15.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 315/42 |
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2014 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-358/14)
2014/C 315/69
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
— |
tiddikjara bħala invalidi l-Artikolu 2.25, l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 7(1) sa (5), l-ewwel sentenza tal-paragrafu (7), u (12) sa (14), u l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1); |
— |
tikkundanna lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni fir-rikors tagħha li d-dispożizzjonijiet ikkontestati fihom regoli kumplessi u ġodda stabbiliti għall-ewwel darba fid-Direttiva 2014/40/UE, li l-għan tagħhom huwa, permezz tal-istabbiliment ta’ projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti u permezz tal-istabbiliment ta’ miżuri li jakkompanjaw dik il-projbizzjoni, li jeskludu għal kollox dawn il-prodotti, inklużi sigarretti tal-mentol, mis-suq intern. Fid-dawl tas-sehem miżmum mis-sigarretti tal-mentol fis-suq tal-Unjoni Ewropea għal prodotti tat-tabakk, din il-projbizzjoni ġġib magħha implikazzjonijiet serji ħafna għall-manifattura ta’ sigarretti tal-mentol.
Ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem l-oġġezzjonijiet li ġejjin għad-dispożizzjonijiet ikkontestati:
|
L-ewwel oġġezzjoni: ksur tal-Artikolu 114 TFUE. Il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sigarretti tal-mentol ġiet introdotta anki jekk ma hemmx diskrepanzi bejn dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jistgħu jirrestrinġu l-moviment tal-merkanzija. Din il-projbizzjoni ma tikkontribwixxix biex ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, iżda, għall-kuntrarju, tirriżulta fil-ħolqien ta’ ostakoli li ma kinux jeżistu qabel ma ġiet adottata id-Direttiva. |
|
It-tieni oġġezzjoni: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sigarretti tal-mentol ma hijiex mezz xieraq biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija mid-direttiva. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tmur kontra r-rekwiżit li l-miżuri meħuda għandhom ikunu neċessarji għal ksib tal-għanijiet imfittxija. L-ispejjeż involuti fl-introduzzjoni tal-projbizzjoni jaqbżu mhux ftit kull vantaġġ potenzjali. |
|
It-tielet oġġezzjoni: ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sigarretti tal-mentol tmur kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà, sa fejn il-kwistjoni tal-konsum tas-sigarretti tal-mentol, kemm fir-rigward tal-influwenza fuq is-saħħa pubblika kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż potenzjali soċjali u ekonomiċi tal-projbizzjoni tal-bejgħ tagħhom, hija ta’ natura lokali li hija limitata għal grupp ristrett ta’ Stati Membri. Għal din ir-raġuni, din il-kwistjoni għandha tiġi solvuta f’livell nazzjonali, u esklużivament f’dawn l-Istati Membri li fihom hemm livell għoli ta’ konsum u ta’ manifattura ta’ dawn il-prodotti. |