7.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 102/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Aosta (l-Italja) fl-10 ta’ Frar 2014 – Equitalia Nord SpA vs CLR di Camelliti Serafino & C. Snc

(Kawża C-68/14)

2014/C 102/33

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Ordinario di Aosta

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Equitalia Nord SpA

Konvenuta: CLR di Camelliti Serafino & C. Snc

Domandi preliminari

1)

Il-leġiżlazzjoni Taljana pprovduta fl-Artikolu 3(1) u (4) tad-Digriet-Liġi Nru 95 tas-6 ta’ Lulju 2012, parzjalment emendat bil-Liġi ta’ konverżjoni Nru 135 tas-7 ta’ Awwissu 2012, sa fejn tipprovdi li “b’kunsiderazzjoni għan-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni ekonomika u fid-dawl tan-neċessità prioritarja li jintlaħqu l-għanijiet li l-ispejjeż pubbliċi jiġu limitati, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att, għas-snin 2012, 2013 u 2014, l-aġġustament marbut mal-varjazzjoni tal-indiċi ISTAT, previst mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, ma japplikax għall-kirjiet dovuti mill-amministrazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-rapport ta’ dħul ikkonsolidat tal-awtoritajiet pubbliċi, kif imsemmija mill-Istituto nazionale di Statistica skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi Nru 196, tal-31 ta’ Diċembru 2009, u lanqas [għall-kirjiet dovuti] mill-Awtoritajiet indipendenti, inkluża l-Commissione nazionale per le Società e la borsa (Consob) għall-użu ta’ proprjetajiet immobbli mikrija għal finijiet istituzzjonali” u barra minn hekk, fil-paragrafu 4, li “sabiex jiġu limitati l-ispejjeż pubbliċi, għal kuntratti li għalihom l-amministrazzjonijiet ċentrali bħal dawk imsemmija mill-Istituto nazionale di Statistica skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi Nru 196, tal-31 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll l-Awtoritajiet indipendenti, inkluża l-Commissione nazionale per le Società e la borsa (Consob), krew proprjetajiet immobbli għal finijiet istituzzjonali, il-kirjiet għandhom jitnaqqsu, mill-1 ta’ Jannar 2015, b’15 % tal-kirja attwalment imħallsa” u li “mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi ta’ konverżjoni ta’ dan id-digriet, it-tnaqqis imsemmi fis-sentenza preċedenti japplika fi kwalunkwe każ għall-kuntratti ta’ kera li skadew jew li ġġeddu wara din id-data”, tmur kontra l-Artikolu 106(1) u (2) TFUE inkwantu hija tali li tipprovdi vantaġġ mhux iġġustifikat u diskriminatorju lil persuni li joperaw f’sistema ta’ kompetizzjoni meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ persuni oħra li jeżerċitaw l-istess attività iżda ma jibbenefikawx mill-imsemmija leġiżlazzjoni?

2)

Sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni hija tali li tipprovdi vantaġġ mhux iġġustifikat u diskriminatorju lil persuni li joperaw f’sistema ta’ kompetizzjoni meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ persuni oħra li jeżerċitaw l-istess attività iżda li ma jibbenefikawx minnha, tista’ titqies bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?