26.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 159/20


Appell ippreżentat fit-2 ta’ April 2014 minn SKW Stahl-Metallurgie Holding AG, SKW Stahl-Metallurgie GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-23 ta’ Jannar 2014 fil-Kawża T-384/09, SKW Stahl-Metallurgie Holding AG, SKW Stahl-Metallurgie GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-154/14 P)

2014/C 159/27

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: SKW Stahl-Metallurgie Holding AG, SKW Stahl-Metallurgie GmbH, (rappreżentanti: A. Birnstiel u S. Janka, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Gigaset AG, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha sa fejn tiċħad it-talbiet tal-appellanti u tilqa’ fl-intier tagħhom it-talbiet tal-appellanti li saru fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

iktar sussidjarjament, tnaqqas, ex aequo et bono, il-multi li ġew imposti fuq l-appellanti fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Lulju 2009;

iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

fir-rigward tal-punti hawn fuq, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti essenzjalment jinvokaw erba’ aggravji:

1.

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u għandha tiġi annullata peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura dwar il-multi, il-konvenuta kisret id-drittijiet proċedurali fundamentali tar-rikorrenti, bħad-dritt għal smigħ. Billi laqgħet l-evalwazzjoni tal-konvenuta, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-projbizzjoni ta’ evalwazzjoni antiċipata tal-provi.

2.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, bid-deċiżjoni tagħha u l-multi stabbiliti għad-diversi gruppi ta’ impriżi responsabbli in solidum, il-konvenuta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 101 TFUE u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, b’mod li l-Qorti Ġenerali tat ukoll deċiżjoni żbaljata fid-dritt meta applikat il-kunċett ta’ unità ekonomika u fir-rigward tal-portata tal-obbligu legali ta’ motivazzjoni.

3.

Permezz tas-sentenza tagħha, u peress li kkonfermat id-deċiżjoni tal-konvenuta, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk kisret il-prinċipju ta’ ċarezza tas-sanzjonijiet u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

4.

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat fid-dritt, is-sottomissjonijiet supplimentari tagħhom bħala ġodda, u għaldaqstant inammissibbli, minkejja li huma kienu diġà qajmu tali ilmenti fir-rikors tagħhom.