16.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/3


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2014 minn Brandconcern BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-30 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-51/12 – Scooters India Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-577/14 P)

(2015/C 089/04)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Brandconcern BV (rappreżentanti: A. von Mühlendahl, H. Hartwig, avukati, G. Casucci, N. Ferretti, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Scooters India Ltd

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2014 u tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Scooters India Ltd kontra d-deċiżjoni kontenzjuża mogħtija mill-Bord tal-Appell fl-1 ta’ Diċembru 2011 fil-Każ R 2312/2010-1;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija annullat id-deċiżjoni kkontestata peress li ċaħdet l-appell ippreżentat minn Scooters India Ltd dwar il-“vetturi; apparati għal-lokomozzjoni fuq l-art, fl-arja jew fuq l-ilma”,

tikkundanna lill-partijiet l-oħra fil-proċedura għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq żewġ aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (1) u, it-tieni nett, fuq ksur tar-regoli proċedurali billi ma ċaħditx ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Scooters India Ltd sa fejn ġie iddikjarat infondat.

Scooters India Ltd hija l-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja LAMBRETTA, irreġistrata b’mod partikolari għal “vetturi; apparati għal-lokomozzjoni fuq l-art, fl-arja jew fuq l-ilma” fil-klassi 12 tal-klassifikazzjoni internazzjonali. L-appellanti talbet ir-revoka tat-trade mark b’mod partikolari għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 12, abbażi tal-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li t-trade mark ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin. Din it-talba ġiet milqugħa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI. L-appell ippreżentat minn Scooters India Ltd ġie miċħud mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI bħala infondat. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-UASI kellu l-obbligu, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jieħu inkunsiderazzjoni prodotti fil-klassi 12 li fil-konfront tagħhom ġie invokat użu ġenwin, minkejja l-fatt li dawn il-prodotti ma kinux jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball legali meta talbet lill-UASI jeżamina l-allegat użu ġenwin tat-trade mark LAMBRETTA għal ċerti prodotti, bħall-ispare parts, minkejja l-fatt li dawn il-prodotti ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-prodotti li għalihom it-trade mark LAMBRETTA hija rreġistrata fil-klassi 12. L-appellanti ssostni li interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 titlob li huwa biss l-użu ta’ prodotti li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-indikazzjonijiet fir-reġistrazzjoni li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C-307/10, Ġabra, EU:C:2012:361).

L-appellanti ssostni, għalhekk, li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata u li r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-Bord tal-Appell għandu jiġi miċħud.

L-appellanti ssostni wkoll, permezz tat-tieni aggravju, li anki jekk jiġi aċċettat li l-UASI kien obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni prodotti fil-klassi 12 li fil-konfront tagħhom ġie invokat użu ġenwin, il-Qorti Ġenerali wettqet żball proċedurali meta annullat id-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ebda restrizzjoni. Wara li kkonstatat, fis-sentenza appellata, li l-proprjetarju tat-trade mark LAMBRETTA ma tax prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark għall-prodotti li għalihom hija ġiet irreġistrata (iżda billi talbet lill-UASI madankollu li jieħu inkunsiderazzjoni l-użu magħmul għal prodotti oħra li jaqgħu taħt l-istess klassi), il-Qorti Ġenerali kellha tikkonferma d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Bord tal-Appell ma kkonstata ebda użu ġenwin għall-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark.


(1)  ĠU L 78, p. 1.