DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi — Kuntratti ipotekarji — Klawżola ta’ rata minima — Proċedura kollettiva — Proċedura individwali bl-istess suġġett — Miżuri provviżorji”

Fil-Kawżi magħquda C‑568/14 sa C‑570/14,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tal-1 ta’ Diċembru, tas-27 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2014, fil-proċeduri

Ismael Fernández Oliva

vs

Caixabank SA (C‑568/14),

Jordi Carné Hidalgo,

Anna Aracil Gracia

vs

Catalunya Banc SA (C‑569/14),

u

Nuria Robirosa Carrera,

César Romera Navales

vs

Banco Popular Español SA (C‑570/14),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I. Fernández Oliva, minn F. Bertrán Santamaría, procurador, u J. Andreu Blake, abogado,

għal Caixabank SA, minn R. Feixo Bergada, procurador, u Ó. Quiroga Sardi, abogado,

għal Catalunya Banc SA, minn I. Fernández de Senespleda, abogado,

għal Banco Popular Español SA, minn C. Fernández Vicién, N. Iglesias, I. Moreno-Tapia Rivas, J. Torrecilla, J. Capell u J. Piñeiro, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C‑568/14, Ismael Fernández Oliva u Caixabank SA, fil-Kawża C‑569/14, Jordi Carné Hidalgo u Anna Aracil Gracia, minn naħa, u Catalunya Banc SA, min-naħa l-oħra, u, fil-Kawża C‑570/14, Nuria Robirosa Carrera u César Romera Navales, minn naħa, u Banco Popular Español SA, min-naħa l-oħra, dwar il-validità ta’ klawżoli dwar ir-rata tal-interessi remuneratorja inkluża f’kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi, rispettivament, bejn dawn il-partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Spanjol

5

L-Artikolu 721 tal-Ley 1/2000 de enjuiciamiento civil (kodiċi tal-proċedura ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575), jipprovdi:

“1.   Taħt ir-responsabbiltà tagħha, kull parti, fil-kawża prinċipali jew fuq talba inċidentali, tista’ titlob lill-qorti tadotta l-miżuri kawtelatorji, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu, li hija tqis neċessarji sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja li ser tkun tista’ tingħata fil-każ li tingħata deċiżjoni li tilqa’ t-talbiet tagħha.

2.   Il-miżuri kawtelatorji previsti f’dan it-titolu fl-ebda każ ma jistgħu jingħataw ex officio mill-qorti, bla ħsara għal regoli dwar il-proċeduri speċjali. Il-qorti ma tistax timponi miżuri kawtelatorji iktar stretti mill-miżuri mitluba.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

6

Fil-Kawża C‑568/14, it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn I. Fernández Oliva u Caixabank dwar il-validità ta’ klawżola “ta’ rata minima” inkluża f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn il-partijiet fis-6 ta’ Ġunju 2006.

7

It-talba fil-Kawża C‑569/14 tnisslet minn tilwima bejn, minn naħa, J. Carné Hidalgo u A. Aracil Gracia, u, min-naħa l-oħra, Catalunya Banc, li wkoll tikkonċerna l-validità ta’ klawżola “ta’ rata minima” inkluża fil-kuntratt ta’ surroga ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn il-partijiet fil-21 ta’ Ġunju 2005.

8

Bl-istess mod, it-talba fil-Kawża C‑570/14 tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, N. Robirosa Carrera u C. Romera Navales, u, min-naħa l-oħra, Banco Popular Español, dwar il-validità ta’ klawżola “ta’ rata minima” inkluża f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn il-partijiet fil-21 ta’ Ġunju 2005.

9

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw dawn ir-rikorsi individwali filwaqt li invokaw in-natura inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tal-klawżoli “ta’ rata minima” inkwistjoni, sa fejn dawn il-klawżoli jiggarantixxu lill-istabbilimenti finanzjarji li, irrispettivament mill-iżvilupp fir-rati tas-suq, ir-rati ta’ interess minimu tal-kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi fl-ebda każ ma jistgħu jkunu inqas minn valur iddeterminat minn qabel.

10

Fil-kuntest tal-imsemmija rikorsi individwali, l-istabbilimenti finanzjarji, li huma konvenuti fil-kawżi prinċipali, indikaw li rikors kollettiv bl-istess suġġett kien pendenti quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 11 de Madrid (qorti tal-kummerċ Nru 11 ta’ Madrid, Spanja). Għaldaqstant, filwaqt li invokaw l-Artikolu 43 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, huma talbu s-sospensjoni tal-proċeduri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fl-istennija ta’ sentenza definittiva li tagħlaq il-proċedura kollettiva.

11

Fil-proċeduri li taw lok għall-Kawżi C‑569/14 u C‑570/14, peress li tali talba kienet ġiet miċħuda permezz ta’ digrieti tal-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja), Catalunya Banc u Banco Popular Español ikkontestaw dawn id-digrieti quddiem l-istess qorti, filwaqt li qajmu l-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens fuq il-bażi tal-Artikolu 421 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili u filwaqt li talbu, mhux is-sospensjoni, iżda t-twaqqif tal-proċeduri inkwistjoni, u dan għaliex ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu marbuta mill-eżitu tar-rikors kollettiv pendenti.

12

F’dan il-kuntest, filwaqt li tanalizza d-diversi talbiet tal-istabbilimenti finanzjarji kkonċernati, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-sospensjoni jew saħansitra t-twaqqif tal-azzjonijiet individwali, fil-każ ta’ azzjoni kollettiva parallela pendenti, jistgħu jippreġudikaw l-interessi tal-konsumaturi inkwistjoni, u dan għaliex ir-rikorrenti li ppreżentaw rikorsi individwali ma jkunux għadhom jistgħu jiksbu risposti speċifiċi għat-talbiet tagħhom iżda jkunu jiddependu mill-eżitu ta’ din l-azzjoni kollettiva, minkejja li jkunu ddeċidew li ma jipparteċipawx fiha.

13

F’dan ir-rigward, wara li tosserva li talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna preċiżament il-kompatibbiltà tal-Artikolu 43 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 diġà tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Juzgado de lo Mercantil no 9 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 9 ta’ Barcelona, Spanja), il-qorti tar-rinviju tikkonstata, madankollu, li, skont dan l-Artikolu 43 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, hija ma tistax tissospendi ex officio, f’tali ċirkustanzi, il-proċeduri fil-kawżi prinċipali. Għalhekk, hija tesprimi dubji oħra dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmi Artikolu 43 mas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13.

14

Id-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw ukoll il-konformità tal-Artikolu 721(2) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili mad-Direttiva 93/13, sa fejn din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tipprojbixxiha milli tadotta, ex officio, miżuri provviżorji intiżi li jtaffu l-effetti negattivi għall-konsumaturi, rikorrenti fil-kawżi prinċipali, ta’ tul eċċessiv tal-proċeduri inkwistjoni, fl-istennija ta’ sentenza definittiva dwar l-azzjoni kollettiva parallela pendenti, li s-soluzzjoni mogħtija fiha tista’ tiġi adottata għall-azzjonijiet individwali.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 43 tal-[kodiċi tal-proċedura ċivili], li jipprekludi lil qorti milli tipproponi lill-partijiet sospensjoni eventwali tal-proċeduri ċivili meta qorti jew tribunal ieħor ikun ressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi limitazzjoni ċara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, fir-rigward tad-dmir tal-Istati Membri li jiżguraw li, fl-interess tal-konsumaturi u tal-kompetituri, jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jieqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri?

2)

L-Artikolu 721.2 tal-[kodiċi tal-proċedura ċivili], li jipprekludi lil qorti milli tadotta jew tipproponi ex officio l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fi proċeduri individwali li fihom ikun qed jintalab l-annullament ta’ kundizzjoni ġenerali minħabba li din hija inġusta, jikkostitwixxi limitazzjoni ċara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, fir-rigward tad-dmir tal-Istati Membri li jiżguraw li, fl-interess tal-konsumaturi u tal-kompetituri, jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jieqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri?

3)

L-effetti tal-miżuri kawtelatorji li jistgħu jiġu adottati, kemm jekk ex officio kemm jekk fuq talba tal-partijiet, fil-kuntest ta’ proċedura li tinvolvi azzjoni individwali, għandhom jiġu estiżi sa ma tingħata deċiżjoni definittiva fil-proċedura individwali, jew inkella fi proċedura kollettiva li taffettwa l-eżerċizzju tal-azzjonijiet individwali, bil-għan li jiġu żgurati l-mezzi adegwati u effettivi previsti fl-imsemmi Artikolu 7 tal-imsemmija Direttiva?

Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tissuġġetta din it-talba għall-proċedura mħaffa, konformement mal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.”

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2015, il-Kawżi C‑568/14, C‑569/14 u C‑570/14 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

17

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2015, Fernández Oliva et (C‑568/14 sa C‑570/14, EU:C:2015:100), ġew miċħuda t-talbiet tal-qorti tar-rinviju sabiex dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

18

Finalment, sussegwentement għall-għoti tas-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252), il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li xtaqet tirtira l-ewwel domanda preliminari tagħha. Fl-imsemmija sentenza, filwaqt li tat deċiżjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-azzjonijiet individwali u l-azzjonijiet kollettivi paralleli intiżi sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali analogi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tobbliga lill-qorti adita b’azzjoni individwali mressqa minn konsumatur tissospendi awtomatikament tali azzjoni fl-istennija ta’ sentenza definittiva dwar azzjoni kollettiva pendenti, mingħajr ma r-rilevanza ta’ tali sospensjoni, mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkun ressaq l-azzjoni individwali quddiem il-qorti, ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u mingħajr ma l-konsumatur ma jkun jista’ jiddeċiedi li jiddistakka ruħu mill-imsemmija azzjoni kollettiva.

Fuq id-domandi preliminari

19

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

20

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

21

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti adita b’azzjoni individwali mressqa minn konsumatur u intiża li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li jorbtu ma’ bejjiegħ jew ma’ fornitur tadotta, ex officio, miżuri provviżorji fl-istennija ta’ sentenza definittiva f’azzjoni kollettiva pendenti, li s-soluzzjoni mogħtija fiha tista’ tiġi adottata għall-azzjoni individwali.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq tilwima rregolata mid-dritt tal-Unjoni, għandha tkun tista’ tordna miżuri provviżorji sabiex tiggarantixxi l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għad trid tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 21; tal-11 ta’ Jannar 2001, Siples, C‑226/99, EU:C:2001:14, punt 19, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 67).

23

Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-bejjiegħa jew mal-fornituri, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, jikkostitwixxi dispożizzjoni obbligatorja intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punti 4445, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punti 2223).

24

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-qorti nazzjonali hija meħtieġa tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46, u tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank, C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 34).

25

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konstatazzjoni ex officio tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm id-Direttiva 93/13 ma hijiex intiża li tarmonizza s-sanzjonijiet applikabbli f’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 7(1) tagħha jobbliga xorta waħda lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm rimedji adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi (sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 35, kif ukoll tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 31).

26

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ protezzjoni provviżorja tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ proċeduri dwar tali klawżoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163), li din id-direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, peress li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja ma tipprevedix raġunijiet ta’ oppożizzjoni bbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżoli li jikkostitwixxu l-bażi tat-titolu eżekuttiv, ma tippermettix lill-qorti li quddiemha titressaq il-proċedura dwar il-mertu, li jkollha l-kompetenza sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni, meta l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni finali tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 64).

27

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja, tevalwa, la ex officio u lanqas fuq talba mill-konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt li minnu jirriżulta d-dejn invokat u li jservi ta’ bażi għat-titolu eżekuttiv, u li lanqas ma tippermettilha tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, meta l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni finali tal-qorti li quddiemha titressaq il-proċedura dwar il-mertu korrispondenti (digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, Banco Popular Español u Banco de Valencia, C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 60).

28

Issa, ikkunsidrata flimkien, din il-ġurisprudenza tippermetti li tinstilet b’mod ċar ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domandi preliminari, sa fejn jikkonċernaw essenzjalment il-kompatibbiltà mas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita permezz tad-Direttiva 93/13 tal-impossibbiltà għall-qorti nazzjonali, adita b’azzjoni individwali minn konsumatur fl-istess kuntest proċedurali bħal dak tas-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252), li tadotta ex officio miżuri provviżorji intiżi li jiggarantixxu l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni finali tagħha, fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva dwar azzjoni kollettiva pendenti li s-soluzzjoni mogħtija fiha tista’ tiġi adottata għal din l-azzjoni individwali.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mezzi proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri provviżorji kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-azzjonijiet individwali u l-azzjonijiet kollettivi msemmija fid-Direttiva 93/13, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li joħorġu mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, ma jidhirx li l-Artikolu 721(2) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili jiġi applikat b’mod differenti fil-proċeduri dwar drittijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali u f’dawk dwar id-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.

31

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull wieħed mill-każijiet li fihom tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura b’mod ġenerali, l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 721(2) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili jipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli tadotta ex officio miżuri provviżorji, u dan anki jekk il-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa mid-dritt nazzjonali għall-adozzjoni tagħhom ikunu effettivament issodisfatti. Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ azzjoni individwali mressqa sabiex tiġi kkontestata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u li l-eżitu tagħha jibqa’ marbut mas-soluzzjoni mogħtija f’kawża kollettiva pendenti, konformement mal-prinċipji kkonfermati fis-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252), il-konsumatur ma jkunx jista’ jibbenefika minn protezzjoni temporanja sabiex jittaffu l-effetti negattivi ta’ tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja ħlief fil-każ li jkun ressaq espliċitament talba għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji.

33

Madankollu, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-iżvolġiment u tal-kumplessitajiet tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-azzjonijiet individwali u l-azzjonijiet kollettivi paralleli, jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jressaqx tali talba, u dan minkejja li l-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa fid-dritt nazzjonali għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji jkunu eventwalment issodisfatti, għaliex ma jkunx jaf jew ma jkunx jifhem il-portata tad-drittijiet tiegħu.

34

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li tali sistema proċedurali, sa fejn tagħmilha impossibbli għal qorti adita b’azzjoni individwali intiża li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tadotta ex officio miżuri provviżorji, fosthom b’mod partikolari s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ din il-klawżola, għall-perijodu li tqis li jkun utli fl-istennija ta’ sentenza definittiva dwar azzjoni kollettiva parallela pendenti, u dan anki jekk l-adozzjoni ta’ tali miżuri tirriżulta meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għad trid tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati fuq il-bażi tad-Direttiva 93/13, hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 6777, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 59).

35

Fil-fatt, mingħajr il-possibbiltà għall-qorti adita li tadotta ex officio miżuri provviżorji, fil-każijiet fejn, bħal fil-kawżi prinċipali, konsumatur ma jkunx talab espliċitament, fil-kuntest ta’ azzjoni individwali, tali miżuri sabiex tiġi sospiża l-applikazzjoni ta’ klawżola “ta’ rata minima” fl-istennija ta’ sentenza definittiva dwar azzjoni kollettiva parallela pendenti, din il-qorti ma tkunx tista’ tevita li dan il-konsumatur iħallas, matul proċedura ġudizzjarja li t-tul tagħha jista’ jkun kunsiderevoli, pagamenti mensili ta’ ammont ogħla minn dak li kien effettivament dovut li kieku l-klawżola kkonċernata ma kinitx applikata. Dan jgħodd iktar u iktar meta jkun hemm riskju reali u immedjat li l-kapaċità ta’ ħlas tal-imsemmija konsumatur tkun fil-frattemp ġiet kompromessa u meta l-istabbilimenti finanzjarji jibdew proċeduri ta’ eżekuzzjoni ipotekarja sabiex jiksbu, permezz tas-sekwestru tal-abitazzjoni tal-konsumatur u tal-familja tiegħu, il-pagament ta’ somom li eventwalment ma jkunux dovuti.

36

Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, għandu jiġi osservat li s-sistema proċedurali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività sa fejn il-protezzjoni mogħtija lill-konsumatur fl-azzjonijiet individwali li l-eżitu tagħhom ikun marbut mas-soluzzjoni mogħtija f’azzjoni kollettiva pendenti tirriżulta li hija inkompleta u insuffiċjenti, u la tikkostitwixxi mezz adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżola kuntrattwali, bħalma hija dik ikkontestata fil-kawżi prinċipali, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 43).

37

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti adita b’azzjoni individwali minn konsumatur intiża li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li torbtu ma’ bejjiegħ jew fornitur tadotta ex officio, għall-perijodu li tqis li jkun utli, miżuri provviżorji fl-istennija ta’ sentenza definittiva dwar azzjoni kollettiva pendenti li s-soluzzjoni mogħtija fiha tkun tista’ tiġi adottata għall-azzjoni individwali, meta tali miżuri huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għad trid tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati mill-konsumatur fuq il-bażi tad-Direttiva 93/13.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti adita b’azzjoni individwali minn konsumatur intiża li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li torbtu ma’ bejjiegħ jew fornitur tadotta ex officio, għall-perijodu li tqis li jkun utli, miżuri provviżorji fl-istennija ta’ sentenza definittiva dwar azzjoni kollettiva pendenti li s-soluzzjoni mogħtija fiha tkun tista’ tiġi adottata għall-azzjoni individwali, meta tali miżuri huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun għad trid tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati mill-konsumatur fuq il-bażi tad-Direttiva 93/13.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.