10.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 175/27 |
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2014 – Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-136/14)
2014/C 175/34
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: J. Rodrigues u L. Visaggio, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
— |
tannulla d-Direttiva tal-Kunsill 2013/64/UE, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/271/KEE u 1999/74/KE, u d-Direttivi 2000/60/KE, 2006/7/KE, 2006/25/KE u 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (1) |
— |
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Direttiva 2013/64/UE li l-Kunsill adotta fuq il-bażi legali tal-Artikolu 349 TFUE.
Skont il-Parlament, l-għażla tal-bażi legali tal-Kunsill hija żbaljata, peress li l-miżuri li huma s-suġġett tad-direttiva kkontestata jagħmlu parti mill-attribuzzjonijiet tal-Unjoni skont il-politiki differenti komuni. Għalhekk, dawn il-miżuri kellhom jiġu adottati skont bażijiet legali settorjali dwar l-oqsma tal-ambjent, tal-agrikoltura, tal-politika soċjali u tas-saħħa pubblika, jiġifieri skont l-Artikoli 43(2), 114, 153(2), 168 u 192(1) TFUE u mhux skont il-bażi tal-Artikolu 349 TFUE.
Għall-Parlament, miżuri li ma għandhomx bħala għan li jindirizzaw restrizzjonijiet ta’ natura ekonomika jew soċjali li qiegħed iġarrab reġjun ultraperiferiku permezz ta’ deroga mill-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fir-reġjun ikkonċernat, ma jistgħux validament jiġu adottati skont il-bażi legali tal-Artikolu 349 TFUE. Għalhekk, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, miżuri li huma intiżi biss li jipprorogaw l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal reġjun ultraperiferiku.