Kawża C-590/14 P

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI)

u

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Alouminion tis Ellados VEAE

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Produzzjoni ta’ aluminju — Tariffa preferenzjali ta’ elettriku mogħtija permezz ta’ kuntratt — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Xoljiment ta’ kuntratt — Sospensjoni ġudizzjarja tal-effetti tax-xoljiment — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali — Artikolu 108(3) TFUE — Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ — Distinzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2016

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Kunċett – Kuntratt, konkluż qabel l-adeżjoni tal-Istat ikkonċernat fil-Komunitajiet Ewropej, li jagħti tariffa preferenzjali ta’ elettriku – Xoljiment ta’ kuntratt – Digriet ta’ qorti nazzjonali għal miżuri provviżorji li jissospendi l-effetti tax-xoljiment tal-kuntratt u li jestendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija tariffa – Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida

    (Artikolu 108(1) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b) u (c); Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004, Artikolu 4(1))

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kompetenzi u ġurisdizzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qrati nazzjonali – Rwol tal-qrati nazzjonali – Salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet f’kawża fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel – Obbligu tal-qrati nazzjonali li jisiltu l-konsegwenzi kollha minn dan il-ksur konformement mad-dritt nazzjonali

    (Artikolu 108(2) u (3) TFUE)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kompetenzi u ġurisdizzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qrati nazzjonali – Rwol tal-qrati nazzjonali – Obbligu tal-qrati nazzjonali li joqgħodu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni – Obbligu li tiġi vverifikata l-modifika eventwali tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna – Obbligu ta’ notifika fil-każ ta’ għajnuna ġdida

    (Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 108(2) u (3) TFUE)

  1.  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999, jipprevedi li, “[g]ħall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-[Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni”.

    L-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-informazzjoni ekonomika u taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw fis-suq inkwistjoni fid-data meta l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul ta’ żmien li fir-rigward tiegħu huwa previst l-għoti tal-għajnuna. Konsegwentement, it-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti jikkostitwixxi element tali li jinfluwenza l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-estensjoni tat-tul tal-validità tal-għajnuna eżistenti għandha titqies bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti u, għalhekk, tikkostitwixxi għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999.

    Issa, is-sospensjoni provviżorja u ex nunc tal-effetti tax-xoljiment ta’ kuntratt, konkluż bejn il-kumpannija pubblika tal-elettriku u kumpannija qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru għall-Komunitajiet Ewropej, li jagħti tariffa preferenzjali ta’ elettriku lill-imsemmija kumpannija, minn qorti nazzjonali li tkun qed taġixxi bħala qorti għal miżuri provviżorji, fejn b’hekk din it-tariffa tiġi applikata mill-ġdid għal ċertu perijodu, kellha bħala effett li jimmodifika l-limiti ratione temporis tal-iskema ta’ għajnuna hekk kif approvata mill-Kummissjoni. Konsegwentement, dan id-digriet għal miżuri provviżorji għandu jitqies li jikkostitwixxi modifika ta’ għajnuna eżistenti.

    (ara l-punti 47, 49, 50, 59)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 95-101)

  3.  L-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE. Fl-ambitu ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u joqogħdu lura minn dawk li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE. B’hekk, il-qrati nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, joqgħodu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    Barra minn hekk, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ġewx immodifikati u li, kieku kellu jirriżulta li dawn il-modifiki kellhom l-effett li jestendu l-portata tal-iskema, jista’ jkun meħtieġ li jitqies li din hija għajnuna ġdida li għandha bħala konsegwenza l-applikabbiltà tal-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    Konsegwentement, qorti nazzjonali li tkun qed taġixxi bħala qorti għal miżuri provviżorji, adita b’kawża dwar kuntratt, għandha l-obbligu li tinnotifika lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, bil-miżuri kollha li jaffettwaw l-interpretazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt li jistgħu jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, fuq il-kompetizzjoni jew sempliċemebt fuq it-tul attwali, matul perijodu speċifiku, ta’ għajnuna li tibqa’ disponibbli.

    Fil-fatt, ir-rikonoxximent lill-qrati nazzjonali li jkunu qed jaġixxu bħala qorti għal miżuri provviżorji tal-possibbiltà li jevitaw l-obbligi imposti fuqhom fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE iwassal lil dawn il-qrati sabiex imorru kontra l-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, intiżi li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll sabiex jiksru l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għaldaqstant, ikun jippreġudika inkontestabbilment l-effettività tal-imsemmija artikoli.

    (ara l-punti 105-108)