-minuri ( 56 ) b’mod li ż-żamma tal-minuri fl-Irlanda ssir illegali. Dan ifisser li, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju għandha bżonn interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex tistabbilixxi jekk il-preżenza tal-minuri fl-Irlanda tikkostitwixxix żamma illegali min-naħa tal-omm jew le.

87.

Għandu jitfakkar li l-omm telqet lejn l-Irlanda flimkien mal-minuri fit-12 ta’ Lulju 2012 u baqgħet hemm minn dak iż-żmien ’il quddiem. Dan it-trasferiment sar abbażi tad-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Angoulême tat-2 ta’ April 2012. Fil-5 ta’ Marzu 2013, il-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux ordnat li l-minuri kellha tinġieb lura Franza.

88.

It-trasferiment li sar fit-12 ta’ Lulju 2012 kien leġittimu. F’dak il-mument, l-omm ma kienet qed tikser ebda dritt ta’ kustodja ( 57 ).

89.

Il-qorti tar-rinviju talludi għall-possibbiltà ta’ żamma illegali “sa mill-ewwel ksur tad-deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess mogħtija mill-Qorti tal-Familja ta’ Angoulême fit-2 ta’ Ġunju 2012” ( 58 ). Din hija bbażata fuq is-suppożizzjoni “li l-qrati Franċiżi stess jaffermaw li baqa’ jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tar-‘responsabbiltà tal-ġenituri’ għall-minuri minkejja l-preżenza tagħha fl-Irlanda” ( 59 ).

90.

Tali raġunament ma jistax jiġi aċċettat.

91.

Kemm il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kif ukoll ir-Regolament Nru 2201/2003 jirreferu għal ksur ta’ dritt ta’ kustodja, u mhux ta’ dritt ta’ aċċess. F’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, din il-formulazzjoni tirrifletti b’mod ċar ir-rieda ta’ min abbozza l-Konvenzjoni ( 60 ).

92.

Huwa għalhekk inkonċepibbli li l-omm neħħiet jew żammet il-minuri illegalment fit-12 ta’ Lulju 2012 jew fix-xhur li segwew immedjatament din id-data ( 61 ).

93.

Iżda x’għandu jingħad għall-perijodu wara l-5 ta’ Marzu 2013?

94.

F’dan ir-rigward, il-missier jallega li l-minuri nżammet illegalment fl-Irlanda sa mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux ( 62 ). Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija jekk, f’dan il-każ, tneħħija leġittima nbidlitx f’żamma illegali.

95.

Għandi ċerti dubji jekk il-partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 kellhomx l-intenzjoni li jdaħħlu tali sitwazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żamma illegali. Skont ir-Rapport ta’ spjegazzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, is-sitwazzjonijiet intiżi minn din il-konvenzjoni huma dawk li jirriżultaw mill-użu tal-forza sabiex jiġu stabbiliti rabtiet ġurisdizzjonali artifiċjali fuq livell internazzjonali, bil-għan li tinkiseb il-kustodja ta’ minuri ( 63 ). Skont ir-Rapport ta’ spjegazzjoni, dak li huwa rilevanti huwa li l-minuri jkun ittieħed ’il barra mill-ambjent familjari u soċjali li fih tkun żviluppat ħajtu ( 64 ). Tali sitwazzjoni ma tistax tiġi identifikata f’dan il-każ. Fil-mument tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux, il-minuri kienet diġà ilha preżenti fl-Irlanda għal iżjed minn seba’ xhur. Għalhekk, f’dak il-mument, hija ma kinitx ittieħdet għal għarrieda ’l barra mill-ambjent familjari u soċjali tagħha.

96.

Għalhekk, ma narax kif, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, tneħħija leġittima setgħet inbidlet f’żamma illegali ( 65 ).

97.

F’dan l-istadju, ir-raġunament huwa simili ħafna għal dak li sar iktar ’il fuq dwar ir-residenza abitwali.

98.

Fil-fehma tiegħi, tali konstatazzjoni hija konformi mar-raġuni għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u għar-Regolament Nru 2201/2003. Qiegħed neżamina biss jekk humiex issodisfatti l-kriterji għal deċiżjoni ta’ ritorn abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003.

99.

Din il-kwistjoni hija distinta minn dik tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet magħmula mill-qrati Franċiżi dwar id-dritt ta’ kustodja. Ir-Regolament jipprovdi għal proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni f’dan ir-rigward, skont il-Kapitolu III tar-Regolament.

100.

Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minuri jkun ġie ttrasferit minn Stat Membru għal ieħor ma’ ġenitur li, dak iż-żmien, kellu d-dritt ta’ kustodja fir-rigward tal-minuri u kien awtorizzat minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jittrasferixxi ruħu lejn l-Istat Membru l-ieħor, tibdil fid-dritt ta’ kustodja permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fuq appell fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jirrendix żamma illegali.

D – It-tielet domanda

101.

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk għandhiex id-dritt teżamina l-kwistjoni tar-residenza abitwali.

102.

Ir-risposta għal din id-domanda hija “iva”.

103.

Madankollu, nixtieq nirrepeti u nenfasizza li huma l-qrati Irlandiżi li għandhom jiddeterminaw ir-residenza abitwali tal-minuri sempliċement għall-finijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, jiġifieri sempliċement sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm żamma illegali.

104.

Il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ kustodja hija distinta u għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikoli 8, 10 u 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li ma humiex inkwistjoni f’din il-kawża.

105.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li qorti ta’ Stat Membru li ssirilha talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha d-dritt teżamina l-kwistjoni tar-residenza abitwali tal-minuri immedjatament qabel l-allegata tneħħija jew żamma illegali.

VII – Konklużjoni

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mis-Supreme Court (l-Irlanda):

1)

Għall-finijiet li tiġi deċiża talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minuri jkun ġie ttrasferit minn Stat Membru għal ieħor ma’ ġenitur li, dak iż-żmien, kellu d-dritt ta’ kustodja fir-rigward tal-minuri u kien awtorizzat minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jittrasferixxi ruħu lejn l-Istat Membru l-ieħor, il-minuri jista’, bħala prinċipju, jikseb ir-residenza abitwali fl-Istat Membru l-ieħor. Il-fatt li proċeduri dwar il-kustodja tal-minuri għadhom pendenti fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jibdilx din il-konstatazzjoni, billi r-residenza abitwali hija kunċett fattwali u ma tiddependix minn jekk ikunx hemm proċeduri ġudizzjarji jew le.

2)

Għall-finijiet li tiġi deċiża talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minuri jkun ġie ttrasferit minn Stat Membru għal ieħor ma’ ġenitur li, dak iż-żmien, kellu d-dritt ta’ kustodja fir-rigward tal-minuri u kien awtorizzat minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jittrasferixxi ruħu lejn l-Istat Membru l-ieħor, tibdil fid-dritt ta’ kustodja permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fuq appell fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jirrendix żamma illegali.

3)

Qorti ta’ Stat Membru li ssirilha talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha d-dritt teżamina l-kwistjoni tar-residenza abitwali tal-minuri immedjatament qabel l-allegata tneħħija jew żamma illegali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

( 3 ) Disponibbli fl-indirizz: http://www.hcch.net/upload/conventions/txt28en.pdf.

( 4 ) Disponibbli fl-indirizz: http://www.irishstatutebook.ie/1991/en/act/pub/0006/.

( 5 ) Disponibbli fl-indirizz: http://www.irishstatutebook.ie/2005/en/si/0112.html.

( 6 ) Sa fejn jirrigwarda proċeduri ġudizzjarji li seħħew qabel id-divorzju, dawn ma humiex ser jiġu riprodotti hawnhekk, peress li ma humiex rilevanti għall-kawża inkwistjoni.

( 7 ) Is-silta rilevanti mid-deċiżjoni taqra kif ġej: “Fixe la résidence habituelle de l’enfant au domicile de la mère à compter du 7 juillet 2012”.

( 8 ) Fid-digriet tar-rinviju jingħad li l-High Court tal-Irlanda ddeċidiet kemm fuq it-talba għar-ritorn kif ukoll fuq talba għal (hekk imsejħa) “dikjarazzjoni” ta’ żamma illegali. Kieku din it-talba għal “dikjarazzjoni” kellha tikkostitwixxi, kif jidher li qed tassumi l-qorti tar-rinviju, talba għal “deċiżjoni jew determinazzjoni oħra li t-tneħħija jew iż-żamma kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] prevista fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, din tolqotni bħala xi ħaġa stramba. Ordni għar-ritorn abbażi tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u “deċiżjoni jew determinazzjoni oħra li t-tneħħija jew iż-żamma kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni” prevista fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 huma żewġ affarijiet kompletament differenti. Kif ninterpreta l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jien, wieħed ma jistax jagħmel iż-żewġ talbiet fl-istess ġurisdizzjoni. Tabilħaqq, id-“deċiżjoni jew determinazzjoni oħra li t-tneħħija jew iż-żamma kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni” għandha tinkiseb minn awtorità f’ġurisdizzjoni li ma tkunx ġiet adita fil-kuntest ta’ ordni għar-ritorn skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

( 9 ) Ara l-Att tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 1998, li jistabbilixxi, abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali [traduzzjoni mhux uffiċjali], ĠU 1998 C 221, p. 1. Din il-Konvenzjoni qatt ma daħlet fis-seħħ, billi ġiet issostitwita mir-Regolament “Brussell II”, wara l-“komunitarizzazzjoni” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili permezz taċ-ċaqliq tal-kapitolu rilevanti minn dak li kien it-tielet pilastru għall-ewwel pilastru (Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE) bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1 ta’ Mejju 1999.

( 10 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209.

( 11 ) L-artikolu kien intitolat “Ħtif ta’ minuri” u kien jaqra kif ġej: “Il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 għandhom jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, u b’mod partikolari mal-Artikoli 3 u 16 tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 12 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1347/2000 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-manteniment [traduzzjoni mhux uffiċjali], (COM(2002)222 finali 2, ĠU 2002 C 203 E, p. 155).

( 13 ) Ara l-Artikolu 61(e) tal-proposta, op. cit.

( 14 ) Ara, fid-dettall, P. McEleavy, “The new child abduction regime in the European Union: symbiotic relationship or forced partnership?”, 1 Journal of Private International Law, p. 5‑34, b’mod partikolari p. 8‑14.

( 15 ) Ara, inter alia, J. Rieck, “Kindesentführung und die Konkurrenz zwischen dem HKÜ und der EheEuGVVO 2003 (Brüssel IIa)”, Neue Juristische Wochenschrift, 2008, p. 182‑185, b’mod partikolari p. 184.

( 16 ) Enfasi miżjuda minni.

( 17 ) Dan huwa osservat bi preċiżjoni minn M. Frank, fi: M. Gebauer, T. Wiedmann, Zivilrecht unter europäischem Einfluss, it-tieni edizzjoni, Stuttgart et al, 2010, Kapitolu 29, paragrafu 42.

( 18 ) Ara l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 19 ) Dan huwa kkwalifikat bħala “riallinjament sinjifikattiv fil-metodoloġija fi kwistjonijiet ta’ ħtif ta’ minuri” minn P.R. Beaumont, P. McEleavy, Private International Law, A.E. Anton it-tielet edizzjoni, Edinburgh 2011, paragrafu 17.100, p. 838.

( 20 ) Ara T. Rauscher, “Parental Responsibility Cases under the new Council Regulation ‘Brussels IIA’”, 5 The European Legal Forum, 2005, p. I‑37‑46, b’mod partikolari p. 43.

( 21 ) Ara l-Artikolu 60(e) tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 22 ) Ara l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 23 ) Għal analiżi dettaljata tal-kwistjoni ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:50, punti 45 et seq).

( 24 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/719/KE, tal-5 ta’ Ottubru 2006, dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, ĠU L 297, p. 1.

( 25 ) Ara t-tabella tal-istatus tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, li hija disponibbli fl-indirizz: http://www.hcch.net/index_en.php?act=conventions.status&cid=24.

( 26 ) Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn huwa diffiċli li jiġi stabbilit liema partijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 sempliċement jirreferu għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u liema partijiet effettivament jissupplimentawha, minkejja li huwa possibbli li ssir tali distinzjoni, kif ippruvajt nuri iktar ’il fuq.

( 27 ) Ara s-sentenza McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582).

( 28 ) Ara s-sentenza McB. (EU:C:2010:582, punt 35) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li teħtieġ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(11), sabiex tiddeċiedi dwar it-talba li għandha quddiemha, intiża sabiex hija tagħti deċiżjoni jew determinazzjoni li tikkonstata li t-tneħħija jew iż-żamma tal-minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet illegali. Barra minn hekk, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 15 tal-liġi tal-1991 dwar il-ħtif tal-minuri u dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ta’ kustodja, kif emendata mir-regolament tal-2005 adottat fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej (sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri), jirriżulta li, fil-każ ta’ tneħħija ta’ minuri lejn Stat Membru ieħor, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi fuq il-legalità tat-tneħħija ta’ minuri fir-rigward tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 meta rikorrent jitlobha tagħti tali deċiżjoni jew determinazzjoni skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.”

( 29 ) Ara s-sentenza McB. (EU:C:2010:582, punti 36 u 37).

( 30 ) Ara s-sentenza Purrucker (C‑296/10, EU:C:2010:665, punt 67).

( 31 ) F’dak li jirrigwarda d-“dikjarazzjoni” ta’ żamma illegali, ara l-kummenti tiegħi iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 32 ) Din l-espressjoni tintuża mill-qorti tar-rinviju.

( 33 ) Enfasi miżjuda minni.

( 34 ) Dan huwa wkoll espress b’mod ċar fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

( 35 ) Jidhirli li l-High Court naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Awwissu 2013, iċċitata iktar ’il fuq. Ara, b’mod partikolari, il-punti 35 u 52 ta’ dik id-deċiżjoni, li hija disponibbli fl-indirizz: http://www.bailii.org/ie/cases/IEHC/2013/H460.html.

( 36 ) Il-missier jallega li r-residenza abitwali tinsab fi Franza.

( 37 ) Fi kwalunkwe każ, ladarba qorti li għandha ġurisdizzjoni tiġi adita, bħala prinċipju hija żżomm il-ġurisdizzjoni anki jekk il-minuri jikseb residenza abitwali fi Stat Membru ieħor fil-mori tal-proċedura ġudizzjarja. Dan huwa magħruf bħala l-prinċipju ta’ perpetuatio fori. Ara K. Weitz, “Jurysdykcja krajowa w sprawach małżeńskich oraz w sprawach dotyczących odpowiedzialności rodzicielskiej w prawie wspólnotowym”, fi: 16 Kwartalnik prawa prywatnego, 2007, p. 81‑154, b’mod partikolari p. 126, li jiddeskrivi dan il-prinċipju iktar preċiżament bħala l-prinċipju ta’ perpetuatio iurisdictionis. B’konsegwenza ta’ dan il-prinċipju, bidla fir-residenza abitwali tal-minuri fil-mori ta’ proċedura għalhekk ma ġġibx magħha, fiha nfisha, bidla fil-ġurisdizzjoni. Ara, f’dan ir-rigward, Il-Kummissjoni Ewropea, Practice Guide for the application of the new Brussels II Regulation, Brussels 2005, p. 15, li hija disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/civiljustice/publications/docs/guide_new_brussels_ii_en.pdf.

( 38 ) Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

( 39 ) Il-Projbizzjoni ta’ reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati tal-oriġini.

( 40 ) U mhux, bħal fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-residenza abitwali tal-minuri fil-mument meta l-qorti tkun ġiet adita.

( 41 ) Sentenza A (C‑523/07, EU:C:2009:225).

( 42 ) Sentenza Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829).

( 43 ) Ara s-sentenza Mercredi (EU:C:2010:829, punt 44).

( 44 ) Ara s-sentenza Mercredi (EU:C:2010:829, punt 46).

( 45 ) Ara l-premessa 12 tar-Regulation Nru 2201/2003.

( 46 ) Ara s-sentenza A (EU:C:2009:225, punt 44).

( 47 ) Ara s-sentenza Mercredi (EU:C:2010:829, punt 51).

( 48 ) Ara s-sentenza Mercredi (EU:C:2010:829, punt 54).

( 49 ) Ara s-sentenza Mercredi (EU:C:2010:829, punt 56). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-intenzjoni tal-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri li tistabbilixxi ruħha b’mod permanenti mal-minuri fi Stat Membru ieħor, intenzjoni li hija mmanifestata b’ċerti azzjonijiet tanġibbli bħax-xiri jew il-kiri ta’ akkomodazzjoni bħala indikatur tat-trasferiment tar-residenza abitwali. Filwaqt li, f’dan il-każ, l-intenzjoni tal-omm għandha ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod xieraq bħala element fattwali, għandu madankollu jiġi enfasizzat li din l-enfasi tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-intenzjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-fatti tal-kawża Mercredi, fejn it-tul tas-soġġorn tal-omm fl-Istat Membru l-ieħor kien qasir ħafna. Tabilhaqq, kif josserva R. Lamont, “Habitual residence and Brussels IIbis: developing concepts for European private international family law”, 3 Journal of Private International Law, 2007, p. 261‑281, b’mod partikolari p. 263: “Ix-xewqa li tiġi stabbilita residenza abitwali wara perijodu qasir ħafna ta’ żmien fissret li l-intenzjonijiet tal-individwu li jkun residenti saru rilevanti għall-kwistjoni jekk humiex residenti abitwalment” [traduzzjoni libera].

( 50 ) Ara r-Rapport ta’ spjegazzjoni minn Elisa Pérez-Vera, Madrid, April 1981, paragrafu 66, li huwa disponibbli fl-indirizz: http://www.hcch.net/upload/expl28.pdf.

( 51 ) P.R. Beaumont, P. McEleavy, Private International Law, A.E. Anton it-tielet edizzjoni, Edinburgh 2011, paragrafu 7.67, p. 178: “Il-konnessjonijiet fattwali huma l-qofol tal-fattur ta’ konnessjoni u f’dan jista’ jiġi kkuntrastat mad-domiċilju” [traduzzjoni libera]; T. Rauscher, Internationales Privatrecht, it-tielet edizzjoni, Heidelberg 2009, paragrafu 273, p. 65.

( 52 ) Ara, pereżempju, R. Lamont, op. cit., p. 263 li jiddeskrivi l-kunċett preċiżament bħala “sempliċi biex jiġi applikat u flessibbli, billi jinbidel mat-tibdil matul iż-żmien fiċ-ċirkustanzi ta’ individwu jew ta’ familja” [traduzzjoni libera].

( 53 ) Ara, pereżempju, G. Kegel, K. Schurig, Internationales Privatrecht, München 2004, p. 471. Ara wkoll Świerczyński, fi: M. Pazdan (ed.), System prawa prywatnego. Prawo prywatne międzynarodowe, Vol. 20A, Varsavja 2014, paragrafu 113, p. 233.

( 54 ) It-termini “Daseinsmittelpunkt” (punt taċ-ċentru tal-eżistenza) fid-duttrina ġuridika Ġermaniża (T. Rauscher, Internationales Privatrecht, it-tielet edizzjoni, Heidelberg 2009, paragrafu 274, p. 65) jew “Lebensmittelpunkt” (punt taċ-ċentru tal-ħajja) (B. Heß, Europäisches Zivilprozeßrecht, Heidelberg 2010, § 7, punt 55, p. 408) jiddeskrivu s-suġġett b’mod preċiż ħafna. Għal analiżi fil-fond tal-“Lebensmittelpunkt” bħala l-post tar-rabtiet soċjali ta’ persuna, ara G. Kegel, “Was ist gewöhnlicher Aufenthalt?”, Recht im Wandel seines sozialen und technischen Umfeldes - Festschrift für Manfred Rehbinder, München/Bern 2002, p. 699-706, b’mod partikolari p. 701.

( 55 ) Wieħed jista’ jżid li l-omm marret toqgħod l-Irlanda mal-minuri filwaqt li kienet konxja tal-fatt li kien ġie ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux. Ġie indikat iktar ’il fuq li l-missier ippreżenta l-appell fit-23 ta’ April 2012, filwaqt li l-omm marret toqgħod l-Irlanda fit-12 ta’ Lulju 2012.

( 56 ) Kif ġie ċċarat mir-Repubblika Franċiża waqt is-seduta, fi Franza l-qrati ma jistgħux iżommu tali ġurisdizzjoni.

( 57 ) Kif intwera iktar ’il fuq, dan ma huwiex ikkontestat.

( 58 ) Din għandha taqra “2 ta’ April 2012”.

( 59 ) Ir-riferiment mill-qorti tar-rinviju, fid-digriet tagħha għal deċiżjoni preliminari, għas-sentenza Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 59) sabiex tistabbilixxi li l-qrati Franċiżi kellhom ġurisdizzjoni fir-rigward tar-“responsabbiltà tal-ġenituri” għall-minuri huwa irrilevanti. Kulma tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza huwa li tirriproduċi d-definizzjonijiet legali tal-Artikolu 2(7), (8) u (9) tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 60 ) Ara r-Rapport ta’ spjegazzjoni minn Elisa Pérez-Vera, Madrid, April 1981, paragrafu 65, li huwa disponibbli fl-indirizz: http://www.hcch.net/upload/expl28.pdf: “Għalkemm il-problemi li jistgħu jirriżultaw minn ksur ta’ dritt ta’ aċċess, speċjalment meta l-minuri jittieħed barra mill-pajjiż mill-persuna li jkollha l-kustodja tagħha, tqajmu matul l-Erbatax-il Sessjoni, l-opinjoni tal-maġġoranza kienet li tali sitwazzjonijiet ma setgħux jitqiegħdu fl-istess kategorija bħat-tneħħija illegali li qed isiru sforzi sabiex tiġi impedita”.

( 61 ) Dan ukoll jidher li huwa ammess mill-qorti tar-rinviju u ma huwiex ikkontestat mill-missier.

( 62 ) Infakkar li, fil-5 ta’ Marzu 2013, il-Qorti tal-Appell ta’ Bordeaux ordnat l-eżerċizzju konġunt tas-setgħa tal-ġenituri, u li l-minuri kellha tirrisjedi mal-missier bi drittijiet ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni speċifikati għall-omm. Id-digriet għal deċiżjoni preliminari jiddikjara li l-missier jallega żamma illegali minn din id-data ’l quddiem, filwaqt li l-“omm allegat b’suċċess, fil-High Court tal-Irlanda, li, immedjatament qabel il-5 ta’ Marzu 2013, H kienet residenti abitwalment fl-Irlanda u għalhekk il-qrati Franċiżi ma kinux aditi iktar bil-kawża”. Għal darb’oħra nixtieq nosserva li l-kwistjoni jekk hemmx żamma illegali hija indipendenti mill-kwistjoni jekk il-qrati Franċiżi “kinux aditi bil-kawża”. Kif ġie spjegat iktar ’l fuq, dan huwa irrilevanti, billi s-suġġetti tal-proċeduri fi Franza u fl-Irlanda huma differenti.

( 63 ) Ara r-Rapport ta’ spjegazzjoni, op. cit., paragrafu 11.

( 64 ) Ibid.

( 65 ) Dan ma jfissirx li għandi l-ħsieb li nistabbilixxi regola ġenerali li skontha tneħħija leġittima ma tista’ qatt tinbidel f’żamma illegali. Ara wkoll ir-Rapport ta’ spjegazzjoni, op. cit., paragrafu 12.