16.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/9


Appell ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2014 minn Portovesme Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-291/11, Portovesme vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-606/14 P)

(2015/C 089/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Portovesme Srl (rappreżentanti: G. Dore, M. Liberati, A. Vinci, F. Ciulli, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza kkontestata u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, billi tilqa’ t-talbiet redatti fir-rikors tal-ewwel istanza (waqt li teskludi l-parti segwenti mis-sentenza: “jew parzjali sa fejn jitqies raġjonevoli” mill-ewwel punt tat-talbiet tagħha);

sussidjarjament, tilqa’ dan l-appell u tirrinvijja l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex issir evalwazzjoni ġdida tar-rikors tal-ewwel istanza, waqt li żżomm il-motivi li ser jiġu invokati f’din l-istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti quddiem iż-żewġ istanzi tal-qorti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellanti tinvoka seba’ aggravji għall-annullament tas-sentenza kkontestata:

1.

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika s-sentenza kkontestata abbażi ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-prinċipju tat-tul raġonevoli tal-proċedura amministrattiva u tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi għall-irkupru tal-għajnuna mħallsa.

2.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija illegali u għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni mill-Qorti Ġenerali, safejn din iddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikser il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità tal-azzjoni tal-amministrazzjoni.

3.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 19 TUE, fil-parti tas-sentenza kkontestata li fiha hija tat l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet tmur kontra il-kontenut litterali tagħha, bi ksur evidenti tal-limiti tal-prerogattivi tagħha.

4.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali, l-inugwaljanza fit-trattament invokata fil-konfront ta’ operatur ieħor (Alcoa-Alumix) fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna analoga, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE, sa fejn l-għajnuna mill-Istat kellha tiġi eżaminata bħala għanjnuna eżistenti.

5.

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, safejn, għall-kuntrarju ta’ dak li tqis il-Qorti Ġenerali, il-miżura kkontestata ma tikkostitwixxix vantaġġ indebitu, u lanqas ma taffettwa n-negozju bejn l-Istati Membri.

6.

Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa, jew evalwat b’mod insuffiċjenti jew żbaljat, l-ilment ibbażat fuq in-natura selettiva tal-miżura.

7.

Permezz tas-seba’ u l-aħħar aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 174 TFUE u l-Artikolu 107(3) TFUE, sa fejn il-miżura kompensatorja, minn naħa, hija koerenti mal-linji politiċi tal-koeżjoni soċjali għar-reġjuni insulari u nieqsa mill-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, hija konformi mad-derogi previsti mill-Artikolu 107 TFUE.