1.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 292/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (ir-Rumanija) fis-26 ta’ Mejju 2014 – Eugenia Florescu et vs Casa Judeţeană de Pensii Sibiu et

(Kawża C-258/14)

2014/C 292/18

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Alba Iulia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eugenia Florescu, Ioan Poiană, Cosmina Diaconu (fil-kwalità ta’ eredi tal-mejta Bădilă Mircea), Anca Vidrighin (fil-kwalità ta’ eredi tal-mejta Bădilă Mircea), Eugenia Elena Bădilă (fil-kwalità ta’ eredi tal-mejta Bădilă Mircea)

Konvenuti: Casa Județeană de Pensii Sibiu, Casa Națională de Pensii și alte Drepturi de Asigurări Sociale, Ministerul Muncii, Familiei și Protecției Sociale, Statul Român prin Ministerul Finanțelor Publice, Ministerul Finanțelor Publice prin D.G.F.P. Sibiu

Domandi preliminari

1)

Memorandum bħall-Memorandum ta’ Qbil, tat-23 ta’ Ġunju 2009, bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, ippubblikat fil-Monitorul Oficial Nru 455 tal-1 ta’ Lulju 2009, jista’ jitqies li huwa att, deċiżjoni, komunikazzjoni, etc., li għandu saħħa legali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-3 ta’ Frar 1976, Manghera et, 59/75, Ġabra p. 91; u tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C-57/95, Ġabra p. I-1627), u jista’ jkun suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-Memorandum ta’ Qbil, tat-23 ta’ Ġunju 2009, bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, ippubblikat fil-Monitorul Oficial Nru 455 tal-1 ta’ Lulju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal, il-Kummissjoni Ewropea tista’ validament timponi l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li ċċaħħad lil persuna mid-dritt tagħha li tirċievi l-pensjoni kontributorja għal iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, stabbilita skont il-liġi u rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, għar-raġuni li din il-persuna tirċievi salarju għal attività mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, differenti minn dik li fir-rigward tagħha hija tirċievi l-pensjoni?

3)

Il-Memorandum ta’ Qbil, tat-23 ta’ Ġunju 2009, bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li titnaqqas il-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea tista’ validament timponi l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li ċċaħħad lil persuna, b’mod komplet u għal żmien indefinit, mid-dritt tagħha li tirċievi l-pensjoni kontributorja għal iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, stabbilita skont il-liġi u rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, għar-raġuni li din il-persuna tirċievi salarju għal attività mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, differenti minn dik li fir-rigward tagħha hija tirċievi l-pensjoni?

4)

L-imsemmi memorandum fit-totalità tiegħu, u b’mod iktar partikolari l-punt 5(d) tiegħu, dwar ir-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u t-tisħiħ tal-effiċjenza tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li titnaqqas il-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea imponiet validament l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni mas-salarju għall-uffiċjali rtirati tal-istituzzjonijiet pubbliċi?

5)

L-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 TUE, l-Artikolu 10 TFUE, il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mid-dritt Komunitarju u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, li tipprovdi, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għall-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjoni mogħtija biss fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattiv u li ma tippermettix il-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali mogħtija f’oqsma oħra (ċivili, kriminali, kummerċjali, etc.), fil-każ ta’ ksur tal-istess prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-imsemmija deċiżjonijiet?

6)

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-ħlas tal-pensjoni tal-imħallfin professjonali, stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar matul iktar minn 30 sena ta’ servizz ġudizzjarju, għat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom fil-qasam tat-tagħlim tal-liġi fuq livell universitarju?

7)

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 83 tat-30 ta’ Marzu 2010) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li tesproprija lid-detentur ta’ pensjoni mid-dritt tiegħu li jirċievi pensjoni, minkejja li din tal-aħħar ġiet stabbilita abbażi ta’ iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, u minkejja li l-imħallfin ikkontribwew u jikkontribwixxu, b’mod separat, għall-fond tal-pensjonijiet, abbażi tal-attività universitarja tagħhom?

8)

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, u l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78/KE (1), dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni, mingħajr distinzjoni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludu deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ Stat Membru li, fl-istħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ liġi, tiddeċiedi li d-dritt għall-kumulu tal-pensjoni mas-salarju jappartjeni biss lill-persuni maħtura b’mandat, u b’hekk iċċaħħad minn dan id-dritt lill-imħallfin professjonali li huma pprojbiti milli jirċievu l-pensjoni stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet personali tagħhom imħallsa matul iktar minn 30 sena, għar-raġuni li żammew il-kariga tagħhom ta’ lecturer fil-kuntest tat-tagħlim tal-liġi fuq livell universitarju?

9)

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta, għal żmien indefinit, il-ħlas tal-pensjoni tal-imħallfin stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom imħallsa matul iktar minn 30 sena għat-tmiem tal-attività universitarja tagħhom?

10)

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li xxejjen il-bilanċ ġust li għandu jinżamm bejn il-protezzjoni tal-proprjetà individwali u r-rekwiżit tal-interess ġenerali, billi tobbliga biss lil ċerta kategorija ta’ persuni tbati t-telf tal-pensjoni ta’ mħallef għar-raġuni li l-imsemmija persuni jwettqu attività universitarja?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).