8.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (l-Awstrija) fis-17 ta’ April 2014 – OMV Refining & Marketing GmbH vs Bundesminister für Land-, Forst-, Umwelt und Wasserwirtschaft

(Kawża C-192/14)

2014/C 303/07

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Niederösterreich

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: OMV Refining & Marketing GmbH

Konvenut: Bundesminister für Land-, Forst-, Umwelt und Wasserwirtschaft

Domandi preliminari

1)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE (1) hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE (2), sa fejn hija teskludi mill-bażi għall-kalkolu msemmi fl-Artikolu 10a(5)(a) u (b) l-emissjonijiet relatati ma’ gassijiet ta’ skart li huma prodotti mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u mis-sħana użata mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, li għalihom allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas hija awtorizzata skont l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE u tad-Deċiżjoni 2011/278/UE (3)?

2)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 3(e) u (u) tad-Direttiva 2003/87/KE, individwalment u/jew flimkien mal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn hija tindika li l-emissjonijiet ta’ CO2 relatati ma’ gassijiet ta’ skart li huma prodotti mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u mis-sħana użata mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, huma emissjonijiet minn “ġeneraturi tal-elettriku”?

3)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn din toħloq żbilanċ billi teskludi l-emissjonijiet relatati ma’ kombustjoni tal-gassijiet ta’ skart u mis-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni mill-bażi għall-kalkolu msemmija fl-Artikolu 10a(5)(a) u (b), filwaqt li dawn jagħtu dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 2011/278/UE?

4)

Id-Deċiżjoni 2011/728/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn l-Artikolu 15(3) tiegħu jemenda l-Artikolu 10a(5)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/87/KE, fis-sens li jissostitwixxi t-termini “istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3” bi “installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku”?

5)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn din id-deċiżjoni ma ġietx adottata fuq il-bażi tal-proċedura regolatorja bl-istħarriġ meħtieġ mill-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE u mill-Artikolu 12 tar-Regolament 182/2011/UE?

6)

L-Artikolu 17 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ż-żamma ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas ibbażati fuq il-kalkolu illegali ta’ fattur ta’ korrezzjoni transettorjali?

7)

L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, individwalment u/jew flimkien mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi kkalkolat illegalment, hekk kif iddeterminat fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448/UE u fl-Anness II tiegħu, għall-allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas fi Stat Membru?

8)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn hija tinkludi biss l-emissjonijiet minn installazzjonijiet li kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja mill-2008, b’mod li teskludi l-emissjonijiet relatati mal-attivitajiet li kienu inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2008 (fl-Anness I emendat tad-Direttiva 2003/87/KE) jekk dawn l-attivitajiet seħħew f’installazzjonijiet li diġà kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja qabel l-2008?

9)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn hija tinkludi biss l-emissjonijiet minn installazzjonijiet li kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja mill-2013, b’mod li teskludi l-emissjonijiet relatati mal-attivitajiet li kienu inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 (fl-Anness I emendat tad-Direttiva 2003/87/KE) jekk dawn l-attivitajiet seħħew f’installazzjonijiet li diġà kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja qabel l-2013?


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, p. 27).

(2)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1).