13.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Câmpulung (ir-Rumanija) fil-21 ta’ Lulju 2014 – Maria Bucura vs SC Bancpost SA

(Kawża C-348/14)

2014/C 361/04

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Judecătoria Câmpulung

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Maria Bucura

Konvenuta: SC Bancpost SA

Parti intervenjenti: Vasile Ciobanu

Parti terza: SC Raiffeisen Bank SA

Domandi preliminari

1)

Abbażi tad-Direttiva 93/13 (1), qorti nazzjonali li quddiemha tressqet oppożizzjoni għal eżekuzzjoni furzata, deċiża fl-assenza tal-konsumatur, ta’ kuntratt ta’ kreditu assoċjat mal-ħruġ ta’ karta tat-tip American Express Gold, hija obbligata, meta jkollha fil-pussess tagħha l-punti ta’ fatt u tal-provi neċessarji għal dan il-għan, li tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal-kummissjonijiet previsti mill-kuntratt inkwistjoni [a) kummissjoni għall-ħruġ tal-karta; b) kummissjoni għall-amministrazzjoni annwali tal-karta; c) kummissjoni għall-amministrazzjoni annwali ta’ karta supplimentari; d) kummissjoni għat-tiġdid tal-karta; e) kummissjoni għas-sostitzzjoni tal-karta; f) kummissjoni għall-ħruġ ta’ PIN ġdid; g) kummissjoni għall-ġbid ta’ flus mill-magni jew mingħand il-kaxxier (tal-bank stess jew ta’ banek oħra fir-Rumanija jew pajjiż ieħor); h) kummissjoni għall-pagament ta’ oġġetti u/jew servizzi pprovduti mill-kummerċjanti f’pajjiż ieħor jew fir-Rumanija; i) kummissjoni għall-istampar u għall-kunsinna tar-rendikont tal-kont; j) kummissjoni għall-konsultazzjoni tal-bilanċ mill-magni; k) kummissjoni għal dewmien fil-pagament; l) kummissjoni għall-eċċess tal-limitu ta’ kreditu; m) kummissjoni għal rifjut ta’ pagament inġustifikat], li l-ammont tagħhom ma huwiex speċifikat fl-imsemmi kuntratt?

2)

Id-definizzjoni tal-interessi annwali permezz tal-formulazzjoni segwenti [l-interessi fuq il-kreditu huma kkalkolati skont il-bilanċ ta’ kuljum, diviż f’kategoriji (ħlas, ġbid ta’ flus, spejjeż u kummissjoni), u skont ir-rata tal-interessi ta’ kuljum marbuta mal-perijodu li qed jiġi kkalkolat. L-interessi huma kkalkolati kuljum, skont il-formula segwenti: is-somma tal-multiplikazzjoni bejn l-ammont ta’ kull kategorija tal-bilanċ ta’ kuljum u r-rata tal-interessi ta’ kuljum li tapplika fil-ġurnata inkwistjoni; ir-rata tal-interessi ta’ kuljum hija kkalkolata abbażi tar-relazzjoni bejn ir-rata tal-interessi annwali u 360 ġurnata], definizzjoni li għandha importanza essenzjali fil-kuntest tad-Direttiva 87/102 (2), kif emendata bid-Direttiva 98/7 (3), hija redatta b’mod ċar u li jinftiehem fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13?

3)

L-ommissjoni tal-indikazzjoni tal-ammont tal-kummissjonijiet dovuti abbażi tal-kuntratt u l-inklużjoni f’dan tal-aħħar tal-metodu tal-kalkolu tal-interessi fl-assenza tal-indikazzjoni tal-ammont tagħhom jawtorizzaw lill-qrati nazzjonali, skont id-Direttiva 87/102, kif emendata bid-Direttiva 98/7, u d-Direttiva 93/13, sabiex jiddeċiedu li l-assenza ta’ din l-informazzjoni fil-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandha bħala konsegwenza li l-kreditu mogħti huwa kkunsidrat bħala mingħajr kummissjoni u interessi?

4)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-kodebitur jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 93/13 u fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 87/102?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, il-prinċipju ta’ effettività tad-drittijiet mogħtija mid-direttivi huwa sodisfatt f’sitwazzjoni fejn l-ammont tal-interessi, tal-kummissjonijiet u tal-ispejjeż isir jaf bihom id-debitur prinċipali biss permezz tar-rendikont tal-kont ta’ kull xahar jew permezz ta’ avviż fil-fergħat tal-bank?

6)

Id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-bank huwa obbligat li jinforma bil-miktub kemm lid-debitur kif ukoll lill-kodebitur dwar il-limitu ta’ kreditu, l-interessi annwali u l-ispejjeż applikabbli mid-data ta’ meta ġie konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, kif ukoll dwar iċ-ċirkustanzi li fihom dawn l-elementi jistgħu jinbidlu, il-proċedura li permezz tagħha jispiċċa l-kuntratt ta’ kreditu, u għal dak li jirrigwarda kull bidla magħmula matul it-terminu tal-kuntratt ta’ kreditu fir-rigward tal-interessi annwali u tal-ispejjeż li jkunu saru wara l-firma tal-kuntratt ta’ kreditu, u dan fil-mument meta jsir dan il-bdil, permezz ta’ ittra rreġistrata flimkien ma’ konferma ta’ rċevuta jew permezz ta’ rendikont tal-kont ipprovdut mingħajr ħlas?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Dicembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).

(3)  Direttiva 98/7KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, li temenda d-Direttiva 87/102/KEE għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 36).