10.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (L-Ungerija) fit-18 ta’ Marzu 2014 – Iron & Smith vs Unilever NV

(Kawża C-125/14)

2014/C 175/28

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Iron & Smith

Konvenut: Unilever NV

Domandi preliminari

1)

Għall-finijiet tal-prova tar-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95/KE biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (1) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva”), huwa suffiċjenti li din it-trade mark tkun tgawdi minn reputazjoni fi Stat Membru wieħed, inkluż il-każ fejn l-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali, li fir-rigward tagħha tkun saret l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ din ir-reputazzjoni, tkun ġiet ippreżentata f’pajjiż ieħor li ma jkunx l-Istat Membru inkwistjoni?

2)

Fil-kuntest tal-kriterji territorjali użati fl-eżami tar-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jista’ jsir użu mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja?

3)

Meta l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarju preċedenti jkun ipprova r-reputazzjoni tat-trade mark tiegħu f’pajjiżi – li jkopru parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni Ewropea – li ma jinkludux l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali, jista’ dan jiġi obbligat, minkejja dan il-fatt, li jressaq prova konklużiva wkoll fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru?

4)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun negattiva, jista’ jkun il-każ, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq intern, li trade mark li tkun ġiet użata b’mod intensiv f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea ma tkunx magħrufa mill-pubbliku nazzjonali rilevanti u li, minħabba f’hekk, it-tieni kundizzjoni meħtieġa għar-raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva ma tkunx ġiet issodisfatta, jiġifieri ma jkunx hemm probabbiltà li t-trade mark nazzjonali tieħu vantaġġ żleali mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark preċedenti jew li tippreġudikahom; u jekk iva, liema huma l-elementi li tagħhom il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja għandu jġib il-prova sabiex il-kundizzjoni hawn fuq imsemmija tkun issodisfatta?


(1)  Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25)