DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Disinni — Direttiva 98/71/KE — Artikolu 14 — Regolament (KE) Nru 6/2002 — Artikolu 110 — Il-klawsola msejħa ‘ta’ tiswija’ — L-użu ta’ terzi minn trade mark, fin-nuqqas ta’ kunsens min-naħa tal-proprjetarju, għall-partijiet ta’ bdil jew għall-aċċessorji tal-vetturi bil-mutur identiċi għal prodotti li għalihom hija rreġistrata t-trade mark”

Fil-Kawża C‑500/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Torino (it-tribunal ta’ Torino, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Ford Motor Company

vs

Wheeltrims srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ford Motor Company, minn A. Camusso, avukat,

għal Wheeltrims srl, minn D. Rizzo, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120) u tal-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinni Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ford Motor Company (iktar ’il quddiem “Ford”) u Wheeltrims srl (iktar ’il quddiem “Wheeltrims”), dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn din tal-aħħar ta’ għotjien għaċ-ċentru tar-roti ta’ karozzi li fuqhom jidher sinjal identiku għat-trade mark irreġistrata minn Ford b’mod partikolari għal tali prodotti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-leġiżlazzjoni dwar id-disinni

3

Il-premessa 7 tad-Direttiva 98/71 tipprovdi li:

“Billi din id-Direttiva ma teskludix l-applikazzjoni għal disinji ta’ liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità li jipprovdu protezzjoni minbarra dik mogħtija permezz ta’ reġistrazzjoni jew pubblikazzjoni bħala disinn, bħalma huma l-liġijiet dwar drittijiet ta’ disinji mhux reġistrati, trade marks, brevetti u mudelli ta’ utilità, kompetizzjoni nġusta jew responsabbiltà ċivili”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Qasam ta’ l-applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a)

drittijiet ta’ disinn reġistrati ma’ l-uffiċċji ċentrali ta’ proprjetà industrijali ta’ l-Istati Membri;

(b)

drittijiet ta’ disinn reġistrati fl-Uffiċċju tad-Disinn tal-Benelux;

(ċ)

drittijiet ta’ disinn reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li jkollhom effett fi Stat Membru;

(d)

applikazzjonijiet għal drittijiet ta’ disinn imsemmija f’ (a), (b) u (ċ).

2.   Għall-fini ta’ din id-Direttiva, reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tkopri wkoll il-pubblikazzjoni wara l-preżentata tad-disinn fl-uffiċċju tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru li fih dik il-pubblikazzjoni jkollha l-effett li ddaħħal dritt fuq disinn fis-seħħ.’’

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji” jipprovdi:

“Sakemm ikunu adottati emendi għal din id-Direttiva fuq proposta mill-Kummissjoni [Ewropea] skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18, Stati Membri għandhom iżommu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet legali eżistenti tagħhom dwar l-użu tad-dsinn ta’ parti komponenti użata għall-fini tat-tiswija ta’ prodott kumpless biex jinġieb fid-dehra oriġinali tiegħu, u għandhom jintroduċu bidliet għal dawk id-dispożizzjonijiet biss jekk l-iskop ikun li jiġi liberalizzat is-suq għal dawk il-partijiet.”

6

L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Relazzjoni ma’ forom oħra ta’ protezzjoni”, jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità ta’ l-Istat Membru konċernat dwar id-drittijiet ta’ disinn mhux reġistrati, trade marks jew sinjali distintivi oħra, brevetti u mudelli ta’ utilità, karattri tipografiċi, responsabbiltà ċivili u kompetizzjoni nġusta.”

7

Il-premessi 5 u 31 tar-Regolament Nru 6/2002 huma fformulati kif ġej:

“(5)

Dan juri l-ħtieġa għal ħolqien ta’ disinn Komunitarju li jkun jista’ jiġi applikat f’kull wieħed mill-Istati Membri, minħabba li b’dan il-mod biss jista jkun possibbli li jinkseb, permezz ta’ applikazzjoni waħda magħmula lill-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinn) skond proċedura waħdiena taħt liġi waħda, disinn wieħed għal żona waħda li tikkomprendi l-Istati Membri kollha.

[...]

(31)

Dan ir-Regolament ma jipprekludix illi jiġu applikati lid-disinji protetti bid-disinji Komunitarji dwar il-liġijiet industrijali tal-proprjetà jew il-liġijiet relevanti l-oħra ta’ l-Istati Membri, bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-disinji miksuba bir-reġistrazzjoni jew dawk li għandhom x’jaqsmu mad-disinji, il-marki tal-fabbrika, il-patenti u l-mudelli ta’ utilità mhux irreġistrati, il-kompetizzjoni mhux ġusta jew il-lijabbiltà ċivili.”

8

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-disinn Komunitarju”, jipprovdi:

“1.   Disinn li jikkonforma mal-kondizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament huwa minn issa ’l quddiem imsejjaħ bħala ‘disinn Komunitarju’.

2.   Disinn għandu jkun protett:

a)

b’‘disinn Komunitarju mhux irreġistrat’, jekk magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f’dan ir-Regolament;

b)

b’‘disinn Komunitarju rreġistrat’, jekk magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f’dan ir-Regolament.

3.   Disinn Komunitarju għandu jkollu karattru unitarju. Għandu jkollu effett egwali [fl-Unjoni Ewropea] kollha. Ma jistax jiġi rreġistrat, ittrasferit jew ċedut jew ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tiddikjarah invalidu, u lanqas ma jista’ jiġi pprojbit l-użu tiegħu, għajr rigward [l-Unjoni] kollha. Dan il-prinċipju u l-implikazzjoni tiegħu għandhom japplikaw għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament.”

9

L-Artikolu 96(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ għamliet oħra tal-protezzjoni skond il-liġijiet nazzjonali” jinqara kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni tal-liġijiet [tal-Unjoni] jew tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri interessati li għandhom x’jaqsmu mad-disinji mhux irreġistrati, mal-marki tal-fabbrika jew sinjali oħra distintivi, mal-patenti u l-mudelli ta’ utilità, mat-tipi ta’ l-istampa, mal-lijabbiltà ċivili u mal-kompetizzjoni inġusta.”

10

Skont l-Artikolu 110 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjoni transitorja”:

“1.   Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.

2.   Il-proposta mill-Kummissjoni riferita fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa flimkien ma’ u tqis, kull bidla li l-Kummissjoni għandha tipproponi fuq l-istess suġġett skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva [98/71].”

Il-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks

11

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

b)

kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:

(a)

li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

(b)

li l-merkanzija tiġi offerta, jew li titqiegħed fis-suq jew li tinħażen għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew li jiġu offerti jew provduti servizzi taħtu;

(c)

l-importazzjoni jew esportazzjoni tal-merkanzija taħt is-sinjal;

(d)

l-użu tas-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

4.   Fejn, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru, l-użu ta’ sinjal taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jew fil-paragrafu 2 ma jistax jiġi projbit qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex għall-konformità [mal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92)] fl-Istat Membru konċernat, id-drittijiet mogħtija mit-trade mark ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi impedit l-użu kontinwat tas-sinjal.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx jinċidu fuq id-dispożizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru relattivament għall-protezzjoni kontra l-użu ta’ sinjal ħlief milli sabiex issir distinzjoni tal-merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.’’

12

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li hu intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jipprovdi:

“1.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża, fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

(a)

l-isem jew l-indirizz tiegħu stess;

(b)

indikazzjonijiet relatati mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew xi karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

(c)

it-trade mark fejn din tkun meħtieġa sabiex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċessorji jew spare parts,

sakemm jużahom skond prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali.

2.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fl-eżerċizzju tal-kummerċ, dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jekk dak id-dritt ikun rikonoxxut mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u fil-limiti tat-territorju li fih huwa jkun rikonoxxut.”

13

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva huwa dwar l-eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark.

14

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jitratta liċenzji li t-trade mark tista’ tkun l-għan tagħhom.

15

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/95, id-Direttiva 89/104 hija mħassra, u r-referenzi magħmulin għaliha għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din l-ewwel direttiva.

16

L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja” huwa fformulat kif ġej:

“1.   It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

(b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(c)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni [fl-Unjoni] u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

2.   Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

(a)

it-twaħħil ta’ sinjal mal-prodotti jew mal-imballaġġ tiegħu;

(b)

l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(c)

l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal;

(d)

l-użu ta’ sinjal f’gazzetta kummerċjali u fir-riklamar.

3.   Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja għandhom jipprevalu kontra terzi persuni mid-data ta’ pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Madanakollu, jista’ jintalab kumpens raġonevoli fir-rigward ta’ atti li jiġru wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jekk dawn ikunu atti li, wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jkunu projbiti bis-saħħa tal-istess pubblikazzjoni. Il-qorti li quddiemha jiġi l-każ ma tistax tiddeċiedi fuq il-merti tal-każ qabel ma tiġi ppubblikata r-reġistrazzjoni.”

17

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament intitolat “Il-limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark Komunitarja”, huwa fformulat kif ġej:

“It-trade mark Komunitarja ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

(a)

isimha stess jew l-indirizz tagħha;

(b)

indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi;

(c)

it-trade mark fejn dan huwa meħtieġ sabiex wieħed jindika l-għan intenzjonat tal-prodotti jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

sakemm dan l-użu jsir f’konformità mal-użi tajba fl-oqsma industrijali u kummerċjali.”

Id-dritt Taljan

18

L-Artikolu 20 tad-digriet leġiżlattiv Nru 30 li jirrigwarda Kodiċi tal-proprjetà industrijali (decreto legislativo n. 30 - Codice della proprietà industriale), tal-10 ta’ Frar 2005 (GURI Nru 52, tal-4 ta’ Marzu 2005) kif emendat bid-digriet leġiżlattiv Nru 131 tat-13 ta’ Awwissu 2010 (decreto legislativo n. 131, GURI no 192, tat-18 ta’ Awwissu 2010, iktar ’il quddiem is-“CPI”), intitolat “Drittijiet mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark irreġistrata jikkonsistu fil-fakultà li wieħed jagħmel użu esklużiv tat-trade mark. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark reġistrata, għall-prodotti jew servizzi identiċi jew simili, jekk minħabba l-identità jew xebħ bejn is-sinjali u minħabba l-identità jew xebħ bejn il-prodotti jew is-servizzi, huwa possibbli li tkun osservata probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tikkonsisti b’mod partikolari fil-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn iż-żewġ sinjali;

c)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark reġistrata fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ukoll ma jixxibħux, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ b’mod partikolari jimpedixxi lil terzi kollha li jwaħħlu s-sinjal fuq il-prodotti jew fuq l-imballaġġ tagħhom; li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet, jew li joffru u jfornu servizzi taħt dak is-sinjal; l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal; l-użu ta’ sinjal f’gazzetta kummerċjali u fir-riklamar.

3.   In-negozjant jista’ jwaħħal it-trade mark tiegħu stess fuq il-merkanzija li jqiegħed għal bejgħ, iżda ma jistax iwaqqaf it-trade mark tal-produttur jew tan-negozjant li rċieva l-prodotti jew il-markanzija mingħandu.”

19

L-Artikolu 21 tas-CPI, imsejjaħ “Limitazzjonijiet tad-dritt tat-trade mark”, jipprovdi:

“1.   Id-drittijiet tat-trade mark reġistrata ma għandhomx jagħtu d-dritt lill-proprjetarju tagħhom li jipprojbixxi lil terzi milli jużaw, fl-eżerċizzju tal-kummerċ, sa fejn dan l-użu huwa konformi mal-prinċipji tal-integrità professjonali:

(a)

l-isem jew l-indirizz tiegħu stess;

(b)

indikazzjonijiet relatati mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-merkanzija jew tal-għoti tas-servizz, jew xi karatteristika oħra ta’ tal-merkanzija; jew

(c)

it-trade mark fejn din tkun meħtieġa sabiex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċessorji jew partijiet ta’ bdil.

2.   Ma huwiex permess li tintuża t-trade mark b’mod kuntrarju għal-liġi, la, b’mod partikolari, b’mod li tipprovoka probabbiltà ta’ konfużjoni fis-suq b’sinjali oħra magħrufa bħala distintivi ta’ impriżi, ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ oħrajn, la, fi kwalunkwe każ, li hija tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fir-rigward tan-natura, kwalità jew oriġini tal-merkanzija jew tas-servizzi, minħabba l-mod u l-kuntest li fih tintuża, lanqas li tippreġudika d-dritt ta’ awtur jew ta’ proprjetà industrijali, jew għal drit esklużiv ieħor ta’ terzi.

3.   Huwa pprojbit li kwalunkwe persuna tagħmel użu minn trade mark reġistrata wara li r-reġistrazzjoni ġiet iddikjarata invalida peress li l-kawża tal-invalidità twassal għall-illegalità tal-użu tat-trade mark.”

20

L-Artikolu 241 tal-imsemmi CPI intitolat “Drittijiet esklużivi fuq partijiet komponenti ta’ prodott kumpless” huwa fformulat kif ġej:

“Saż-żmien li d-Direttiva [98/71] tkun emendata fuq proposta mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, id-drittijiet esklużivi relatati mal-partijiet komponenti ta’ prodott kumpless ma jistgħux jiġu invokati biex tiġi pprekluża l-manifattura u l-bejgħ ta’ dawn il-partijiet komponenti bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu’’.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Ford, li hija produttur ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll ta’ aċċessorji u ta’ partijiet ta’ bdil għal dawn il-vetturi, tidentifika l-prodotti tagħha permezz ta’ twaħħil ta’ sinjal b’forma ovali, imqiegħda f’pożizzjoni lonġitudinali u li tippreżenta ġewwa l-iskrizzjoni “Ford” b’tipi korsivi ta’ fantasija, bi jew mingħajr kuluri (iktar ’il quddiem it-“trade mark Ford”). Dan is-sinjal kien is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet bħala trade mark kemm għall-vetturi kif ukoll għal partijiet ta’ bdil u aċċessorji, inklużi ċentru tar-roti. Ford twaħħal din it-trade mark, b’mod partikolari fuq iċ-ċentri tar-roti mmuntati fuq ir-rimmijiet tar-roti tal-karozzi li tipproduċi.

22

Wheeltrims, fornitur ta’ partijiet ta’ bdil għal vetturi bil-mutur, tikkummerċjalizza ċentri tar-roti li jinkludu kull wieħed ir-riproduzzjoni eżatta tat-trade marks ta’ diversi kostrutturi ta’ vetturi bil-mutur, li minnhom it-trade mark Ford, mingħajr ma għandha l-awtorizzazzjoni għal dan il-għan. Din il-kumpannija tipproduċi u tikkummerċjalizza ukoll ċentri tar-roti “universali”, jiġifieri li ma għandhomx trade mark kwalunkwe, għal prezzijiet inferjuri għal dawk li għandhom trade mark ta’ kostruttur.

23

Fil-15 ta’ Mejju 2013, Ford bdiet azzjoni ta’ ksur kontra Wheeltrims quddiem it-Tribunale di Torino (tribunal ta’ Torino) bil-għan, min-naħa, li twaqqaf lil Wheeltrims minn kull produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ ċentri tar-roti li għandhom it-trade mark Ford kif ukoll minn kull użu mhux awtorizzat ta’ din it-trade mark fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li din il-kumpannija tiġi kkundannata ssewwi d-dannu subit minn Ford. Skont din tal-aħħar, it-twaħħil mingħajr awtorizzazzjoni tal-imsemmija trade mark fuq iċ-ċentri tar-roti kkummerċjalizzati minn Wheeltrims jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklużivi ta’ Ford, fis-sens tal-Artikolu 20 tas-CPI u tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, tali użu ma huwa b’ebda mod iġġustifikat minn waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tas-CPI u fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn it-twaħħil tat-trade mark Ford fuq iċ-ċentri tar-roti kkummerċjalizzati minn Wheeltrims ma huwiex neċessarju biex tindika s-skop intiż ta’ dan l-ispare part lanqas biex tiżgura funzjonijiet deskrittivi oħra, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

24

Wheeltrims issostni, għall-kuntrarju, li l-użu tagħha tat-trade mark Ford huwa purament deskrittiv. Din il-kumpannija tagħmel użu, f’dan ir-rigward, tad-deroga msejħa tal-“klawsola ta’ tiswija” li tidher fl-Artikolu 241 tas-CPI, li jipprovdi d-dritt li jiġu riprodotti l-komponenti, protetti minn trade mark, ta’ prodott kumpless, mingħajr ma jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, peress li din ir-riproduzzjoni għandha tippermetti li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tal-prodott kumpless (iktar ’il quddiem il-“klawsola ta’ tiswija”). It-twaħħil minn Wheeltrims tat-trade mark Ford fuq iċ-ċentri tar-roti li tikkummerċjalizza għandha bħala funzjoni mhux li tindika l-oriġini ta’ dawn il-partijiet, iżda li tidentifika l-manifattur tal-prodott previst fl-intier tiegħu, jiġifieri l-vettura bil-mutur li fuqha huma mmuntati ċ-ċentri tar-roti. Dan l-użu tat-trade mark Ford iservi biex tiġi riprodotta, fuq l-ispare part, proprjetà estetika u deskrittiva tal-parti tal-oriġini kkonċernata, jiġifieri ċ-ċentru tar-roti, din il-proprjetà għandha titqies bħala indispensabbli biex tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tal-prodott kumpless li tikkostitwixxi l-vettura bil-mutur fl-intier tagħha. Fin-nuqqas ta’ dan, għall-produtturi tal-partijiet ta’ bdil tal-vetturi bil-mutur, li jistgħu jużaw trade marks għal dan il-għan, dan ikun ta’ ostakolu għall-kompetizzjoni libera fis-suq ikkonċernat.

25

It-Tribunale di Torino (it-tribunal ta’ Torino) iqis li l-aġir kkritikat lil Wheeltrims jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet mogħtija minn trade mark Ford, li ma huwa ġġustifikat minn ebda mill-motivi msemmija fl-Artikolu 21 tas-CPI jew fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 207/2009. Din il-qorti tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Gillette Company u Gillette Group Finland (C‑228/03, EU:C:2005:177) u tqis li l-użu minn Wheeltrims tat-trade mark Ford ma huwiex neċessarju biex jiġi indikat lill-pubbliku l-iskop intiż taċ-ċentri tar-roti inkwistjoni jew aħjar il-kompatibbiltà tagħhom mal-prodott “Ford”, fis-sens ta’ din is-sentenza.

26

Tal-opinjoni ta’ din il-qorti, jeżisti dubju serju, min-naħa l-oħra, inkwantu għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawsola ta’ tiswija. Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni fuq ir-relazzjoni li teżisti bejn il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minn trade mark u din il-klawsola. Skont din il-qorti, l-Artikolu 241 tas-CPI u l-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprestaw ruħhom għal żewġ interpretazzjonijiet differenti li bejniethom hija maqsuma l-ġurisprudenza Taljana.

27

Skont l-ewwel interpretazzjoni, il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-post li jokkupaw fil-leġiżlazzjoni li tinkludihom kienu jissuġġerixxu li l-klawsola ta’ tiswija ma tawtorizzax produttur, bħal Wheeltrims, li jikkummerċjalizza l-partijiet ta’ bdil identiċi għall-parti tal-oriġini ħlief meta l-produzzjoni ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil għandha bħala għan li tirrestawra prodott kumpless fid-dehra oriġinali tiegħu u li timplika biss deroga mill-protezzjoni mogħtija lil disinn u mhux għal dritt ieħor li jipproteġi l-proprjetà industrijali, b’mod iktar partikolari għal trade mark reġistrata.

28

Skont it-tieni interpretazzjoni, il-klawsola ta’ tiswija għandha natura ġenerali u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandha tinftiehem fil-wiesa’, fid-dawl tan-neċessità li tingħata lill-prodotti kumplessi d-dehra oriġinali tagħhom irrispettivament mill-eżistenza ta’ drittijiet oħra li jipproteġu l-proprjetà industrijali, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Din in-neċessità hija intiża li tippermetti lill-manifattur tal-ispare part li jopera f’suq fuq l-istess livell mal-produttur tal-partijiet tal-oriġini, tkun xi tkun in-natura tal-protezzjoni mitluba minn dan tal-aħħar, billi tawtorizza dan il-manifattur tal-partijiet ta’ bdil li jirriproduċi l-parti tal-oriġini fil-karatteristiċi tagħha kollha, kemm funzjonali kif ukoll estetiċi.

29

L-imsemmija qorti tispeċifika li din it-tieni interpretazzjoni hija adottata minn qrati Taljani oħra, b’mod partikolari mill-Corte di Appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milano).

30

It-Tribunale di Torino (tribunal ta’ Torino) jindika li din l-interpretazzjoni nżammet ukoll mill-imħallfin li ċaħdu lil Ford mill-azzjoni għal miżuri provviżorji tagħha bbażata fuq l-istess fatti bħal dawk li huma aditi bihom. L-Imħallfin għal miżuri provviżorji kkunsidraw, essenzjalment, li l-klawsola ta’ tiswija prevista fl-Artikolu 241 tas-CPI kienet opposta minn Ford, sa fejn din il-klawsola tiggarantixxi dritt ekonomiku fundamentali għall-manifatturi tal-partijiet ta’ bdil li jipproduċu sostitut perfett ta’ komponent oriġinali ta’ prodott kumpless.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Torino (Tribunal ta’ Torino, l-Italja) ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Huwa kompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni] li l-Artikoli 14 tad-Direttiva 98/71 u l-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 jiġu applikati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jagħti lill-produtturi ta’ spare parts u aċċessorji d-dritt li jużaw trade mark irreġistrati ta’ terzi sabiex ix-xerrej finali jkun jista’ jirrestawra d-dehra oriġinali tal-prodott kumpless u, għalhekk, anki meta l-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark japplika s-sinjal distintiv inkwistjoni fuq l-ispare part jew fuq l-aċċessorju intiż sabiex jintrama fuq il-prodott kumpless, b’tali mod li jkun viżibbli esternament u għaldaqstant jikkontribwixxi għad-dehra esterna tal-prodott kumpless?

2)

Il-klawsola ta’ tiswija li tinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u fl-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li jagħti dritt suġġettiv lil impriżi terzi produtturi ta’ spare parts u ta’ aċċessorji u jekk dan id-dritt suġġettiv jinkludix id-dritt ta’ dawn l-impriżi terzi li jużaw it-trade mark irreġistrata ta’ ħadd ieħor fuq l-ispare parts u fuq l-aċċessorji, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/09 u tad-Direttiva 89/104 u, għaldaqstant, anki meta l-proprejtarju tat-trade mark japplika wkoll is-sinjal distintiv inkwistjoni fuq l-ispare part jew fuq l-aċċessorju intiż li jintrama fuq il-prodott kumpless, b’tali mod li jkun viżibbli esternament u għaldaqstant jikkontribwixxi għad-dehra esterna tal-prodott kumpless?”

Fuq id-domandi preliminari

32

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

33

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ammissibbiltà

34

Il-Gvern Ġermaniż għandu dubji inkwantu għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-qorti tar-rinviju ma tesponix fil-fatt ir-raġunijiet li għalihom huwa neċessarju, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li tingħata risposta għad-domanda dwar il-possibbiltà li tiġi trasposta, fil-qasam tat-trade marks, il-klawsola ta’ tiswija, li hija proprja għall-qasam tad-disinni. B’hekk il-problema mqajma għaldaqstant hija ta’ natura ipotetika.

35

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Idrodinamica Spurgo Velox et, C‑161/13, EU:C:2014:307, punt 29).

36

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċ-ċentri tar-roti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prodotti minn Wheeltrims, jirriproduċu t-trade mark Ford, b’mod li, jekk l-interpretazzjoni deskritta fil-punt 27 ta’ dan id-digriet għandha tinżamm, dan il-produttur ta’ partijiet mhux oriġinali għandu jiġi kkundannat għall-ħsara lil din it-trade mark, filwaqt li jekk hija l-interpretazzjoni deskritta fil-punt 28 ta’ dan id-digriet li għandha tipprevali, ma hemmx ħsara għall-imsemmija trade mark.

37

Konsegwentement, ma jidhirx b’mod manifest li l-problema mqajma fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija ta’ natura ipotetika. Għaldaqstant, din it-talba hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

38

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u l-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw, permezz ta’ deroga għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 u tar-Regolament Nru 207/2009, manifattur ta’ partijiet ta’ bdil u ta’ aċċessorji għall-vetturi bil-mutur, bħaċ-ċentri tar-roti, li jwaħħal fuq il-prodotti tiegħu sinjal identiku għal trade mark irreġistrata, fost affarijiet oħra għal dawn il-prodotti, minn produttur ta’ vetturi bil-mutur, mingħajr ma jinkiseb il-kunsens minn dan tal-aħħar, peress li l-użu b’hekk magħmul ta’ din it-trade mark jikkostitwixxi l-uniku motiv li tissewwa l-vettura kkonċernata billi tiġi rrestawrata lilha, bħala prodott kumpless, id-dehra oriġinali tagħha.

39

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 li dawn id-dispożizzjonijiet iġibu ċerti limiti biss għall-protezzjoni fir-rigward tad-disinni, mingħajr ma jagħmlu ebda riferiment għall-protezzjoni fir-rigward tat-trade marks.

40

Għandu jiġi kkonstatat, fit-tieni lok, li, skont l-Artikolu 2 tagħha, id-Direttiva 98/71 tapplika biss għar-reġistrazzjonijiet ta’ disinni mingħand ċerti servizzi nazzjonali u internazzjonali kif ukoll għall-applikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ disinni għal dan il-għan. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, li dan għandu t-tendenza biss li joħloq disinn Komunitarju applikabbli direttament f’kull Stat Membru.

41

Għandu jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 7 u mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/71 u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 31 u mill-Artikolu 96(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni japplikaw mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt jew tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat relatati, b’mod partikolari, mat-trade marks.

42

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u l-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludu ebda deroga għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 u tar-Regolament Nru 207/2009.

43

Inkwantu għat-teżi esposta mill-qorti tar-rinviju u difiża minn Wheeltrims, li tipprovdi li l-għan li tiġi ppreżervata s-sistema tal-kompetizzjoni mhux distorta segwita mill-Unjoni jeħtieġ li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 għall-protezzjoni fir-rigward tat-trade marks, għandu jiġi rrilevat li dan l-għan diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2008/95 u tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, permezz tal-limitazzjoni tal-effetti tad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju ta’ trade mark mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 jew, fir-rigward ta’ trade mark Komunitarja, mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament jipprovaw jirrikonċiljaw l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-trade mark u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern, u dan b’tali mod li d-dritt ta’ trademark jista’ jissodisfa rwol tiegħu ta’ punt essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat irid jistabbilixxi u jżomm (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi BMW, C‑63/97, EU:C:1999:82, punt 62, kif ukoll Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punt 29).

44

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva 2008/95 iwettqu armonizzazzjoni kompluta tar-regoli dwar id-drittijiet mogħtija mit-trade mark u jiddefinixxu għalhekk id-drittijiet li jgawdu l-proprjetarji ta’ trade marks fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, bla ħsara għall-każijiet partikolari rregolati mill-Artikoli 8 et seq ta’ din id-direttiva, qorti nazzjonali ma tistax, fil-kuntest ta’ kawża dwar l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mogħti minn trade mark, tillimita dan id-dritt esklużiv b’mod li jkun hemm eċċess tal-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija Artikoli 5 sa 7 (is-sentenza Martin Y Paz Diffusion, C‑661/11, EU:C:2013:577, punti 5455 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u l-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx, permezz ta’ deroga għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 u tar-Regolament Nru 207/2009, manifattur ta’ partijiet li jinqalgħu u ta’ aċċessorji għall-vetturi bil-mutur, bħaċ-ċentri tar-roti, li jwaħħal fuq il-prodotti tiegħu sinjal identiku għal trade mark irreġistrata, fost affarijiet oħra għal dawn il-prodotti, minn produttur ta’ vetturi bil-mutur, mingħajr ma jinkiseb il-kunsens minn dan tal-aħħar, peress li l-użu b’hekk magħmul ta’ din it-trade mark jikkostitwixxi l-uniku motiv li tissewwa l-vettura kkonċernata billi tiġi rrestawrata lilha, bħala prodott kumpless, id-dehra oriġinali tagħha.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni u l-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinni Komunitarji għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx, permezz ta’ deroga għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, manifattur ta’ partijiet li jinqalgħu u ta’ aċċessorji għall-vetturi bil-mutur, bħaċ-ċentri tar-roti, li jwaħħal fuq il-prodotti tiegħu sinjal identiku għal trade mark irreġistrata, fost affarijiet oħra għal dawn il-prodotti, minn produttur ta’ vetturi bil-mutur, mingħajr ma jinkiseb il-kunsens minn dan tal-aħħar, peress li l-użu b’hekk magħmul ta’ din it-trade mark jikkostitwixxi l-uniku motiv li tissewwa l-vettura kkonċernata billi tiġi rrestawrata lilha, bħala prodott kumpless, id-dehra oriġinali tagħha.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: it-Taljan.