9.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/36


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fil-11 ta’ Diċembru 2014 – Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides vs Mostafa Lounani

(Kawża C-573/14)

(2015/C 046/43)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

Konvenut: Mostafa Lounani

Domandi preliminari

1)

Il-punt (ċ) tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (1), għandu jiġi interpretat bħala li neċessarjament jimplika, sabiex il-klawżola ta’ esklużjoni li huwa jipprevedi tkun tista’ tapplika, li l-applikant għall-ażil ikun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2) li ġiet trasposta fil-Belġju permezz tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar ir-reati terroristiċi?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, fatti, bħal dawk imsemmija fil-punt 5.9.2. tas-sentenza kkontestata Nru. 96.933 tal-Conseil du contentieux des étrangers, mogħtija fit-12 ta’ Frar 2013, li huma imputati fuq il-konvenut permezz tad-deċiżjoni tat-tribunal correctionnel de Bruxelles tas-16 ta’ Frar 2006 u li għalihom huwa ġie kkundannat għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni terroristika, jistgħu jitqiesu bħala aġir li jmur kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-punt (ċ) tal-Aritkolu 12(2) tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq 2004/83/KE?

3)

Fil-kuntest tal-eżami tal-esklużjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni terroristika, il-kundanna bħala membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika, li tikkonstata li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali la kien wettaq, u lanqas ma pprova jwettaq jew hedded li jwettaq att terroristiku, hija biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ att ta’ parteċipazzjoni jew ta’ instigazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83/KE, imputabbli għall-applikant, jew, huwa neċessarju li jsir eżami individwali tal-fatti tal-kawża u li tintwera l-parteċipazzjoni fit-twettiq ta’ reat terroristiku jew l-instigazzjoni ta’ reat terroristiku ddefinit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu?

4)

Fil-kuntest tal-eżami tal-esklużjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni terroristika, jekk ikun il-każ bħala mexxej, l-att ta’ instigazzjoni jew ta’ parteċipazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83/KE, għandu jkun relatat mat-twettiq ta’ reat terroristiku kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu jew jista’ jkun relatat mal-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku, imsemmi fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas?

5)

Fil-qasam tat-terroriżmu, l-esklużjoni tal-protezzjoni internazzjonali, prevista fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE, hija possibbli fl-assenza ta’ twettiq, ta’ instigazzjoni jew ta’ parteċipazzjoni f’att vjolenti, ta’ natura partikolarment krudili, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18.