21.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 235/10


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

(Kawża C-238/14)

2014/C 235/14

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u D. Martin, aġenti)

Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Talbiet

tikkonstata li billi żamm derogi mill-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi mogħtija lill-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-klawżola 5 tal-anness tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (1);

tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Billi żamm derogi mill-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi mogħtija lill-ħaddiema intermittenti tal-ispettaklu, il-Lussemburgu kiser il-klawżola 5 tal-ftehim qafas.

Il-Kummissjoni tqis li għal din il-kategorija ta’ ħaddiema, id-dritt Lussemburgiż ma jipprevedi ebda raġuni objettiva li tippermetti li jiġi pprevenut użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, fatt li jikkostitwixxi ksur tal-klawżola 5(1)(a) tal-anness tal-ftehim qafas inkwistjoni.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.